Wara li l-media indipendenti ħarġet rapport dwar telf kbir ta’ aktar minn 11-il miljun mill-AUM, l-hekk msejjħa Università Amerikana ta’ Malta (https://www.independent.com.mt/articles/2020-12-13/local-news/AUM-racks-up-11-2-million-in-losses-in-two-years-6736229393) tista’ l-Ministru tippubblika l-ftehim li hemm bejn il-gvern u l-grupp li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fl-integrità tiegħu u tgħid jekk din l-università hiex konformi ma’ dak il-ftehim?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ftehim, li qed jirreferi għalih, ġie diskuss fil-Parlament fl-14 ta’ Diċembru tal-2015 fejn ukoll tpoġġiet kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra. Għad-dettalji tiegħu jista’ wkoll jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 16416.
American University of Malta – kundizzjonijiet u timeline
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16416 u l-American University of Malta tista’ l-Ministru tippubblika r-rapport tal-eżerċizzju ta’ assikurazzjoni esterna tal-kwalità mill-Kummisjoni għall-Edukazzjoni Ogħla (NCFHE) hekk kif stabbilità fil-kundizzjonijiet għal-liċenzja lill-AUM?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
L-eżerċizzju ta’ assikurazzjoni esterna tal-kwalità mill-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) għadu għaddej. L-Onorevoli interpellant għandu jkun mgħarraf li l-Gvern hu impenjat li jara li l-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-kuntratt mal-AUM ikunu osservati fl-intier tagħhom.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16410 u16099 b’mod sħiħ u d-diversi domandi li saru, inkluż din l-istess domanda, li qed nitlob biex tgħid minn meta ġie fdat bid-dekasteru tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol il-Ministru Bonnici, min kienu dawk il-konsulenti kollha mingħajr ebda esklużjoni, inkluż dawk fuq position of trust, contract of service u contract for service, u li jaqgħu taħt il-kappa tal-Ministeru tiegħu inkluż is-Segretarju Parlamentari, is-Segretarju Permanenti, id-direttorati u l-bordijiet, kunsilli u awtoritajiet, li spiċċaw mill-kariga u min kienu dawk li bdew, kemm kien ilu Ministru hu? Għal kull wieħed minnhom, jista’ jgħid x’tip ta’ konsulenza/xogħol qed jagħmel? Xi kwalifiċi u esperjenza għandu? X’pakkett finanzjarju, inkluż perkaċċi, ingħata? Kemm-il siegħa mistennija li jaħdmu f’kull każ? Meta bdew, meta spiċċaw u għal-liema tul ta’ żmien ġie mogħti lilhom il-kuntratt? Peress li l-Ministru ta l-impressjoni waqt id-diskors tal-budget li diġà pprovda din l-informazzjoni jista’ ġentilment jindika fejn għamel dan? Tista’ l-Ministru tgħid ukoll minn kemm ilha Ministru x’tibdiliet saru fil-konsulenzi? Min kienu dawk ġodda li bdew u liema kienu dawk li spiċċaw?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli interpellant hu kif muri fit-tabelli li qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.
Rapport tal-Awditur Ġenerali — nuqqasijiet fl-għoti tal-kuntratti ta’ xogħol tal-bini tal-iskola primarja ta’ Marsaskala
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17838 u r-rapport tal-Awditur Ġenerali u n-nuqqasijiet li sab fl-għoti tal-kuntratti ta’ xogħol tal-bini tal-Iskola Primarja ta’ Marsaskala tista’ l-Ministru tispeċifika liema huma “l-azzjonijiet neċessarji skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-istess rapport” li qed tieħu? Tista’ tgħid jekk hux isir tisħiħ ieħor, lil hinn mir-rapport, biex jiġi assigurat governanza tajba fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-azzjonijiet speċifiċi li qed tieħu l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) huma dawk li tindirizza u timplimenta r-rakkomandazzjoni tar-rapport. B’mod aktar wiesgħa qed jiġu addottati proċeduri standard ta’ operat (SOPs) u jsir tibdil amministrattiv li jassigura li r-regoli ta’ procurement, kif ukoll prinċipji ta’ governanza tajba, jkunu osservati.
