Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm tfal tal-iskejjel li jingħataw lunch kuljum mill-iskola? Tista' tgħid x'tip ta' lunch jingħataw? Tista' tagħti rendikont skola bi skola u kulleġġ b'kulleġġ? Kemm minn dawn it-tfal qed ikunu assenti mill-iskola? X'jiġri f'dan il-każ?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li hemm 214-il student mill-iskejjel tal-Istat li qed jingħataw lunch kuljum mill-iskola matul din is-sena skolastika. Dan il-lunch ivarja bejn ħobża, wrap jew għaġin akkompanjat minn frotta friska u flixkun ilma.
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont skola bi skola u Kulleġġ b'Kulleġġ ta’ kemm-il
lunch
qed jitqassam kuljum. L-iskejjel jafu bit-tfal li mhux qed jieħdu l-
lunch
peress li mhux qed jattendu l-iskola din is-sena minħabba l-pandemija
.
Attachments:PQ 17420 - Tfal tal-iskejjel li jingħataw lunch.pdf
Skejjel tal-Istat – Spiża fuq inizjattiva ta’ uffiċjali tas-sigurtà
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16511 u jgħid kemm ġiet tiswa l-inizjattiva ta' uffiċjali tas-sigurtà għall-iskejjel tal-istat? Jista’ jgħid ukoll f'liema skejjel ġiet implimentata din l-inizjattiva? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew ingaġġati persuni u xi kriterji ntużaw biex jiġu impjegati dawn l-uffiċjali?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Nirreferi lill-Onorevoli interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 16742.
Inżid li l-Ministeru ma mpjega l-ebda persuna għaliex dan hu xiri ta’ servizz skont ir-regoli tax-xiri pubbliku.
Skejjel Privati u Indipendenti – Covid Wage Supplement
Question
B’referenza għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari 16412 u 16413, jista’ l-Ministru jgħid x’għajnuniet ingħataw l-Iskejjel Indipendenti u l-Iskejjel tal-Knisja minħabba l-effetti tal-pandemija qabel u wara Settembru, li ġabu magħhom nefqa akbar mis-soltu? Kemm ingħataw totalment? Kemm ingħataw fis-sena skolastika li għaddiet u kemm ingħataw f’din is-sena skolastika? Kemm ingħataw skola skola? Jista’ jgħid għaliex ingħataw? Meta ingħataw? Il-Ministru għadu tal-istess idea li l-Iskejjel tal-Knisja ma jingħatawx COVID Wage Supplement?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
B’referenza ghall-mistoqsija parlamentari 17386, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern matul is-sena skolastika 2019/2020 ta assistenza kif gej:
· L-Iskejjel Indipendenti bbenifikaw minn skema tal-Gvern fejn ġie pprovdut ħlas ta’ €800 jew €500 lill-għalliema impjegati fuq bażi full time jew part time rispettivament;
· L-iskejjel Indipendenti estendew l-iskema tal-per capita sabiex il-bżonnijiet ta’ aktar studenti jiġu milqugħa mingħajr ma jiġi mnaqqas s-ceiling;
· Permezz tal-Holy See agreememt, il-pagi ta’ dawk l-edukaturi li huma approvati mill-istat u li jagħmlu parti mill-Iskejjel tal-Knisja baqgħu jirċievu s-salarju li hu mħallas mill-Istat.
