Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żjarat Statali f’Malta minn kapijiet ta’ Stati barranin

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista u dettalji taż-żjarat Statali li saru f’Malta minn kapijiet ta’ Stati barranin matul l-2016 u 2017?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista u dettalji taż-żjarat Statali li saru f’Malta minn kapijiet ta’ Stati barranin mitluba matul l-2016 u 2017 huma elenkati hawn taħt. Marzu 2016 Il-Kosovo 26-27 ta’Marzu 2016. Żjara statali mill-President tal-Kosovo l-E.T. Antifete Jahjaga Settembru 2016 L-Isvizzera 9 – 10 ta’ Settembru 2016. L-ewwel żjara Statali minn President tal-Konfederazzjoni Svizzera lejn Malta. L-E.T. Johann Schneider-Ammann kellu numru ta’ laqgħat, kemm mal-President ta’ Malta kif ukoll mal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom mal-Prim Ministru Joseph Muscat. Novembru 2016 Il-Bulgarija 17 ta’ Novembru 2016. Ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Bulgarija komplew jissaħħu permezz ta' żjara statali f’Malta mill-President ta’ Bulgarija. Diċembru 2016 Il-Kosovo 5-6 ta’ Diċembru 2016. Il-President tal-Kosovo, l-E.T. Hashim Thaçi għamel żjara statali f’Malta fejn kellu numru ta’ laqgħat kemm mal-President ta’ Malta kif ukoll mal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom mal-Prim Ministru Joseph Muscat. Mejju 2017 Il-Kroazja 8 – 9 ta’ Mejju 2017. Il-President tal-Kroazja, l-E.T. Kolinda Grabar-Kitaroviæ, għamlet żjara statali f’Malta fejn kellha numru ta’ laqgħat kemm mal-President ta’ Malta kif ukoll mal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom mal-Prim Ministru Joseph Muscat. L-Ukrajna 16 u s-17 ta’ Mejju 2017. L-E.T. Petro Poroshenko, President tal-Ukrajna, għamel Żjara Statali f’Malta fejn saru numru ta’ laqgħat kemm mal-President ta’ Malta kif ukoll mal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom mal-Prim Ministru Joseph Muscat. Din iż-żjara ssottolijat ir-relazzjonijiet tajbin bejn Malta u l-Ukrajna. Matul din-żjara, ġew iffirmati tliet Memoranda ta’ Ftehim - Memorandum ta’ Ftehim dwar Konsultazzjonijiet Bilaterali bejn il-Ministeri għall-Affarijiet Barranin; Memorandum ta’ Qbil dwar Kooperazzjoni fil-Qasam taż-Żgħażagħ, fil-Qasam tal-Kultura Fiżika u l-Isports bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-Ministeru taż-Żgħażagħ u l-Isport tal-Ukrajna; u Memorandum ta’ Ftehim fil-Qasam tal-Edukazzjoni Għolja bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-Minister tal-Edukazzjoni u x-Xjenza tal-Ukrajna. Settembru 2017 L-Italja 12-13 ta’ Settembru 2017. Il-President ta’ l-Italja, l-E.T Sergio Mattarella għamel żjara statali f’Malta fejn kellu numru ta’ laqgħat kemm mal-President ta’ Malta kif ukoll mal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom mal-Prim Ministru Joseph Muscat. Ottubru 2017 Il-Botswana 1-4 ta’ Ottubru 2017. Il-President tar-Repubblika tal-Botswana, l-E.T. Dr. Seretse Khama Ian Khama, għamel żjara statali f’Malta fejn saru numru ta’ laqgħat kemm mal-President ta’ Malta kif ukoll mal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom mal-Prim Ministru, l-On. Dr. Joseph Muscat, u il- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela. Matul din iż-żjara, ġie ffirmat ukoll Ftehim fuq il-ħelsien mit-taxxa doppja bejn iż-żewġ pajjiżi.

Ghana – żjara Statali

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont taż-żjara Statali li saret fil-Ghana f’Lulju 2017?