B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 11461, 11465, 15694 u 15696, jista' l-Ministru jgħid kemm-il student barrani nħarġitlu visa biex jistudja f’istituzzjoni edukattiva f’Malta? Jista’ jagħti rendikont sena b’sena għall-aħħar 10 snin u istituzzjoni edukattiva b’istituzzjoni? Mil-liema pajjiż ġew dawn l-istudenti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 11462 u 15695, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il spot check saret f’istituzzjonijiet edukattivi biex jiġi assigurat li kull student li ngħata visa biex jistudja f’Malta fil-fatt beda u baqa’ jsegwi l-kors edukattiv li applika għalih? X’kien l-eżitu ta’ dawn l-ispot checks? Kemm studenti fil-fatt ingħataw visa u qatt ma bdew jew spiċċaw il-kors li ngħataw il-visa għalih?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għall-istrajk tal-edukaturi nhar is-7 u t-8 ta’ Jannar u issa li sirna nafu li l-Unions u l-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti kellhom f’idejhom korrispondenza minn espert tas-saħħa u koordinaturi tal-COVID team tal-gvern dwar il-gravità tal-pandemija fil-perjodu li seħħ l-istrajk, u issa li sirna nafu wkoll li l-Ministeru tal-Edukazzjoni kellu din l-informazzjoni imma kien qed iżommha mistura għalih u fl-għami tal-unions, it-tmexxija tal-iskejjel, l-għalliema u l-ġenituri u l-istudenti, tista’ l-Ministru tippubblika l-korrispondenza msemmija?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parir pubbliku f’dan ir-rigward mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika kien ċar biżżejjed, jiġifieri li l-iskejjel għandhom jinfetħu. Dan ukoll fuq il-bażi li l-miżuri li ttieħdu fil-bidu tas-sena skolastika ħadmu tajjeb ħafna. L-ogħla awtorità tas-saħħa f’pajjiżna saħansitra indikat li hi tal-fehma li l-ftuħ tal-iskejjel iwassal għal tnaqqis fil-każi pożittivi.
B’referenza għall-istrajk tal-edukaturi nhar is-7 u t-8 ta’ Jannar u issa li sirna nafu li l-unions u l-iskejjel tal-knisja u indipendenti kellhom f’idejhom l-istess informazzjoni li kien qed iżomm għalih il-Ministeru tal-Edukazzjoni dwar il-gravità tal-pandemija fil-perjodu li seħħ l-istrajk, tista’ l-Ministru tgħid għadhiex issostni li dan l-istrajk tal-edukaturi kien wieħed illeġittimu?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 18139.
B’referenza għall-istrajk tal-edukaturi nhar is-7 u t-8 ta’ Jannar u issa li sirna nafu li l-unions u l-iskejjel tal-knisja u indipendenti kellhom f’idejhom l-istess informazzjoni li kien qed iżomm għalih il-Ministeru tal-Edukazzjoni dwar il-gravità tal-pandemija fil-perjodu li seħħ l-istrajk, tista’ l-Ministru tgħid taqbilx li l-koordinatur tal-COVID team tal-Gvern li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li ta l-informazzjoni dwar il-gravità tal-pandemija lill-Ministeru tal-Edukazzjoni kellu jitneħħa?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Infakkar lill-Onorevoli interpellant li, kontra l-prerogattiva żbaljata li qed jibbaża l-mistoqsija tiegħu, fil-jiem li għaddew ingħatat spjegazzjoni għall-każ tal-persuna li qed jirreferi għaliha. Peress li l-imsemmi individwu mhuwiex impjegat fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, nitolbu jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
B’referenza għall-istrajk tal-edukaturi nhar is-7 u t-8 ta’ Jannar u issa li sirna nafu li l-unions u l-iskejjel tal-knisja u indipendenti kellhom f’idejhom l-istess informazzjoni li kien qed iżomm għalih il-Ministeru tal-Edukazzjoni dwar il-gravità tal-pandemija fil-perjodu li seħħ l-istrajk, tista’ l-Ministru tgħid għaliex l-iskejjel indipendenti u tal-knisja kienu lesti biex jgħallmu online imma l-iskejjel tal-istat ma kienux preparati għal dan? Tista’ tgħid x’inhuma l-passi li qed jittieħdu sabiex għalliema u studenti tal-Istat ikunu biżżejjed preparati għal tagħlim online live f’każ li jkun hemm il-bżonn li għal xi żmien l-iskejjel jinżammu magħluqin?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li, fuq il-parir tal-awtoritajiet tas-saħħa, il-Gvern minn dejjem kien determinat li t-tagħlim isir fil-klassijiet u mhux b’mod virtwali. Minkejja dan, l-iżvilupp tat-tagħlim online hu proċess kontinwu u, kif diġà semmejt pubblikament, attwalment qed isir eżerċizzju intern biex naraw kif is-sistema tissaħħaħ u tkompli titjieb. Kif jitlesta dan l-eżerċizzju, jittieħdu l-passi neċessarji.