Għas-sena skolastika 2020/2021 il-Gvern se jagħti assistenza kif ġej:
· Skejjel tal-Knisja: €9,600,000
· Skejjel Indipendenti: €5,580,000
Sa issa għadu ma nħareġ l-ebda pagament għaliex l-iskejjel għadhom ma ssottomettewx it-talba tagħhom.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16232, jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw liċenzji għall-materjal diġitali edukattiv minflok kotba u workbooks? Jista’ jgħid liema huma? Kemm swew? Minn min qed jintużaw? Jista’ jgħid jekk il-Gvern jaqsamx dawn ir-riżorsi ma’ skejjel tal-Knisja u Indipendenti? Jekk le għaliex?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 15685, jista’ l-Ministru jgħid kif l-istudenti qed jirkupraw jew jekk hemmx il-ħsieb u l-pjan biex l-istudenti jirkupraw t-tagħlim mitluf matul is-sena skolastika li għaddiet?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li ttieħdu diversi miżuri sabiex l-istudenti jirkupraw dak li seta’ intilef fil-ġimgħat li l-iskejjel kienu magħluqa u t-tagħlim kien qiegħed isir onlajn. Is-sillabi ta’ din is-sena skolastika ġew riveduti, inkluż dawk tas-SEC. L-għalliema, permezz tal-Uffiċjali Edukattivi, ngħataw linji gwida, f’kull suġġett, sabiex jirkupraw xi tagħlim li seta’ intilef. F’din is-sena skolastika, it-tagħlim ma huwiex interrott minn attivitajiet extra-kurrikulari, u għalhekk qiegħed isir aktar tagħlim fil-klassijiet.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16410 u16099 b’mod sħiħ u d-diversi domandi li saru, inkluż din l-istess domanda, li qed nitolbu biex jgħid minn meta ġie fdat bid-dekasteru tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, min kienu dawk il-konsulenti kollha mingħajr ebda esklużjoni, inkluż dawk fuq position of trust, contract of service u contract for service, u li jaqgħu taħt il-kappa tal-Ministeru tiegħu inkluż is-Segretarju Parlamentari, is-Segretarju Permanenti, id-direttorati u l-bordijiet, kunsilli u awtoritajiet, li spiċċaw mill-kariga u min kienu dawk li bdew, kemm ilu Ministru hu? Għal kull wieħed minnhom, jista’ jgħid x’tip ta’ konsulenza/xogħol qed jagħmel? Xi kwalifiċi u esperjenza għandu? X’pakkett finanzjarju, inkluż perkaċċi, ingħata? Kemm-il siegħa mistennija li jaħdmu f’kull każ? Meta bdew, meta spiċċaw u għal-liema tul ta’ żmien ġie mogħti lilhom il-kuntratt? Peress li l-Ministru ta l-impressjoni waqt id-diskors tal-budget li diġà pprovda din l-informazzjoni jista’ ġentilment jindika fejn għamel dan?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Ministeru għal Edukazzjoni – nefqa fuq komunikazzjoni, informazzjoni u propoganda
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm nefaq flus il-Ministeru tal-Edukazzjoni inkluż id-direttorati u l-entitajiet f’komunikazzjoni, informazzjoni u propaganda? Jista’ jagħti rendikont dettaljat ta’ fiex intefqet l-ispiża? Jista’ jgħid x’kien il-materjal li ġie mxandar jew imqassam? Jista’ jgħid min għamel dan ix-xogħol? Kemm minn dan ix-xogħol sar minn ħaddiema tal-gvern u kemm sar minn kumpaniji jew individwi privati? Fil-każ ta’ kumpaniji privati min kienu dawn il-kumpaniji, kemm ingħataw xogħol u ħlas, u b’liema tip ta’ sejħa ħadu dan ix-xogħol (tender jew direct order)?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika l-perjodu li għalih qiegħed jitlob l-informazzjoni.