Ħal Qormi – Triq San Bartilmew – traffic calming measures
Question
Wara li diversi drabi qed jiġi nnotat sewqan perikolu fi Triq San Bartilmew ħdejn il-Knisja l-kbira ta’ San Bastjan li hija żona residenzjali u frekwentata minn ħafna nies li jmorru l-knisja, l-iskola jew jixtru mill-ħwienet tal-madwar u l-monti u wara inċidenti reċenti li setgħu kienu faċilment aktar gravi u fatali fl-istess triq fejn karozzi telgħu bankina u qaċċtu sub post office box u għollewa kważi m’għola sular u baqgħu deħlin fil-proprjetà tan-nies u saħansitra baqgħu deħlin u għamlu ħsara fil-proprjetà tan-nies, jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa u jimplimenta miżuri ta’ traffic calming measures fl-inħawi fosthom speed camera?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta ser tkun qed tagħmel kuntatt mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi, biex issir evaluazzjoni tal-bżonnijiet fiż-żona.
Skejjel tal-Istat – Spiża fuq inizjattiva ta’ uffiċjali tas-sigurtà
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-inizjattiva ta' uffiċjali tas-sigurtà għall-iskejjel tal-istat? Jista’ jgħid ukoll f'liema skejjel ġiet implimentata din l-inizjattiva? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew ingaġġati persuni u xi kriterji ntużaw biex jiġu impjegati dawn l-uffiċjali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Skola Nazzjonali tal-Isport – tfal li applikaw għal dixxiplini sportivi
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16415 li talbet lill-Ministru jgħid kemm minn dawk mhux aċċettati fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport talbu rendikont ta’ kif ingħataw il-marki u meta l-ġenituri ngħataw dan ir-rendikont; u b’referenza għat-twegiba tal-Ministru li “26 ġenitur talbu għal rendikont tal-marki. Kollha kellhom risposta dakinhar stess jew l-għada imma kollha f’inqas minn 24 siegħa. Dawn intalbu biss mill-ġenituri tat-tfal li waslu sal-interview. L-oħrajn li m’għaddewx qabel ingħataw rendikont mal-ijmejl fejn ġew infurmati li t-tfal m’għaddewx.”; jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-fatt hemmx min talab biex jara l-karti u din it-talba ġietx miċħuda? Għal liema raġuni ġiet miċħuda t-talba ta’ dawn il-ġenituri? Il-fatt li kif il-Ministru għarraf lil din il-kamra “Il-marki tal-isport ingħataw mill-assoċjazzjonijiet rispettivi tal-isport u l-NSS Selection Board ma kellu xejn x’jaqsam ma’ kif ingħataw dawn il-marki” ifisser ukoll li l-NSS board ma jagħmel l-ebda verifika ta’ dawn il-marki? Ifisser li ħadd ma jista’ jikkontesta kif ingħataw il-marki? Ifisser li ħadd ma jista’ jara kif u fuq liema kriterji ngħataw dawn il-marki?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li kien hemm xi ġenituri li talbu biex jaraw il-karti tal-eżamijiet u t-talbiet ġew miċħuda. Dan sar fuq parir tad-Dipartiment għall-Programmi ta' Tagħlim u Assessjar.
Sadanittant, min talab reviżjoni tal-karta tal-eżami, ingħata rapport bil-miktub wara li saret reviżjoni tal-karti minn markaturi li kienu differenti minn dawk li kkorreġew il-karti fil-bidu.
Tajjeb li jiġi nnutat li l-Assoċjazzjonijiet tal-Isport kienu fasslu huma stess kriterji tal-assessjar skont kif kien maqbul minnhom. Dawn il-kriterji, li huma aċċessibbli għal kulħadd minn fuq il-websajt tal-NSS (
https://nss.skola.edu.mt/assessment-criteria/
), kienu ġew imfassla fuq erba’ kriterji:
Tattika, Teknika, Fi
ż
joloġija u Psikoloġija/Personalità
. Fil-każ tal-għawm jingħataw punti skont il-ħin li jġibu fit-tlielaq u fil-każ tal-atlektika jingħataw marki fuq il-ħin jew skont id-distanzi, kif spjegat fuq il-websajt tal-NSS. Dawn ġew mirquma matul is-snin skont il-bżonn u dejjem ġew ippubblikati qabel ma fetħu l-applikazzjonijiet tal-NSS.
Fuq kollox, l-assessjar tal-isport isir mill-kowċ nazzjonali ta’ kull sport partikolari. Dawn għandhom il-kompetenza meħtieġa biex jaraw il-marki kif ingħataw u għaliex. F’dan il-każ ukoll kien hemm genituri li talbu verifika tal-marka tal-isport u l-assoċjazzjonijiet rispettivi ħadu ħsieb it-tweġibiet u spjegaw iktar fil-fond fejn kien hemm bżonn.