Response (ABELA, CARMELO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi bejn is-26 u 28 ta’ Lulju 2017, seħħet l-ewwel żjara statali minn President tal-Repubblika ta’ Malta f’pajjiż ta’ l-Afrika fin-nofsinhar tad-deżert tas-Saħara, meta E.T. Marie-Louise Coleiro Preca żaret ir-Repubblika tal-Ghana. Il-President kienet akkumpanjata mil-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela, u minn delegazzjoni kummerċjali komposta minn ta’ rappreżentanti ta’ intrapriżi Maltin mmexxija minn TradeMalta. Il-President tal-Repubblika ta’ Malta kellha laqgħa mal-President tar-Repubblika tal-Ghana, l-E.T. Nana Addo Dankwa Akufo-Addo. Matul il-laqgħa, il-President Coleiro Preca waslet messaġġ ta' ħbiberija u esprimiet ix-xewqa li jissaħħew ir-relazzjonijiet diġà tajbin bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-President ta Malta indirizzat Forum tan-Negozju fejn affermat l-interess ta' Malta li trawwem relazzjonijiet aktar b'saħħithom, bejn iż-żewġ pajjiżi u l-komunitajiet kummerċjali rispettivi. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela, kellu laqgħa mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Integrazzjoni Reġjonali, Shirley Ayorkor Botchwey, fejn intlaħaq ftehim biex tinżamm fix-xhur li ġejjin it-tieni laqgħa tal-Kummissjoni Konġunta Permanenti, bl-iskop li javanzaw diskussjonijiet fuq numru ta’ suġġetti, b’mod partikolari ftehim ta’ ħelsien mit-taxxa doppja. Il-Ministru Abela ltaqa’ wkoll mal-Ministru għall-Kummerċ u l-Industrija, Alan Kyerematen, fejn ġie diskuss kif ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn Malta u l-Ghana jistgħu jitjiebu. Matul iż-Żjara Statali, ġew iffirmati Ftehim dwar konsultazzjonijiet politiċi bejn il-Ministeri tal-Affarijiet Barranin tar- Repubblika ta’ Malta u tar-Repubblika tal-Ghana, Ftehim ta’ Koperazzjoni bejn TradeMalta u l-Assoċjazzjoni tal-Industriji tal-Ghana, u Ftehim ta’ Koperazzjoni bejn il-Kmamar tal-Kummerċ ta’ Malta u tal-Ghana. Fil-Ghana, TradeMalta organizzat ‘Business Forum’ u ‘B2B event’ għad-delegazzjoni kummerċjali Maltija flimkien ma’ intrapriżi fil-Ghana. Din l-attivita saret b’ħidma mal-Ghana National Chamber of Commerce u l-Association of Ghana Industries. Saru wkoll laqgħat mal-Ghana Investment Promotion Centre u n-National Chamber of Commerce tal-Ghana fejn dawn taw iktar informazzjoni dwar il-prospetti tan-negozju fis-suq tal-Ghana. Wara li ntemmet iż-żjara fil-Ghana, TradeMalta għamlet survey online mad-delegati Maltin fejn aktar min nofs irrispondew li kienu diġa’ qed jippjanaw biex jerġaw iżuru il-Ghana. TradeMalta irċiviet numru ta’ kommunikazzjonijiet minn kumpaniji fil-Ghana biex jaraw kif jistgħu ikabbru l-kummerċ tagħhom ma’ intrapriżi Maltin. TradeMalta qed taħdem biex issarraf dawn it-talbiet f’opportunitajiet għal kummerċ f’Malta. TradeMalta kkuntatjat ukoll numru ta’ intrapriżi oħra li huma bbażati f’Malta li għalkemm ma kienux parti mid-delegazzjoni, jista’ jkollhom interess ta’ kummerċ fil-Ghana. Bis-saħħa tal-Konslu fil-Ghana, qed jissoktaw introduzzjonijiet u talbiet għal laqgħat ma’ kumpaniji fil-Ghana.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ scholarships li ngħataw mill-Ministeru tiegħu mill-bidu tas-sena 2017? Kemm kienu l-persuni li bbenefikaw minn dawn l-ischolarships u x’kienu l-oqsma li fihom ingħataw l-ischolarships?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tas-sena 2017, Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ offra numru ta’ boroż ta’ studju kif ġej: · lil student wieħed (1) fil-Kulleġġ ta’ Bruges ( MA fl-Istudji Politċi u Amministrazzjoni Ewropea) · lil tlitt (3) studenti fl-Istitut Internazzjonali tal-Liġi Marittima (IMLI) (Masters fil-liġi Marittima) · lil student wieħed (1) biex jattendi kors qasir fil-lingwa Ċeka f’waħda mill-iskejjel tas-sajf għall-istudju Slavoniku 2017). · Għaxar (10) uffiċjali mis-Servizz Pubbliku ingħataw kors ta’ ġimgħa f’Singapore biex ikabbru l-għarfien tagħhom fil-qasam tax-xogħol li jaħdmu fih. Il-korsijiet kienu jikkonsistu f’oqsma varji kif ġej: - L-immaniġġjar tal-Iskart Urban Solidu; - Borża ta’ studju fl-Akkademja Diplomatika ta’ Singapore; - L-immaniġġjar tat-Turizmu u l-Promozzjoni tas-Suq tad-Destinazzjonijiet; - Ir-raba’ Rivoluzzjoni Industrijali u l-Politika Pubblika; - Strateġija kontra l-Korruzzjoni; - Nazzjon Intelliġenti – Strateġija għall-Implimentazzjoni; - Mexxejja fl-Edukazzjoni; - Sħubija pubblika-privata fl-Iżvilupp ta’ Proġetti ta’ Infrastruttura; - Tmexxija u Previżjoni Strateġika; u - Programm Eżekuttiv fil-Qasam tal-Media fuq il-mudell u l-esperjenzi ta’ Singapore.