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17255, tista’ l-Ministru tispjega u tiċċara xi jfisser eżatt meta jgħid “Data on Monday 16th November 2020”? L-assenteiżmu kkwotat huwa biss għall-ġurnata msemmija jew huwa l-assenteiżmu regolari li kien hemm f’kull skola u kulleġġ minn Settembru sal-lum? Jekk l-informazzjoni li ngħatat kienet biss l-assenteiżmu għall-ġurnata waħda biss, tista’ tagħti l-informazzjoni kollha tal-assenteiżmu kollu b’averages u persentaġġi kulleġġ b’kulleġġ u skola bi skola minn Settembru sal-lum? Tista’ tgħid kemm minn dan l-assenteiżmu kien ikkwalifikat u ġġustifikat minħabba vulnerabilità u kemm le?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. interpellant hu kif muri fit-tabella li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17255, tista’ l-Ministru tipprovdi statistika ta’ kif l-assenteiżmu ta’ din is-sena jikkompara mal-aħħar 3 snin? Tista’ tagħti dan kulleġġ b’kulleġġ, skola bi skola u sena b’sena?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. interpellant hu kif muri fit-tabella li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru telabora x’qed tifhem b’Virtual School? X’tagħlim ieħor hemm offrut online fis-snin obbligatorji? Tista’ tikkonferma li din hija l-istess ħaġa li fil-bidu kien qed jingħad li kienet se tospita 600 (25 klassi b’24 student) u fuqhom u mhux l-400 u fuqhom li qed tikkwota t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17255? X’ġara mill-madwar 200 student li mhux jidhru fl-istatistika mogħtija f’dik it-tweġiba? Kienu minfuqa ċ-ċifri li tħabbru inizzjalment jew kien hemm min ġie eskluż jew mhux aċċettat għall-virtual learning? Kemm kien hemm studenti fil-primarja u kemm fis-sekondarja?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-Iskola Virtwali ġiet imnedija b’25 klassi u hija għal studenti tal-Primarja li huma vulnerabbli jew jgħixu f'kuntest ta' vulnerabbilità.
Sal-lum hemm 516-il student jattendu.
Fl-istess waqt aħna qed inħeġġu lil dawk il-ġenituri kollha li mhux qed jibagħtu t-tfal l-iskola għal raġunijiet li m'humiex dawk ta’ vulnerabbilità tal-istudent jew għixien f'kuntest ta' vulnerabbilità biex jibagħtu t-tfal tagħhom l-iskola għaliex hu fil-klassi li student jieħu l-aqwa edukazzjoni.
Sadanittant, l-istudenti fis-Sekondarja li mhux qed jattendu skola qed jiġu mgħejuna, inter alia, b'lezzjonijiet li, wara li nħarġu sejħiet għall-għalliema għal kull suġġett u kull sena, qed jittellgħu regolarment fuq is-sit tat-Teleskola.mt li hu aċċessibbli għall-etajiet kollha (sija Primarja u sija Sekondarja) u kompletament bla ħlas. Sal-ġurnata li fiha twieġbet id-domanda ittellgħu iktar minn 1,800 lezzjoni fid-diversi snin u suġġetti fuq teleskola.mt.
Pożizzjonijiet vakanti ta’ Diretturi Ġenerali, Diretturi u Assistenti Diretturi u Prinċipali tal-Iskejjel
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm pożizzjonijiet vakanti ta’ Diretturi Ġenerali, Diretturi u Assistenti Diretturi u Prinċipali tal-iskejjel fil-Ministeru tal-Edukazzjoni? Kemm ilhom vakanti dawn il-postijiet? Meta se jimtlew?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol hemm seba’ postijiet vakanti fil-pożizzjonijiet indikati mill-Onor. Interpellant, kif ġej:
· Chief Information Officer – 1/12/2020
· Vakanza waħda ta’ Head (College Network) (ex-College Principal) – 1/7/2020
· Director (Education Resources) – 1/1/2020
· Director General (Curriculum, Lifelong Learning and Employability) – 1/9/2020
· Head (Logistics and Transport) – 1/4/2019
· Assistant Director (Finance) – 22/6/2020
· Assistant Director (Policy Development and Programme Implementation) - 21/2/2020
Id-data murija ħdejn kull pożizzjoni hija d-data li fiha saru jew ser isiru vakanti dawn il-postijiet.
