Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qasam tas-Sigurtà Soċjali – miżuri ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-miżuri ġodda fil-qasam tas-Sigurtà Soċjali li ġew introdotti fil-baġits ta’ Gvern Laburista sena b’sena, mill-2013 sal-2017?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, lista dettaljata tal-miżuri ġodda fil-qasam tas-Sigurtà Soċjali li kienu introdotti mis-sena 2013 sal-2017.

Enemalta – żieda fid-domanda tal-elettriku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi tagħmel l-Enemalta biex tilqa’ għaż-żieda fid-domanda tal-elettriku li qed naraw sena wara l-oħra u kif ġie kkonfermat ukoll matul is-sajf?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward tas-settur tal-ġenerazzjoni, matul dawn l-aħħar erba’ snin l-Enemalta lestiet u kkumissjonat l-Interconnector bejn Sqallija u Malta, saret il-konverżjoni tal-impjant tal-BWSC mill-heavy fuel oil għal gass, inbena u ġie kkumissjonat l-impjant tal-Electrogas, u ġew dekummissjonati l-impjanti tal-Marsa u Delimara li jaħdmu bil-heavy fuel oil. Għaldaqstant, is-sistema tal-ġenerazzjoni għandha marġini suffiċjenti sabiex tlaħħaq mad-domanda, hekk kif mistenni tiżdiet fil-futur immedjat.
Leg 13 PQ #1325 Sitting 26 2017-10-11 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu

Konverżjoni ta’ Eks Sptar Navali fl-Imtarfa fi Skola Internazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’benefiċċji se jkun qed jiggwadanja minnhom pajjiżna, bil-konverżjoni tal-eks-Sptar Navali fl-Imtarfa fi skola internazzjonali?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-iskola internazzjonali se tkun immirata għal tfal ta’ persuni barranin li jkunu qed jgħixu u jaħdmu f’pajjiżna. Din se tippermettilhom li jistudjaw kurrikulu bi standards internazzjonali, liema kurrikulu se jkun jista’ jitkompla f’pajjiżhom la darba jitilqu minn Malta. Din l-iskola se tkun qed tattira aktar familji barranin biex jiġu jgħixu u jaħdmu f’pajjiżna, hekk kif permezz ta’ din l-iskola internazzjonali, uliedhom se jkunu qed jibbenefikaw minn kontinwita’ fl-istudju tagħhom. Mill-banda l-oħra, anke l-poplu Malti se jkun qiegħed jibbenefika minn din l-iskola hekk kif ta’ kull sena l-operaturi tagħha se jkunu marbuta li joffru numru ta’ boroż ta’ studju lill-istudenti Maltin u Għawdxin mingħajr l-ebda ħlas.
Leg 13 PQ #1326 Sitting 26 2017-10-11 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu

Birżebbuġa – proġett ta’ riġenerazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jindika fiex wasal il-proġett tar-riġenerazzjoni ta’ Birżebbuġa li kien imwiegħed fil-Baġit 2017? Liema entitajiet huma involuti f’dan il-proċess u sa meta se jkun ippubblikat il-pjan?

Response (MIZZI, KONRAD)

Saru diversi laqgħat ma’ diversi stakeholders sabiex ikun ippreparat dan il-Pjan ta’ Riġenerazzjoni għal Birżebbuġa fosthom mal-Kunsill Lokali, Komunita’ Kummerċjali, Għaqdiet Volontarji, LEAP, Heritage Malta, ERA, Planning Authority, Malta Freeport, GDP, Uffiċjali responsabbli mill-Portijiet, Transport Malta, Sports Malta, il-Ministeru għall-Ambjent, Ministeru għall-Edukazzjoni, kif ukoll laqgħat mal-pubbliku.