Promozzjoni ta’ sewqan aktar responsabbli

Question

Jista’ l-Ministru jikkummenta dwar miżuri li qegħdin jittieħdu biex nippromwovu sewqan aktar responsabbli?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ilha għal dawn l-aħħar snin tagħmel kampanja għal sewqan aktar responsabbli. Hekk kif bdiet is-sena akkademika ġdida Transport Malta nehdiet kampanja ġdida b’serje ta’ filmati u posters li qegħdin jew se jibdew jidhru fuq il-midja soċjali u t-televi¿joni, kif ukoll serje ta’ messaġġi fuq ir-radju. Filmat li beda jidher, u li diġa rawh ‘il fuq minn 120,000 ruħ fuq il-midja soċjali biss, jitkellem fuq inċidenti bumper ma’ bumper . Inċident żgħir f’nofs ta’ triq jista’ jikkawża kjuwijiet twal u stress żejjed fuq sewwieqa oħra. Sfortunatament, ħafna drabi s-sewwieqa jew jibdew jargumentaw, ma jkollhomx il-formula apposta jew jimlewha f’nofs it-triq. Il-filmat juri kif sewwieqa responsabbli għandhom ineħħu l-karozzi mit-triq mill-ewwel u jsibu spazju miftuħ fejn jimlew il-formola mingħajr ma jostakolaw vetturi oħra jew il-mixja tat-traffiku. Filmat ieħor li se jibda jidher fil-jiem li ġejjin idur jiffoka fuq li tmur ix-xogħol tagħha bir-rota. Matul it-triq tiltaqa’ ma bosta nies li fit-triq juru rispett kbir lejha, joqogħdu attenti meta jaqilgħu u jċedulha fit-triq. Sfortunatament, ħafna drabi din ma tkunx is-sitwazzjoni fit-toroq tagħna, fejn sewwieqa jsuqu mingħajr rispett lejn sewwieqa oħra u speċjalment mingħajr rispett lejn ċiklisti u sewwieqa tal-mutur. Il-filmat jittanta jispira sewqan iktar responsabbli u l-għarfien illi t-triq mhix tagħna biss iżda tintuża minn ħafna nies oħra b’mezzi tat-trasport differenti. It-tielet filmat mis-serje jsegwi raġel fi triqtu lejn ix-xogħol fil-karozza tiegħu. Fit-triq jara numru ta’ sewwieqa jwettqu bosta irregolaritajiet. Jirrifletti fuq kif meta nkunu egoisti aħna ntellfu lil ħaddieħor u saħansitra nistgħu nikkawżaw xi inċident li jista’ jweġġa’ lil ħaddieħor. Jaħseb f’sitwazzjoni fejn kieku kulħadd isegwi r-regoli u kulħadd jirrispetta lil xulxin. Dawn is-serje ta’ filmati, posters u messaġġi fuq ir-radju huma mmirati biex idaħħlu sens ta’ responsabilita’ ikbar fis-sewwieqa, biex inisslu rispett ikbar fost is-sewwieqa u biex nagħmlu mill-vjaġġi fit-toroq tagħna esperjenza aħjar għal kulħadd.