Infurmat li għadha kif ħarġet is-sejħa għall-ewwel ħames pożizzjonijiet msemmija. Ser tkun qed toħroġ is-sejħa għall-pożizzjonijiet ta' Assistent Direttur.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17256 u tweġibiet oħra fejn il-Ministru jħoss li l-mudell ta’ blended learning ħadem tajjeb, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ħafna studenti fil-Higher Secondary qed isostnu li dan il-mudell qed jonqoshom bl-ikrah? X’qed jistenna l-Ministru biex jindirizza sitwazzjoni li qed tesponi nuqqasijiet kbar ta’ organizzazzjoni u qed taffetwa ħażin lill-istudenti?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li peress li dan huwa mudell ġdid ta` tagħlim, hemm studenti li qed jibbenifikaw bħal dawk vulnerabbli li jistgħu jibqgħu jitgħallmu permezz tal-lezzjonijiet onlajn. Wieħed jista’ jifhem li xi studenti qed jesperjenzaw xi diffikultajiet speċjalment minħabba li xi suġġetti min-natura tagħhom joffru sfida kemm jekk it-tagħlim isir mill-klassi kif ukoll jekk isir onlajn.
Meta l-iskola ġiet biex tiddeċiedi liema suġġetti jew lezzjonijiet għandhom isiru fil-klassi, inżamm il-prinċipju bażiku fejn jekk klassi/kamra għandha s-social distancing kif stipulat fil-linji tas-Saħħa, il-lezzjoni ssir fil-klassi. Min-naħa l-oħra, gruppi li jkunu kbar u bis-social distancing ma jkunx hemm biżżejjed spazju fil-klassi, it-tagħlim isir onlajn.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17140 u jgħid x’qed jagħmel biex jirrispondi għall-ħtiġijiet tal-Istudenti tal-Mediċina preżenti u futuri fl-Università ta’ Malta, fil-kuntest tal-introduzzjoni tal-Iskola Medika ġdida ta’ Barts u l-istudenti tagħhom, sabiex jassigura li jkun hemm biżżejjed riżorsi għall-istudenti Maltin? Jista’ jgħid x’qed jagħmel fir-rigward ta’ sfidi bħal:
a. Espożizzjoni klinika mal-pazjenti;
b. Ħin ta’ prattika fis-swali tal-operazzjonijiet u fl-
outpatients
;
c. Konsulenti/Speċjalisti sabiex jgħallmu lill-istudenti; u
d. Biżżejjed xogħlijiet bħala Junior Doctors sabiex jakkomodaw għaż-żieda fl-istudenti?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Infurmata mill-Università ta’ Malta li sar arranġament ma' Barts biex għal din is-sena huma jużaw l-isptar għal fini ta' tagħlim fi żmien meta l-Università ta’ Malta tkun fir-recess; jiġifieri f’Jannar u fis-sajf.
a. L-Università ta' Malta ser tara li kif ikollha l-lista ta' konsulenti li se jaħdmu ma' Barts il-konsulenti ma jkunux mgħobbija żżejjed fl-istess ħin.
b. Qed nużaw kemm l-outpatients kif ukoll is-swali li huma covid negative bħal qabel. Fis-swali issa jidħlu 3 darbiet fil-ġimgħa imma għal ħin itwal biex in-numru ta' studenti ikun baxx.
c. Il-ħin li l-istudenti jagħmlu mal-Konsulenti/Speċjalisti huwa l-istess bħas-snin ta' qabel.
d. S’issa, b’dan l-arranġament li għamilna biex Barts jużaw il-clinics fir-recess tal-Università ta’ Malta, it-tobba li għandna bħalissa jidhru li huma biżżejjed.