Skola Nazzjonali tal-Isport – tfal li applikaw għal dixxiplini sportivi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfal li applikaw biex jidħlu fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport matul is-sajf u d-dixxiplini sportivi li jipprattikaw? Kemm minnhom ġew aċċettati u liema dixxiplini sportivi jipprattikaw? Jista’ jgħid kemm minn dawk mhux aċċettati talbu rendikont ta kif ingħataw il-marki u meta l-ġenituri ngħataw dan ir-rendikont?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif muri fil-lista li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 16415 - Skola Nazzjonali tal-Isport.pdf
American University of Malta – kundizzjonijiet u timeline
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-American University of Malta hiex iżżomm mal-kundizzjonijiet u t-timeline miftiehem mal-Gvern? Jista’ jgħid ingħatawx xi konċessjonijiet fuq il-ftehim kif oriġinarjament milħuq mal-Gvern?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li, qabel xejn, il-ftehim inkwistjoni jistipula li l-proġett għandu jkun konkluż fi żmien 73 xahar. Dawn jiskattaw mal-ħruġ tal-permessi kollha neċessarji inkella wara 24 xahar mid-data tal-11 ta’ Marzu 2016, id-data tal-iffirmar tal-kuntratt, liema tiġi l-ewwel. Minbarra hekk, il-ftehim jippermetti estensjoni sa mhux iżjed minn 12-il xahar oħra.
Fil-kapaċità sħiħa tagħha, l-AUM hi obbligata li tattira mal-4,000 student mar-raba’ sena tat-tmiem tal-proġett. Teknikament it-tmiem tal-proġett ikun l-2025 u l-massimu tal-istudenti jintlaħaq fl-2029.
Minbarra dan, inżid li l-AUM issirilha assikurazzjoni esterna tal-kwalità mill-Kummissjoni għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (NCFHE), hekk kif stabbilit fil-kundizzjonijiet tal-liċenzja. Dan qed isir skont standards, linji gwida u kriterji Ewropej fuq il-kundizzjonijiet li saru lill-AUM biex ikun stabbilit li dawn qed jintlaħqu. Ma ngħataw ebda konċessjonijiet fuq il-kundizzjonijiet li saru oriġinarjament meta ngħatat il-liċenzja lill-AUM.
Skejjel Privati u Indipendenti – Covid Wage Supplement
Question
Meta wieħed jikkonsidra li l-ispiża tal-Iskejjel Privati se tiżdied minħabba l-effetti tal-pandemija li ġabu magħhom nefqa akbar fi proċess ta’ sanitizazzjoni, ilbies protettiv, kiri ta’ mobile class rooms biex tinżamm id-distanza soċjali, u investiment akbar fl-E-Learning, kif ukoll l-effetti fuq dħul ta’ wħud mill-ġenituri li jħallsu l-miżata ta’ uliedhom, jista’ l-Ministru jassigura li l-Covid Wage Supplement jiġi estiż lil hinn minn Settembru anke għall-Iskejjel Indipendenti?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien sar ftehim bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Assoċċjazzjoni tal-Iskejjel Indipendenti biex dawn l-iskejjel jitħallsu il-wage supplement bejn April u Settembru fuq kundizzjoni li jnaqqsu l-miżata matul dan il-perjodu. L-ammont ta’ skejjel indipendenti li bbenifikaw mill-wage supplement huwa ta’ 12 b’ammont approvat ta’ €3,587,279 li sa issa tħallsu €3,270,155. Bħal setturi oħra, l-iskejjel indipendenti jistgħu japplikaw għal skemi oħra li jgħinu l-operat fi żmien il-covid.