Żona tal-Kottonera, Ftuħ tal-Università Amerikana u l-proġett ta’ Smart City – mitigazzjoni tal-problemi tat-traffiku

Question

B’liema mod il-Ministru se jkun qiegħed jimmitiga l-problemi tat-traffiku li mistennija jiżdiedu fin-nofsinhar ta’ Malta fid-dawl tal-proġetti li se jsiru fiż-żona tal-Kottonera, fosthom il-ftuħ tal-Università Amerikana u l-proġett ta’ Smart City?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 13 PQ #1328 Sitting 26 2017-10-11 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu

Grand Harbour Regeneration Corporation — interventi

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf x’interventi għamlet il-Grand Harbour Regeneration Corporation (GHRC) fi Triq id-Dejqa, il-Belt Valletta, matul l-2017?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ġejt infurmat mill-GHRC li fi Triq id-Dejqa, l-Belt installat ħamsin (50) lanterna bi stijl Vittorjan u b’teknoloġija ta’ LED matul it-triq kollha, li jinkludi stallazzjoni ta’ elettriku ġdid ukoll. Dawn twaħħlu minflok tmien (8) lampi konvenzjonali li kien hemm qabel.
Leg 13 PQ #1329 Sitting 26 2017-10-11 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu

Proġett tal-Biskuttin u Pjazza ta’ Tritoni — konsultazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf x’konsultazzjoni saret fit-tfassil tal-proġett tal-Biskuttin u Pjazza ta’ Tritoni b’mod partikolari dwar aċċessibbiltà għal persuni b’diżabbiltà?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li fil-fażi tal-ippjanar tal-proġett, il-GHRC għamlet diversi laqgħat ma’ numru ta’ stakeholders fosthom il-Kummissjoni Nazzjonali għal Persuni b’Diżabilita’ (KNPD). Mal-Kummissjoni, il-GHRC pproponiet, u eventwalment intlaħaq qbil, li l-pavimentar mill-Biskuttin sad-daħla tal-Belt ikun indikattiv għal persuni neqsin mid-dawl. Dan huwa l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu f’Malta fejn pjazza sħiħa ser tkun ukoll għall-użu aktar komdu mill-persuni neqsin mid-dawl.
Leg 13 PQ #1172 Sitting 25 2017-10-10 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Kemmuna – protezzjoni tas-sand dunes

Question

Tista’ l-Ministru tagħti informazzjoni dwar mezzi jew mekkaniżmi ta’ kif qed jiġu protetti s-sand dunes fuq Kemmuna?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li l-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex inaddfu is-sand dunes minn skart li jintrema mill-pubbliku bħala parti mir-rutina tat-tindif tal-bajjiet. Ta’ min jgħid ukoll li sar intervent mill-Awtorità tal-Ambjent u Riżorsi biex ikunu protetti s-sand dunes fil-bajja ta’ Santa Marija f’Kemmuna, billi dawn is-sand dunes kienu mdawwra bi ħbula biex ikunu salvagwardjati l-proċessi naturali tagħhom.
Leg 13 PQ #1173 Sitting 25 2017-10-10 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Tqassim ta’ palm b’xejn lis-sajjieda Għawdxin

Question

Tista’ l-Ministru tagħti ċifra ta’ kemm tqassam palm b’xejn lis-sajjieda Għawdxin?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sena tqassmu 950 palma lis-sajjieda Għawdxin.

Sejħiet għal fondi Ewropej li jiffukaw fuq l-inklużjoni soċjali

Question

Tista’ l-Ministru tindika liema sejħiet għal fondi Ewropej se jkunu qegħdin jiffukaw fuq l-inklużjoni soċjali?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fi żmien li ġej l-Awtorita’ ta’ Ġestjoni ser tkun qed tiftaħ sejħiet oħra li jindirizzaw l-inklużjoni soċjali permezz tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Dawn is-sejħiet li ser ikunu miftuħa għall-imsieħba soċjali w entitajiet non-governativi, ser ikunu qed jilqgħu proposti għall-proġetti żgħar. Tlettax-il proġett li jammonta għal aktar minn €40 miljun mill-FSE diġa ġew approvati fl-2017. Fond ieħor li jindirizza l-bżonnijiet bażiċi permezz ta’ distribuzzjoni ta’ l-ikel huwa l-FEAD li għalih hemm allokat €4.6 miljun. Kull sena isiru tliet distribuzzjonijiet lil dawk il-familji eliġibli.