B’referenza għal tweġibiet parlamentari li jindikaw li wieħed minn kull erbat itfal f’Malta u Għawdex mhux imorru skola f’dan il-perjodu ta’ pandemija, jista’ l-Ministru jagħti l-figuri preċiżi kulleġġ b’kulleġġ u skola bi skola ta’ kemm tfal fallew kif ukoll it-total ta’ popolazzjoni studenteska ta’ kull skola? Jista’ jagħti wkoll il-persentaġġi għal kull skola u għal kull kulleġġ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli interpellant hu kif muri fit-tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għal tweġibiet li ta l-Ministru rigward il-mudell ta’ blended learning, jista’ l-Ministru jgħid fejn qed jara li ħadem tajjeb u x’nuqqasijiet qed isib?
Response (BONNICI, OWEN)
Kif diġà kelli opportunità nispjega diversi drabi fil-livell post-sekondarju u terzjarju mhux fl-aħjar interess tal-istudenti jekk it-tagħlim imur kollu online. Dan anke skont riċerka li saret. Nemmnu li l-aħjar triq fiċ-ċirkostanzi li qegħdin fihom hi li fejn in-numru ta' studenti fi klassi ikun kbir il-lezzjonijiet isiru online waqt li fejn in-numru tal-istudenti fil-klassi ikun żgħir il-lezzjonijiet isir in person bil-prekawzjonijiet kollha. It-tagħlim f'dawn l-istituzzjonijiet miexi u qed jinżamm kuntatt kontinwu mat-tmexxija ta' kull istituzzjoni.
Peress li xi studenti setgħu ngħataw l-impressjoni minn dikjarazzjonijiet fil-media li minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari setgħu jkomplu bl-istudji universitarji tagħhom, mal-Università ta’ Malta, anke jekk ikollhom resits minħabba li din is-sena l-eżamijiet ta’ Mejju ma sarux; u peress li issa studenti li ma ġabux il-marki neċessarji fis-sessjoni ta’ Settembru qed jingħadilhom li “Unfortunately, if you have not obtained the 36 points by the first sitting of September 2020, you shall be withdrawn from the course” li effettivament ifisser li anke jekk jagħmlu l-eżamijiet f’Mejju li ġej, minħabba li m’hemmx sessjoni oħra u ċans ieħor kif normalment ikollhom l-istudenti, dawn l-istudenti ma jistgħux ikomplu bl-istudji tagħhom: jista’ l-Ministru jispjega eżatt kif il-proċess qed isir?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Università ta' Malta ħarġet stqarrija uffiċjali dwar il-materja li qed niġi interpellat dwarha.
Kopja tal-istqarrija, fil-verżjoni kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 17209 - Dħul fl-Universita' - 12 Nov 2020.pdfPQ 17209 - Entry to UM this year Nov 12 2020.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jżomm lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol milli jieħu passi immedjati biex jissalvagwardja s-saħħa u s-sigurtà ta’ tfal mil-lokalità tas-Siġġiewi (ħdejn id-Dolce Miele) li biex jirkbu t-trasport għall-iskola qed ikollhom jaqsmu triq perikoluża li bażikament hija salib it-toroq? Ma jaħsibx li dan il-periklu għal tfal ta’ 10 snin mhux neċessarju u huwa żejjed u jista’ jiġi evitat b’sempliċi struzzjoni mill-Ministeru? Għaliex inbidel il-pick up point min kif kien fl-aħħar snin? X’inhu jżomm lill-Ministeru li ilu jirċievi korrispondenza dwar dan il-periklu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li t-trasport bla ħlas għall-iskejjel tal-Istat jaħdem b’sistema ta’ pick-up/drop-off points. Kull student jiġi assenjat punt wieħed – f’dan il-każ biswit id-Dolce Miele, Siġġiewi. Minħabba li filgħodu u wara nofsinhar, il-vetturi ħafna drabi jkunu ġejjin minn direzzjonijiet differenti, huwa normali li, sakemm triq ma tkunx one way, filgħodu t-tfal jinġabru minn naħa tat-triq u wara nofsinhar jitniżżlu n-naħa l-oħra. Din is-sitwazzjoni mhix esklussiva għall-punt inkwestjoni u hija sistema simili għal dik tal-bus stops tat-trasport pubbliku. Wieħed irid ukoll iżomm f’moħħu li t-tfal li jużaw dawn il-pick-up/drop-off points ma jkunux
joqgħodu kollha fuq l-istess xaqliba tat-triq; għalhekk huwa inevitabbli li xi tfal ikollhom jaqsmu xi triq/toroq biex jaslu fuq/jitilqu mill-punt tagħhom.