B’referenza għall-konferenza stampa mogħtija nhar id-19 ta’ Diċembru 2020 minn numru ta’ bdiewa dwar proġett ta’ pont fir-raba’ biswit il-bypass tal-Imrieħel, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kamra tan-Nar 23 t’April u l-ħruq tan-nar tal-festa ta’ San Ġorġ Ħal Qormi hux ser ikunu affetwati b’dan l-iżvilupp?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Rapport tal-Awditur Ġenerali — nuqqasijiet fl-għoti tal-kuntratti ta’ xogħol tal-bini tal-iskola primarja ta’ Marsaskala
Question
B’referenza għar-rapport tal-Awditur Ġenerali u n-nuqqasijiet li sab fl-għoti tal-kuntratti ta’ xogħol tal-bini tal-Iskola Primarja ta’ Marsaskala, li nstab li ma mxewx mal-proċeduri, tista’ l-Ministru tgħid x’passi qed tieħu?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor, interpellant li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada analizzat ir-rapport tal-Awditur Ġenerali u qed tieħu l-azzjonijiet neċessarji skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-istess rapport.
Rapport tal-Awditur Ġenerali – nuqqasijiet fl-MCAST
Question
B’referenza għar-rapport tal-Awditur Ġenerali u n-nuqqasijiet li sab fl-MCAST u b’referenza għal nuqqasijiet oħra li nstabu fl-aħħar snin, tista’ l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu biex jissaħħu l-istrutturi ta’ governanza fl-MCAST?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-MCAST iddiskuta r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mir-rapport (li sar fl-2020) tan-NAO fuq is-sena bażi 2019 u fassal pjan biex dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu implimentati mhux aktar tard minn Jannar 2021. Xi wħud minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet fil-fatt diġà ġew implimentati.
Ħal Qormi – Triq San Franġisk u Triq San Pawl – xogħlijiet fuq triq
Question
Jista’ l-Ministru jara li x-xogħol fi Triq San Franġisk u Triq San Pawl f’Ħal Qormi, jitlesta mingħajr aktar dewmien u ħela ta’ ħin? Jaf il-Ministru bl-inkonvenjent kbir minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni ta’ Infrastructure Malta u l-entitajiet governattivi, qed joħolqu inkonvenjent kbir lir-residenti ta’ dawn it-toroq u l-akkwati? Jaf il-Ministru, li x-xogħol fuq dawn it-trejqiet żgħar kellu jieħu ftit ġranet biss, imma spiċċa ħa ġimgħat u għadu mhux lest? X’inhi r-raġuni li mhux isir xogħol kuljum fuq dan il-proġett żgħir? Jista’ jgħid hux minnu li kif allegat minn xi residenti, ix-xogħol mhux isir skont is-sengħa u l-arti? Jekk dan hu minnu, jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu? Kemm hu stmat li se jiswa dan ix-xogħol? Jista’ jieħu passi immedjati mingħajr aktar dewmien?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.