Taħriġ lil ħaddiema ffinanzjat minn Fondi Ewropej

Question

Kemm hu n-numru ta’ ħaddiema li ngħataw taħriġ li kien iffinanzjat minn fondi Ewropej, u taħt liema programm ingħata?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li għall-programm għall-perjodu 2007-2013 kien hemm ‘l fuq minn 63,000 parteċipant li attendew għal korsijiet differenti taħt il-Fond Soċjali Ewropew kif ukoll taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Dan in-numru jinkludi numru ta’ ħaddiema li attendew għal aktar minn kors wieħed.

Twaqqigħ taċ-ċumnija ta’ Delimara

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol biex titwaqqa’ ċ-ċumnija ta’ Delimara?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol preparatorju biex jinbeda t-twaqqiegħ taċ-ċumnija diġa beda fil-jiem li għaddew. Il-pjan huwa li ċ-ċumnija tal-konkos tibda titwaqqa’ fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla wara li jiżżarmaw iċ-ċmieni tal-ħadid li hemm ġo fiha.

Użu ta’ bin li qed isir minn Enemalta f’Rikażli

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għalxiex se jintuża l-bini li l-Enemalta qiegħda tibni f’Rikażli, viċin Smart City?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-bini msemmi f’Rikażli ser jibda jintuża bħala Ċentru tad-Distribuzzjoni. Fil-fatt f’dan il-bini, f’Ottubru ħa jiġu nstallati tliet 22.5MVA transformers, 33kV u 11kV switchgear units flimkien ma’ sistemi ta’ protezzjoni oħra bil-pjan li jitlesta sal-aħħar t’ April 2018.

Promozzjoni taċ-ċikliżmu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex nippromwovu aktar iċ-ċikliżmu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed jimpennja ruħu favur il-promozzjoni taċ-ċikliżmu. Fil-preżent Transport Malta tinsab fil-fażi konklussiva biex tippubblika l-Politika Nazzjonali dwar l-Użu tar-Rota bħala mezz ta’ Trasport (National Cycling Policy) għall-konsultazzjoni Pubblika. F’din l-istess sena ġiet sottomessa applikazzjoni għal fondi mill-Unjoni Ewropea sabiex jiġu maħluqa żewġ rotot sikuri għaċ-ċikliżmu fuq il-kunċett ta’ Share the Road. Dan il-proġett għandu jiġi mwettaq bħala proġett pilota bil-għan li aktar rotot simili jkunu introdotti f’aktar lokalitajiet f’Malta u Għawdex iktar ‘il quddiem. Ta’ min wieħed isemmi wkoll li Transport Malta, bħala parti mill-kampanja kontinwa għal aktar sigurta’ fit-toroq, f’dawn l-aħħar xhur għamlet reklamar fuq mezzi varji tax-xandir (TV, social media kif ukoll flyers) b’enfasi speċifika fuq l-użu tar-roti fit-toroq, sabiex tnissel iktar rispett u għarfien lejn sewwieqa tar-roti, kif ukoll tippromwovi l-idea ta’ Road Sharing.

Miżuri għal aktar sigurtà fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’miżuri qegħdin jiġu kkunsidrati għal aktar sigurtà fit-toroq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn żmien għal żmien Transport Malta timplimenta diversi mi¿uri biex ittejjeb is-sigurta fit-toroq. Dawn jikkonsistu minn proġetti ta’ disinn ġdid ta' toroq li jsiru skont standards stabbiliti; interventi ta' skala moderata biex jittejbu junctions u partijiet minn rotot speċifici u skemi ta' manteniment tat-toroq arterjali u distributorji biex ikun assigurat illi s-sinjali, tabelli u safety featuresoħra bħall-crash barriers ikunu dejjem installati u qed joperaw skont l-iskop li jkunu qed iservu.