Meta wieħed jikkonsidra li l-ispejjeż li qed jidħlu fihom l-iskejjel kollha minħabba l-pandemija inkluż materjal u servizz ta’ sanitizazzjoni, ilbies protettiv, kiri ta’ spazji ġodda u għamara ġdida biex tinżamm id-distanza soċjali u meta wieħed iqis li mhux il-pagi tal-istaff u l-għalliema kollha huma koperti mill-ftehim mal-knisja, b’konsegwenza li xi skejjel qed joħorġu madwar €10,000 pagi fix-xahar minn ġewwa, kif ukoll l-effetti fuq dħul ta’ wħud mill-ġenituri li f’ċirkostanzi normali joffru donazzjoni għall-iskola ta’ uliedhom, jista’ l-Ministru jassigura li l-Covid Wage Supplement jiġi estiż anke għall-Iskejjel tal-Knisja?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal ma mxejna ma’ kull attivita li tirċievi finanzjament mill-gvern, dawn mhumiex eliġibbli għal wage supplement.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn studenti fl-edukazzjoni post sekondarja u terzjarja li jirċievu l-istipendju, jaħdmu part-time u ħadu l-benefiċċji minħabba l-COVID-19? Jista’ jgħid għaliex mhux qed jieħduh kollha kemm huma? Jista’ jikkunsidra li ma ssirx diskriminazzjoni ma’ studenti u l-benefiċċju jieħduh l-istudenti kollha li kienu qed jaħdmu?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk l–istudenti li kienu reġistrati mal-employer tagħhom u ma Jobsplus qabel id-9 ta’ Marzu 2020 kienu eliġibbli għall-wage supplement minn Lulju. Bħal kull ħaddiem ieħor kellhom japplikaw dawk eliġibbli għal wage supplement.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – bordijiet, kunsilli, awtoritajiet u sotto kumitati
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16092 u jagħti lista sħiħa tal-bordijiet, kunsilli, awtoritajiet u sotto kumitati tagħhom li jaqgħu taħt il-kappa tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol? Jista’ jgħid min huma l-persuni li servew u jservu f’kull waħda minn dawn l-entitajiet mill-2013 ‘il hawn? Għal kull wieħed minnhom, jista’ jgħid xi kwalifiċi u esperjenza għandu? X’pakkett finanzjarju, inkluż perkaċċi ngħata? Meta bdew, meta spiċċaw u għal-liema tul ta’ żmien ġie mogħti lilhom it-terminu ta’ ħatra?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 16408.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16099 b’mod sħiħ u d-diversi domandi li saru, inkluż din l-istess domanda, li qed nitolbu biex jgħid minn meta ġie fdat bid-dekasteru tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, min kienu dawk il-konsulenti kollha mingħajr ebda esklużjoni, inkluż dawk fuq position of trust, contract of service u contract for service, u li jaqgħu taħt il-kappa tal-Ministeru tiegħu inkluż is-Segretarju Parlamentari, is-Segretarju Permanenti, id-direttorati u l-bordijiet, kunsilli u awtoritajiet, li spiċċaw mill-kariga u min kienu dawk li bdew, kemm ilu Ministru hu? Għal kull wieħed minnhom, jista’ jgħid x’tip ta’ konsulenza/xogħol qed jagħmel? Xi kwalifiċi u esperjenza għandu? X’pakkett finanzjarju, inkluż perkaċċi, ngħata? Kemm-il siegħa mistennija li jaħdmu f’kull każ? Meta bdew, meta spiċċaw u għal-liema tul ta’ żmien ġie mogħti lilhom il-kuntratt?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa miżjuda li ġiet ivvutata għall-iskejjel biex jidħlu fis-seħħ il-miżuri relatati ma' COVID-19? Fiex kienet tikkonsisti din in-nefqa? Kemm minnha ntuża? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn ġew ivvutati għall-Iskejjel tal-Knisja u kemm għall-Iskejjel Independenti u jista’ jgħid kemm fil-fatt nefqu f’miżuri relatati dawn l-iskejjel?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li x-xiri għadu għaddej inkluż b'rabta mal-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti. Għaldaqstant, tweġiba tkun tista’ tingħata aktar 'il quddiem la l-eżerċizzju jingħalaq mill-partijiet kollha konċernati.
Skejjel Privati u Indipendenti – Covid Wage Supplement
Question
Meta wieħed jikkonsidra li l-ispiża tal-Iskejjel Privati se tiżdied minħabba l-effetti tal-pandemija li ġabu magħhom nefqa akbar fi proċess ta’ sanitizazzjoni, ilbies protettiv, kiri ta’ mobile class rooms biex tinżamm id-distanza soċjali, u investiment akbar fl-E-Learning, kif ukoll l-effetti fuq dħul ta’ wħud mill-ġenituri li jħallsu l-miżata ta’ uliedhom, jista’ l-Ministru jassigura li l-Covid Wage Supplement jiġi estiż lil hinn minn Settembru anke għall-Iskejjel Indipendenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-tweġiba tingħata aktar tard.