F’dan il-każ speċifiku, hemm zebra crossing ftit metri bogħod mid-Dolce Miele minn fejn it-tfal flimkien mal-ġenituri tagħhom jistgħu jaqsmu t-triq min-naħa għall-oħra b’mod sigur skont ir-regolamenti tat-traffiku. Tenut kont xi feedback li daħlilna, qed nanalizzaw is-sitwazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed jagħmel biex jirrispondi għall-ħtiġijiet tal-istudenti tal-mediċina preżenti u futuri fl-Università ta’ Malta, fil-kuntest tal-introduzzjoni tal-iskola medika ġdida ta’ Barts u l-istudenti tagħhom, sabiex jassigura li jkun hemm biżżejjed riżorsi għall-istudenti Maltin? Jista’ jgħid x’qed jagħmel fir-rigward ta’ sfidi bħal:
a. Espożizzjoni klinika mal-pazjenti;
b. Ħin ta’ prattika fis-swali tal-operazzjonijiet u fl-
outpatients
;
c. Konsulenti/Speċjalisti sabiex jgħallmu lill-istudenti; u
d. Biżżejjed xogħlijiet bħala
Junior Doctors
sabiex jakkomodaw għaż-żieda fl-istudenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. interpellant li tlabt informazzjoni dwar din il-mistoqsija mingħand l-Università ta’ Malta. It-tagħrif mitlub ikun jista' jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif tingħatali din l-informazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri li jagħmlu parti mis-selection board tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport (NSS)? Jista’ jgħid kull wieħed mill-membri x'esperjenza u kwalifiki għandu fil-qasam edukattiv u sportiv?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fid-dokument li qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid hux konxju minn studju xjentifiku li sar ( https://www.tvm.com.mt/mt/news/kont-taf-li-iktar-qed-tibla-gass-tossiku-fid-dar-milli-fit-traffiku/?fbclid=IwAR1bBVOKym_I4oWwszKK1OZOIYgnLATboXqSBwSCSpi19ZHqzoqXAKvtWuI) minn żewġ akkademiċi Maltin, li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, li qed juri kif l-aktar lokalitajiet b’arja mniġġsa u l-aktar residenti esposti f’darhom stess għal tniġġiż qattiel bħal dak tad-diossidu tan-nitroġenu, huma Ħal Qormi, San Ġiljan, Birkirkara u Tas-Sliema? Meta l-istudji ta’ dawn ż-żewġ akkademiċi urew li d-diossidu tan-nitroġenu mhux jonqos b’mod sinifikanti f’din iż-żona, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet li għandu għal dawn l-inħawi u meta hu previst li jwettaqhom?
B’mod partikolari għal Ħal Qormi, li hija parti mill-kostitwenza li nirrapreżenta, jista’ jgħid hux jikkonsidra:
a) li tinbena fly-over/bridge minn Triq l-Imdina (wara l-KIA) int u ġej minn Ħaż-Żebbuġ jaqbad mill-ewwel mal-bypass tal-Imrieħel biex it-traffiku ma jibqax għaddej min-nofs Ħal Qormi, (speċjalment minn Triq il-Vitorja, Triq il-Ħelsien u Triq il-Wied);
b) miżuri biex il-junction ta’ ħdejn il-Qormi Sport & Fitness Park (popolarment magħrufa ħdejn l-Imgħallaq) ma’ tibqax tweħħel it-traffiku li ġej jew sejjer lejn Ħal-Luqa u Ħaż-Żebbuġ;
c) inċentivi aħjar u aktar effettivi għall-użu ta’ transport alternattiv
d) miżuri oħra li jidhirlu xierqa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis.