Titjib tas-servizz tat-Trasport Pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed isir għat-titjib tas-servizz tat-trasport pubbliku f’Malta u anke f’Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-leġislatura li għaddiet iffukajna l-attenzjoni tagħna sabiex inpoġġu t-trasport pubbliku bi skeda fuq sisien sodi u b’hekk nerġgħu nibdew inrawwmu fiduċja ġdida fil-pubbliku sabiex jerġa’ jibda juża dan is-servizz. Ittiehdu numru ta’ miżuri sabiex inkunu nistgħu nilħqu dan l-iskop. Tajjeb wieħed ifakkar it-tnedija tan-network il-ġdid li daħal fis-seħħ fl-2015. Dan in-network kien riżultat ta’ konsultazzjoni wiesgħa kemm mal-pubbliku kif ukoll mal-Kunsilli Lokali. Dan in-network fisser żieda ta’ madwar 2.5 miljun kilometru fis-sena u medja ta’ 400 vjaġġ kuljum. Irriżulta wkoll fl-intoduzzjoni ta’ 24 rotta ġdida kif ukoll modifikazzjoni ta’ 43 rotta oħra u illum qiegħed jilħaq inħawi ġodda li ma kienux koperti minn dan is-servizz qabel. Minħabba dawn iż-żidiet kien hemm il-bżonn li l-venda tal-Belt Valletta titkabbar b’erbatax -il Bus Bay ġdida. Ġiet introdotta b’suċċess it-Tallinja Card li permezz tagħha ġie imħaffef b’mod konsiderevoli l-imbark tal-passiġgieri. Ġew riveduti wkoll it-tariffi ta’ persuni li għamdhom aktar minn 60 sena, tfal, kif ukoll persuni b’diżabilita` fejn dawn tnaqqsu b’13% fil-ġimgħa. Tnaqqset ukoll it-tariffa ta’ 90 ġurnata ta’ l-istudenti. Għall-ewwel darba, persuni li għandhom l- Special Identity Card maħruġa mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbilta` bdew igawdu mill-istess nollijiet bħal dawk eżistenti għall-persuni li għandhom il- Blue Badge . Saru ukoll żewġ priority lanes ġodda fil-Gżira u f’tal-Pieta` u dan sabiex ikompli jitħaffef it- traġitt tal-karozzi tal-linja. Skema li daħlet fis-seħħ din is-sena kienet dik li kull min jagħlaq it-18 –il sena matul l-2017 igawdi minn trasport b’xejn. Ġie estiż l-użu ta’ Tallinja Card fejn issa wieħed jista’ jħallas għall-vjaġġ tal-laneċ li joperaw bejn tas-Sliema u il-Belt Valletta kif ukoll dawk li joperaw bejn il-Kottonera u il-Belt Valletta b’dawk li jagħmul użu minn din il- Card jibbenefikaw minn roħs tan-nol tal-lanċa. Sabiex il-passiġġieri jkunu nfurmati aħjar, l-operatur tat-trasport pubbliku introduċa il- Mobile App . Din l- App tgħin lill- passiġġieri sabiex ikunu jistgħu jippjanaw il-vjaġġi tagħhom aħjar. Daħlu ukoll 204 karozzi tal-linja ġodda, 28 minnhom aktar kmieni din is-sena, b’dawn ta’ l-aħħar magħmmra b’USB chargers . Dawn il-karozzi tal-linja għandhom magni EURO 6, u allura jniġġsu anqas u huma mgħammra b’żewġt bibien u b’hekk it-tlugħ u nżul tal- passiġġieri minn ġol-karozzi tal-linja jitħaffef. Inħossu li dawn il-miżuri flimkien ma’ oħrajn li qegħdin jiġu studjati qegħdin jgħinu sabiex il-poplu jrabbi aktar fiduċja fis-servizz tat-trasport pubbliku. Din il-fiduċja ġdida qed tirriżulta f’żieda fin-numru ta’ passiġġieri li qedin jagħmlu użu mis-servizz tat-trasport publiku. Tajjeb wieħed jinnota li is-sena li għaddiet aktar minn 43 milljun passiġġier għamlu użu minn dan is-servizz li jfisser żieda ta’ madwar 8% fuq is-sena preċedenti. Għall-ewwel 8 xhur ta’ din is sena, meta ikkumparat mal-istess perjodu is-sena li għaddiet, iż-żieda fin-numru ta’ passiġġiera huwa ta’ 12%.