Mina bejn Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’qiegħed isir, jew x’se jsir, dwar il-mina (tunnel) li għandha tgħaqqad lil Malta u Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar xhur, l-istudji li qegħdin isiru bħala parti mill-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex ħadu spinta ‘l quddiem. Investigazzjonijiet sismiċi bdew fil-kanal bejn Malta u Għawdex lejn l-aħħar tal-2016. Ir-riżultati ta' dawn l-investigazzjonijiet se jintużaw biex tinkiseb informazzjoni dwar il-ġeoloġija taħt qiegħ il-baħar, b'mod partikolari l-fond tal-istratigrafija u kwalunkwe faults li jistgħu jkunu preżenti fil-kanal. Ġie mwettaq ukoll mapping dettaljat tal-qiegħ tal-baħar, li se jidentifika kwalunkwe faults u attività tettonika. Apparti l-investigazzjonijiet sismiċi, għandhom jiġu estratti serje ta' kampjuni investigattivi. Dawn is-serje ta' investigazzjonijiet ġeotekniċi se jsiru f'postijiet differenti fuq l-art u fil-baħar, bit-tħaffir mistenni li jilħaq madwar 200m taħt qiegħ il-baħar f'xi żoni. Il-kampjuni estratti ser jgħinu fl-investigazzjoni tal-formazzjonijiet ġeoloġiċi taż-żona. Dawn l-investigazzjonijiet huma mistennija jibdew f'Ottubru 2017, bix-xogħol preparattiv diġa’ għaddej. Ir-riżultati u l-analiżi tal-investigazzjonijiet sismiċi u ġeoloġiċi se jintużaw biex jiġi stabbilit mudell ġeoloġiku taż-żona taħt investigazzjoni, li se jifforma l-bażi għad-disinn tal-mina. Dawn l-istudji huma pass importanti fil-proċess biex jiggwidaw id-disinn tal-mina proposta bejn il-gżejjer. L-istudji kollha qed jitwettqu taħt il-gwida ta' esperti tekniċi barranin ta' Transport Malta, li għandhom esperjenza estensiva fi proġetti ta' mini.
Leg 13 PQ #1169 Sitting 24 2017-10-09 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Mobile Dental Unit

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna bbenefikat mis-servizz tal-Mobile Dental Unit f’Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-inizjattiva saret b’kollaborazzjoni mal-Fakultà tad-Dentistrija tal-Università Ta’ Malta u sad-data tat-tweġiba bbenfikaw iktar minn 300 persuna. Fl-aħħar tal-inizjattiva ser jiġi preżentat rapport lill-Ministeru għal Għawdex bl-istatistika miġbur minn dan l-eżerċizzju.
Leg 13 PQ #1170 Sitting 24 2017-10-09 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Kemmuna – WIFI hotspot

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il WIFI hotspot ġew installati fuq il-gżira ta’ Kemmuna?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li f’Kemmuna hemm installati żewġ Wi-Fi hotspots. Wieħed minn dawn fil-bajja ta’ Santa Marija u l-ieħor fuq it-Torri ta’ Kemmuna. .
Leg 13 PQ #1171 Sitting 24 2017-10-09 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Kemmuna — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista ta’ xogħlijiet li saru fuq Kemmuna minn mindu l-Ministru għal Għawdex ħadet f’idejha l-Ministeru għal Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kuljum ikun hemm ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex biex inaddfu u jiġbru l-iskart. Sar wkoll audit dwar xogħlijiet urġenti li jistgħu iservu mill-Ministeru għal Għawdex u li qed jiġu ppjanati li jsiru matul ix-xitwa.

Żjarat statali barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ żjarat Statali li saru barra minn Malta bejn Jannar 2017 u d-data meta tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ż-zjarat Statali li saru barra minn-Malta bejn Jannar 2017 u d-data ta’ din it-tweġiba huma elenkati: Lulju 2017 Ċile 17 u 18 ta’ Lulju 2017. Repubblika tal-Ghana 26 sa 28 ta’ Lulju 2017.