Università ta’ Malta – Full Professors u Associate Professors
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm Full Professors u Associate Professors fl-Università ta’ Malta? Tista’ tgħid ukoll kemm kien hemm applikazzjonijiet għal Associate Professor u Full Professor fl-Università ta’ Malta mill-2013 sal-lum, sena b’sena? Kemm ingħataw minn dawn il-promozzjonijiet fl-istess perjodu, sena b’sena? Kemm baqa’ applikazzjonijiet pendenti? Kemm ilhom pendenti? Kemm ittieħed żmien biex ġew ipproċessati l-applikazzjonijiet, mid-data tal-applikazzjoni sat-tħabbir tar-riżultat?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li n-numru ta' Professors u Associate Professors fl-Università ta' Malta huwa kif se nsemmi:
Professors: 127
Associate Professors: 142
It-tagħrif l-ieħor mitlub mill-Onor. Interpellant huwa kif muri fiż-żewġ tabelli li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 17865 - Università ta’ Malta – Professors u Associate Professors.pdf
Infrastructure Malta – bini ta’ pont mill-Imrieħel għal Ħal Qormi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu eżatt il-proġett ta’ pont mill-Imrieħel għal Ħal Qormi li ser isir minn Infrastructure Malta u li l-Qriema skoprew b’kumbinazzjoni wara konferenza stampa mill-bdiewa fid-19 ta’ Diċembru? Minn fejn ser jibda l-pont li huwa ppjanat li jinbena u fejn ser jispiċċa? Huwa minnu li la l-bdiewa u lanqas il-Kunsill Lokali ma kienu informati u kkonsultati b’dan l-iżvilupp? X’ser isir mit-torri tal-għassa tal-Gran Mastru Pinto? X’ser isir min-niċċa ta’ San Ġwakkin li kien irrestawra l-kunsill lokali li kont nagħmel parti minnu jien? X’ser isir mill-footbridge li nbena ftit ilu biex dawk mill-Qasam tal-Blat 2 jaqsmu l-bypass għaċ-ċentru ta’ Ħal Qormi? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta u footprint ta’ kif ser ikun dan il-pont u minn fejn ser jgħaddi eżatt?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor Interpellant li l-proġett ippjanat, li għadu fl-ewwel stadji tal-ippjanar, jinkludi l-bini ta’ flyover f’salib it-toroq bejn il-Bypass tal-Imrieħel (Vjal ir-Royal Malta Artillery) u Triq in-Negozju, kisra perikoluża li ilha biex titneħħa snin twal peress li fiha ta’ spiss iseħħu aċċidenti serji. Dan il-proġett mhux se jsir biex il-Bypass titwessa’, tant li din se tibqa’ kif inhi llum, b’żewġ korsiji kull naħa.
Madankollu, sabiex issir il-flyover, jeħtieġ li tittieħed art addizzjonali maġenb l-istess triq. B’hekk tkun tista’ titneħħa l-kisra kerha fejn bħalissa l-karozzi jkollhom jaqsmu ¿ewġ korsiji b’karozzi oħra ġejjin minn faċċata biex jaslu l-Imrieħel minn Triq in-Negozju. F’dan il-post ilhom iseħħu ħabtiet koroh, b’uħud wasslu għal imwiet, sa minn meta nbniet il-Bypass fis-snin disgħin. Qed jiġi propost ukoll li tittieħed ftit art maġenb it-triq sabiex issir korsija għar-roti u bankina ġdida, hekk kif bħalissa m’hemmx faċilitajiet siguri għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi f’din it-triq.