Kunsilli Lokali tat-12-il distrett – proġetti ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru, jekk jogħġbu, jagħti rendikont tal-proġetti ko-finanzjati mill-UE li kkwalifikaw għalihom il-Kunsill Lokali tat-12-il distrett bejn Marzu 2013 u Mejju 2017? Jista’ wkoll jagħti elenku tal-applikazzjonijiet għall-fondi tal-UE li għandhom sottomessi dawn l-istess Kunsilli Lokali u qed jistennew l-evalwazzjoni tagħhom – kemm dawk kapitali u kemm dawk ta’ natura oħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

SkolaSajf — studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jattendu tfal għall-iSkolaSajf li qed tittella’ mill-Gvern? Kemm hi stmata li se tkun l-ispiża netta għall-Gvern fuq dan il-proġett?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti li rreġistraw għal Skola Sajf din is-sena kien ta’ 11,804. L-ispiża hija stmata li tlaħħaq €2,522,687.

Mistra, Ramlet il-Qortin, Wied Musa – xogħlijiet fuq mollijiet u slipways

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet li hemm bżonn isiru fil-mollijiet u slipways li jinsabu fil-Mistra, tnejn li jinsabu qrib Ramlet il-Qortin, Wied Musa u ieħor li jinsab ftit metri ‘l bogħod mil-lukanda Riviera Hotel u li dawn kollha jintużaw mis-sajjieda?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward taż-zewġ slipways imsemmija, Transport Malta issottomettiet l-applikazzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni u jiġu rranġati l-ħsarat li hemm. Kif jinħarġu l-permessi kollha meħtieġa min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar, ikun jista jinħareġ it-tender għal dawn ix-xogħlijiet minn Transport Malta.

Tnax-il distrett – nefqa fuq proġetti kapitali u infrastrutturali mill-kunsilli lokali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista dettaljata (inkluż in-nefqa) tal-proġetti kapitali u infrastrutturali li saru mill-Kunsilli Lokali li jiffurmaw it-tnax-il distrett, jiġifieri l-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar, bejn Mejju 2013 u Mejju 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

San Pawl il-Baħar, Qawra u Buġibba — Persuni li nqabdu jarmu skart barra jew iħammġu - ċitazzjonijiet

Question

Jista’ jekk jogħġbu l-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet u ttieħdu passi kontra persuni li nqabdu jarmu skart barra jew inkella nqabdu jħammġu b’xi mod fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, inkluż il-Qawra u Buġibba, bejn Mejju 2013 u Mejju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' ċitazzjonijiet u li ttieħdu passi kontra persuni li kissru l-provedimenti tal-Litter Act fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, inkluż il-Qawra u Buġibba, bejn Mejju 2013 u Mejju 2017 kien ta' mitjen u għoxrin (220).

Sehem ta’ Malta f’missjonijiet ta’ osservanza elettorali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’kemm-il missjoni ta’ osservanza elettorali ħadet sehem Malta minn Jannar 2017 sad-data li fiha titwieġeb din il-mistoqsija? Fejn saru dawn l-elezzjonijiet u kemm-il osservatur kellha Malta f’kull okkażjoni?