Bħala parti minn dan il-pjan, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’għexieren ta’ toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna.
Fl-inħawi msemmija fiċ-ċentru ta’ Malta diġà saru ħafna proġetti li qed iwasslu għal inqas konġestjoni u b’riżultat t’hekk, kwalità t’arja aħjar f’Ħal Qormi u fil-lokalitajiet tal-madwar. Fost proġetti oħrajn li saru f’din iż-żona kien hemm il-bini mill-ġdid taż-żewġ roundabouts ta’ Ħal Qormi u Triq Manwel Dimech li hemm bejniethom, il-bini mill-ġdid taż-żewġ roundabouts ta’ ta’ Ħaż-Żebbuġ fir-rotta lejn Ħal Qormi, il-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Qormi lejn Ħal Luqa li naqqset ħafna mill-konġestjoni fir-roundabout magħrufa bħala “tal-Imghallaq”, il-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Qormi lejn il-Marsa u Ħamrun, kif ukoll it-twessigħ tal-Marsa Hamrun Bypass. Dawn il-proġetti kollha diġà qed iwasslu għal titjib kbir fir-rotot ewlenin madwar il-lokalità ta’ Ħal Qormi.
Ħal Qormi se jgawdi wkoll mill-akbar żewġ proġetti li Infrastructure Malta qed tagħmel bħalissa – il-Marsa Junction Project u s-Central Link Project. Skont studju tal-2019 li sar mill-ekonomista Gordon Cordina dawn iż-żewġ proġetti flimkien ma’ ħamsa oħra li qegħdin isiru mill-aġenzija se jagħtu lura lill-pajjiż aktar minn €1.2 biljun f’benefiċċji kwanitifikabbli fuq medda ta’ 25 sena. Dan l-istudju jikkwantifika l-iffrankar ta’ ħin għall-ivvjaġġar li se jkun hemm bis-saħħa ta’ dawn il-proġetti fis-sistema tat-toroq tagħna u fost benefiċċji oħrajn se jiġibu magħhom titjib kbir fil-kwalità tal-arja billi se jonqos sostanzjalment it-tniġġis fl-arja kkaġunat mis-sewqan.
Fil-każ tal-Marsa Junction Project it-tnaqqis sinifikanti fil-ħin tal-ivvjaġġar se jkollu mpatt pożittiv fuq ir-reġjun tal-madwar. Il-materja partikolata (trabijiet fini) u l-emissjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu, li huma l-iżjed żewġ fatturi prinċipali tat-tniġġis mill-vetturi u fost il-kawżi ewlenin ta’ mard respiratorju, se jonqsu sa 70% u 52% rispettivament matul il-25 sena li ġejjin. Bil-proġett se jonqsu wkoll bin-nofs l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju kkaġunat mill-vetturi, li huwa kontributur prinċipali għall-emerġenza fil-klima.
F’dak li jirrigwarda s-Central Link Project l-istudji juru li dan se jwassal għal tnaqqis fil-materja partikolata sa 66% sal-2030, anke meta tikkunsidra ż-żidiet fil-ħtiġijiet tal-ivvjaġġar fil-futur. Bl-istess mod, l-emissjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu jonqsu b’41%.
Bħalissa Infrastruture Malta qed tagħmel studji u tħejji proposti dwar il-junction imsemmija fit-tieni mistoqsija biex it-traffiku ikun ikkordinat aħjar possibilment permezz ta’ separazzjoni tat-traffiku fuq żewġ livelli. L-istudju u l-analiżi għat-titjib tas-sistemi tat-trasport huwa proċess li qed isir b’mod kontinwu biex dejjem nilqgħu għat-tibdil fid-domanda għall-ivvjaġġar f’pajjiżna.