Huwa dejjem fl-interess u fir-responsabbiltà ta’ Infrastructure Malta li filwaqt li kull proġett ta’ importanza nazzjonali jkun fattibbli u sigur, l-istess aġenzija tiżgura li tiġi affettwata mill-inqas art possibbli meta jkun qed isir id-disinn tal-proġett. Infrastructure Malta nnotifikat lid-diversi sidien li jistgħu jiġu affettwati b’dan il-proġett, kif ukoll qiegħda tiltaqa’ u tiddiskuti magħhom sabiex fejn hu possibbli takkomoda t-talbiet u s-suġġerimenti tagħhom. Kif jitolbu l-liġijiet ta’ Malta, is-sidien t’artijiet privati li jistgħu jiġu esproprjati jingħataw kumpens ġust u xieraq mill-aktar fis. Ukoll fejn ikun il-każ, bdiewa li jaħdmu artijiet tal-gvern ukoll jiġu kkumpensati skont ir-regolamenti stabbiliti.
Dan il-proġett għal aktar sigurezza fil-Bypass tal-Imrieħel jinsab speċifikat fil-Pjan Nazzjonali għat-Trasport ta’ Malta tal-2025. Fil-fatt, it-titjib tal-Bypass tal-Imrieħel huwa mniżżel bħala t-tmien l-aktar proġett importanti li Malta teħtieġ twettaq fix-xibka tat-toroq ewlenin li tifforma parti min-netwerk Ewropea, magħrufa bħala TEN-T (Trans-European Transport Network), hekk kif stipulat fil-liġi Ewropea (EU) 1315/2013. Il-bżonn ta’ titjib tas-sigurezza ta’ din it-triq huwa wkoll speċifikat b’mod ċar bħala diffikultà inkwetanti anke fil-Pjan Lokali taċ-Ċentru ta’ Malta mfassal fl-2006. Dan il-pjan jidentifika t-titjib fis-sigurezza tal-Bypass tal-Imrieħel bħala waħda mill-prioritajiet ewlenin: “Il-MEPA tappoġġja u tħeġġeġ lil ADT u lil entitajiet oħra biex iwettqu xogħlijiet u mi¿uri biex jikkontrollaw il-parkeġġ, ineħħu l-perikli u jirregolaw il-movimenti fil-Bypass tal-Imrieħel.”
Infrastructure Malta diġà għamlitha ċara li dan il-proġett għal aktar sigurezza fil-Bypass tal-Imrieħel għadu fl-ewwel stadji tal-ippjanar tiegħu u li ma kien hemm l-ebda tentattiv li jitwettaq bil-moħbi, hekk kif allegat fil-konferenza tal-aħbarijiet li qed issir referenza għaliha. Fil-fatt, is-sidien tal-artijiet li tkellmu fl-istess konferenza saru jafu bil-proġett li qed jiġi propost meta Infrastructure Malta ikkuntattjathom biex tniedi l-konsultazzjonijiet ma’ dawk kollha konċernati, sabiex tkun tista’ tiffinalizza d-disinji bl-inqas impatti negattivi possibbli. L-istess sidien tal-artijiet kienu mistiedna għal żewġ laqgħat ma’ Infrastructure Malta bħala parti minn dan il-proċess, fejn anke ngħataw kopja tal-pjanti preliminari.
Meta l-pjanti tal-proġett ikunu ġew diskussi ma’ dawk kollha konċernati, fosthom l-awtoritajiet tal-ambjent u tal-ippjanar, il-proposta finali li titressaq lill-Awtorit tal-Ippjanar għad-deċiżjoni finali tkun miftuħa wkoll għall-pubbliku għal aktar konsultazzjoni, hekk kif isir normalment f’kull żvilupp ġdid.
Kif spjegajt il-proċess li bih qed ikun ippjanat dan il-proġett huwa wieħed normali u trasparenti, assolutament la kien hemm u mhu se jsir xejn bil-moħbi. Kemm it-torri tal-għassa tal-Gran Mastru Pinto u n-niċċa ta’ San Ġwakkin mhumiex se jintmissu b’dan il-proġett.