Meta wieħed jikkonsidra li l-ispejjeż li qed jidħlu fihom l-iskejjel kollha minħabba l-pandemija inkluż materjal u servizz ta’ sanitizazzjoni, ilbies protettiv, kiri ta’ spazji ġodda u għamara ġdida biex tinżamm id-distanza soċjali u meta wieħed iqis li mhux il-pagi tal-istaff u l-għalliema kollha huma koperti mill-ftehim mal-knisja, b’konsegwenza li xi skejjel qed joħorġu madwar €10,000 pagi fix-xahar minn ġewwa, kif ukoll l-effetti fuq id-dħul ta’ wħud mill-ġenituri li f’ċirkostanzi normali joffru donazzjoni għall-iskola ta’ uliedhom, jista’ l-Ministru jassigura li l-Covid Wage Supplement jiġi estiż anke għall-Iskejjel tal-Knisja?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-tweġiba tingħata aktar tard.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri li jagħmlu parti mis-selection board tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport (NSS)? Jista’ jgħid kull wieħed mill-membri x'esperjenza u kwalifiki għandu fil-qasam edukattiv u sportiv?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ awtonomija fl-iskejjel tal-Istat, Primarji u Sekondarji fl-għażla ta’ textbooks għat-tfal f’diversi suġġetti? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ eżempji konkreti f’dan ir-rigward?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għat-Tagħlim u l-Assessjar għaddej bi pjan sabiex, fuq medda ta’ numru ta’ snin, l-iskejjel primarji u sekondarji tal-Istat jagħżlu huma l-kotba addattati għalihom, bl-approvazzjoni tal-Uffiċjal Edukattiv tas-suġġetti differenti. Il-kotba magħżula jridu jkunu addattati għal pedagoġija tal-lum li tmur il-bogħod minn eżerċizzi ta’ drilling u ripetizzjoni żejda. Aktar minn hekk, l-iskejjel huma mħeġġa li kemm jista’ jkun imorru għal riżorsi diġitali minflok kotba tqal u statiċi.
Dan il-proċess tal-għażla tal-kotba beda fl-iskejjel primarji, fl-Ingliż, fil-Malti (
readers
) u fil-Matematika. Fis-sekondarja, sar ukoll proċess ta’ evalwazzjoni ta’ kotba tal-Fiżika u l-Bijoloġija u ttieħdet id-deċiżjoni li għalissa jinxtara biss liċenzja ta’ riżors diġitali minflok ktieb fiżiku.
L-esperjenza tat-tagħlim waqt il-perjodu tal-Covid 19 urietna li r-riżorsi diġitali huma ferm aktar milqugħa tajjeb mill-istudenti u l-għalliema. Għalhekk tnieda s-sit
http://teleskola.mt
b’riżorsi diġitali li l-għalliema qasmu ma’ għalliema sħabhom, sabiex it-tagħlim ikun aktar interessanti, relevanti u skont il-ħtieġa tal-istudenti llum. Il-ħsieb huwa li jinxtraw anqas u anqas kotba u workbooks u jinxtraw aktar liċenzji għal materjal diġitali.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-istudenti li ser ikunu qegħdin jibdew jew ikomplu kors fl-American University Malta matul is-sena akkademika li jmiss 2020-2021?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 11340.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statistika dwar in-numru ta’ studenti li qegħdin jattendu korsijiet fi ħdan l-American University of Malta? Jista’ jippreżenta l-istess statistika kors kors?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li għadha kif ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 16233.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statistika dwar in-numru ta’ studenti li qegħdin jattendu korsijiet fi ħdan l-American University of Malta u kif dawn ilaħħqu mal-ftehim li għandhom mal-gvern?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li għadha kif ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 16233.
Edukazzjoni post sekondarja u terzjarja – studenti li jirċievu l-istipendju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn studenti fl-edukazzjoni post sekondarja u terzjarja li jirċievu l-istipendju? Kemm minnhom jaħdmu part-time? Jista’ jgħid kemm minnhom ħadu l-benefiċċji minħabba l-COVID-19 u għaliex mhux qed jieħduh kollha kemm huma? Jista’ jikkunsidra li ma ssirx diskriminazzjoni ma’ studenti u l-benefiċċju jieħduh l-istudenti kollha li kienu qed jaħdmu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-istudenti eliġibbli għall-istipendji f’istituzzjonijiet post-sekondarji/terzjarji jammontaw għal 15,945.
Minn dawn, 1,999 student ġew identifikati mid-dokumenti li ssottomettew, li qegħdin jaħdmu part-time. Madankollu, jista’ jkun hemm studenti li ma applikawx għall-stipendju u li jaħdmu part-time però l-Uffiċċju tal-Maintenance Grants ma jkollux tagħrif dwarhom.
Matul il-COVID-19, l-istipendji ma ġewx imnaqqsa skont l-attendenza u ngħataw sħaħ lil kull student/a eliġibbli. Rigward benefiċċji oħra minħabba l-COVID-19, nitlob lill-Onor. interpellant biex jirreferi għand il-Ministeru konċernat.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Bordijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15037 u jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu u min serva fihom sena b’sena u bord b’bord mill-2013 lil hawn?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif muri fit-tabelli li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.