Il-pont pedonali eżistenti fil-Bypass tal-Imrieħel ma jkunx hemm aktar ħtieġa tiegħu jekk il-junction ma’ Triq in-Negozju tinbidel f’junction fuq diversi livelli. L-influss prinċipali tat-traffiku lejn il-lvant u l-punent minflok jgħaddi minn fuq il-flyover u r-roundabout ġdida taħtha se jkollha mogħdijiet u faċilitajiet tat-tip toucan crossings minn fejn wieħed jaqsam b’mod sigur kemm bil-mixi jew bir-rota fil-livell l-aktar baxx tal-junction, minn fejn il-vetturi jkollhom jgħaddu b’veloċità mnaqqsa meta joqorbu jew biex joħorġu mir-roundabout. F’dan ir-rigward, kemm-il darba l-proġett għat-titjib fis-sigurezza tal-Bypass tal-Imrieħel jiġi approvat, il-pont pedonali jiġi żarmat biex jintuża x’imkien ieħor.
Intenni li dan mhux proġett ta’ twessigħ ta’ toroq iżda huwa maħsub biex ikun hemm titjib fis-sigurezza għal inqas aċċidenti u titjib fil-faċilitajiet għall-mixi u r-roti, għal konnessjoni aktar komda minn Ħal Qormi lejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali.
B’referenza għall-konferenza stampa mogħtija fid-19 ta’ Diċembru 2020 minn numru ta’ bdiewa, jista’ l-Ministru jgħid x’ser isir mill-bdiewa tal-inħawi jekk jinbena l-pont bejn l-Imrieħel u Ħal Qormi? Se jitilfu l-art? Hemm pjanijiet biex dawn jiġu akkomodati u biex jinqered l-anqas ammont ta’ raba’ saqwi possibbli? Il-bdiewa ġew ittrattati b’mod ġust u xieraq minn Infrastructure Malta?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 17873 tal-istess Seduta li saret mill-istess Onorevoli Membru.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm għandha postijiet ta’ edukaturi vakanti f’kull livell? L-għalliema ta’ liema suġġetti huma neqsin u f’liema skejjel huma neqsin? Kemm minnhom huma ta’ suġġetti vokazzjonali? Kemm mill-postijiet vakanti ta’ għalliema huma mimlija b’supply teachers? F’liema suġġetti huma? F’liema skejjel qegħdin?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
B’referenza għal din il-mistoqsija, ninsab infurmata li l-postijiet vakanti ta’ edukaturi f'dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji li fihom infetħu l-iskejjel b'numru ta' miżuri restrittivi, huma kif se nsemmi:
Skejjel Primarji: xejn
Skejjel Medji: 3
Skejjel Sekondarji: 6
Is-suġġetti u l-iskejjel ta’ dawn il-postijiet vakanti huma:
Pembroke Sec Physics
ALP English
Mosta Sec (ex Girls) English
Pembroke Sec Maths
Cospicua MS English
Mriehel Sec Physics
Hamrun Sec Engineering
Handaq MS History
Tarxien MS English
Infurmata wkoll li fis-suġġetti vokazzjonali hemm post wieħed vakanti (Engineering Technology).
Ġentilment nitlob l-Onor. Interpellant kjarifika dwar dik il-parti tal-mistoqsija li tgħid: “Kemm mill-postijiet vakanti ta’ għalliema huma mimlija b’supply teachers?”.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew iffirmati ftehim kollettiv fl-aħħar sena? Ma' min ġew iffirmati u minn min?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar sena ġew iffirmati disgħa u tletin (39) ftehim kollettiv. Rigward il-mistoqsija ma’ min ġew iffirmati u minn min, ta’ min jinnota li peress id-Dipartiment huwa biss riċevitur tal-ftehim kollettiv u mhuwiex wieħed mill-partijiet izda parti terza, id-Dipartiment ma jistax jipprovdi informazzjoni ma' min ġew iffirmati u minn min.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tfal ta' ġenituri li sseparaw fl-aħħar ħames snin ġew assenjati lill-omm? Kemm ġew assenjati lill-missier? Kemm ġew assenjati lill-konġunti?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninsab infurmat li l-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati ma tiġborx din it-tip ta’ statistika.