Response (ABELA, CARMELO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi minn Jannar 2017 sa’ Settembru 2017, Malta ħadet sehem f’7 missjonijiet ta’ osservanza elettorali b’rappreżentant wieħed fil-missjonijiet segwenti: Honduras, Liberia, Gambia, East Timor; u b’żewġ rappreżentanti fil-missjoni lejn il-Kenya u l-Kosovo. Ta’ min jinnota li l-Kosovo kien hemm elezzjonijiet ġenerali mħabbra f’qasir żmien u li saru f’Ġunju. It-tieni sejħa għall-osservaturi fil-Kosovo li saret f’Awwissu 2017 hija għall-elezzjonijiet muniċipali li ser isiru f’Ottubru. Għal kull missjoni t’osservazzjoni fil-Kosovo intgħażel rappreżentant Malti. Applikazzjoni Data Elezzjoni Osservaturi Maltin maghzula mill-Kummissjoni Ewropea* Awwissu 26/11/2017 Honduras 1 Awwissu 22/10/2017 Kosovo 1 Awwissu 10/10/2017 Liberia 1 Ġunju 23/08/2017 Angola 0 Mejju 08/08/2017 Kenya 2 Mejju 11/06/2017 Kosovo 1 Marzu 06/04/2017 Gambia 1 Frar 20/03/2017 East Timor 1 *Din l-informazzjoni hija aġġornata sas-7 ta’ Settembru.
Leg 13 PQ #1030 Sitting 21 2017-10-02 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu

Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Buġibba u Qawra – xogħlijiet mill-MTA u Tourism Zones Foundation

Question

Jista’ l-Ministru jagħti elenku tax-xogħlijiet li saru mill-MTA u t-Tourism Zones Foundation fil-Mellieħa u f’San Pawl il-Baħar, inkluż Buġibba u l-Qawra, bejn Jannar u Ġunju 2017?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ġejt infurmat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu flimkien mal-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi li bl-għajnuna tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet wettqu diversi xogħlijiet fiż-żoni msemmieja, fosthom: · Manutenzjoni fuq il- promenades kollha ta’ San Pawl il-Baħar li jinkludu x-Xemxija, Buġibba u l-Qawra. · Manutenzjoni fil-pjazza ta’ Buġibba. · Manutenzjoni fuq il-promenade tal-Bajja tal-Għadira. · Bdil u żieda ta’ tabelli fiż-żewġ lokalitajiet. · Manutenzjoni estensiva fuq numru ta’ winċijiet tal-opri tal-baħar li hemm fil-lokalita ta’ San Pawl il-Baħar wara li kienu fi stat li jiġu mitlufa. · Xogħol fuq il-bankijiet tal-promenade ta’ ħdejn it-torri Wignacourt. · Xogħol ta’ tranġar tal-concrete platform fil-bajja tal-Armier. · Xogħol ta’ żebgħa fi Triq il-Pijunieri (l-entratura ta’ Buġibba) San Pawl il-Baħar. · Xogħol ta’ Road Marking f’diversi nħawi fosthom – Għajn Tuffieħa Parking, Golden Bay Parking, Disabled Bays fil-Bajja tal-Għadira, Qawra Point, Perched Beach. · Intramaw mill-ġdid il-festuni tal-Bajja tal-Għadira u tul il-kosta ta’ San Pawl il-Baħar. · Numru ta’ walkways ġodda sabiex tkompli tiżdied l-aċċessibilta’ għal persuni b’diżabilta’ fil-bajjiet Melliħin fosthom l-Għadira, Golden Bay u Little Armier. · L-Awtorita` ffinanzjat parti mill-proġett li sar mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fi Triq San Publiju. Dan ix-xogħol apparti l-immaniġjar tal-bajjiet li jġibu stat ta’ Bandiera Blu (Blue Flag) matul l-istaġun tas-sajf li huma – Il-Bajja tal-Għadira, Golden Bay, Qawra Point u Buġibba Perched Beach.
Leg 13 PQ #1031 Sitting 21 2017-10-02 Oral · Final From: CLAYTON BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu

Paradise Bay – żieda ta’ ramel fil-bajja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjanijiet sabiex isir intervent f’Paradise Bay sabiex jiżdied ir-ramel f’din il-bajja wara li dan ittieħed mill-maltemp u ma reġax irritorna lura?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ġejt infurmat mill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu li għalkemm huwa fatt li l-volum tar-ramel f’din il-bajja naqas viżibilment matul ix-xhur tax-xitwa, ma jfissirx li dan intilef għal kollox minn dik li hija magħrufa teknikament bħala “is-sistema tal-bajja”. Dan huwa proċess naturali li jseħħ kull sena u li r-riżultat aħħari tiegħu jiddependi mis-saħħa u d-direzzjoni tal-irjieħat u l-kurrenti. Bħal kull proċess naturali, dan ivarja minn sena għall-oħra. Fil-każ ta’ Paradise Bay din is-sena ħareġ aktar ramel ‘il barra milli reġa’ daħal ‘il ġewwa, b’riżultat li l-bajja tidher li ċkienet. Ninsab infurmat li dan il-fenomenu seħħ diversi drabi fil-passat u qed jiġi immoniterjat.

Xogħol fuq it-triq mix-Xemxija għall-Mellieħa

Question

Wara li l-Ministru vara lista ta’ toroq li fuqhom se jsir xogħol bi prijorità, jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra dwar il-pjanijiet li hemm għat-triq li twassal mix-Xemxija għall-Mellieħa peress li din it-triq qiegħda fi stat li qed tiddeterjora u hija l-aċċess ewlieni għal-lokalità tal-Mellieħa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed tħejji pjanijiet ta’ rikostruzzjoni u twessiegħ ta’ toroq bejn il-pont tal-Mistra u l-junction li tagħti għal Selmun. Hemm ukoll pjanijiet ta’ rikostruzzjoni fil-bqija tat-triq u ċjoè sal-junction fl-inhawi tas-Simar u x-xogħlijiet se jkunu qed isiru skont il-prioritajiet u l-ħruġ tal-permessi meħtieġa.

Il-proġett tat-triq tal-Għadira

Question

Jista’ l-Ministru jagħti update dwar il-proġett tat-triq tal-Għadira? Għad hemm pjanijiet li din it-triq tkun inkluża fil-proġett tat-TEN-T? Jekk iva, hemm xi timeline partikolari? Peress li fil-passat kien hemm anke diskussjonijiet dwar diversi possibilitajiet kif jista’ jitwettaq dan il-proġett, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-gvern għadux bil-ħsieb li jimxi fuq xi waħda minn dawn il-possibilitajiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed jiġu finalizzati l-applikazzjoni għall-fondi mill-Unjoni Ewropea għat-Ten-T, liema applikazzjonijiet jagħlqu f’Novembru li ġej. Għaldaqstant dettalji ta’ liema toroq ikunu se jingħataw fondi, ser tingħata wara li jagħlaq il-proċess.

Proġett tat-tisfija tal-ilma tad-drenaġġ għall-użu mill-bdiewa

Question

B’referenza għall-proġett tat-tisfija tal-ilma tad-drenaġġ, magħruf anke bħala new water, u l-provvediment ta’ dan l-istess ilma lill-bdiewa, jista’ l-Ministru jara li dan l-ilma jitwassal anke lill-bdiewa li jaħdmu r-raba’ tagħhom fiż-żona tat-Torri l-Aħmar, fiż-żona ta’ Wied Musa (qrib iċ-Ċirkewwa) u anke fiż-żona tal-Aħrax tal-Mellieħa? X’inhu l-proċess li għandu jagħmel bidwi biex jibda jgawdi minn dan l-ilma?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma bħalissa qed tagħmel studju fuq il-possibiliajiet li l-inħawi msemmijin jiġu pprovduti b’dan l-ilma vis a vis il-volum totali ta’ ilma li jista’ jiġi prodott kif ukoll inħawi oħra li diġa huma inklużi fill-proġett li qed jiġi propost għal-fondi tal-Unjoni Ewropeja.

Applikazzjonijiet minn bdiewa biex jibdew jagħmlu użu mis-second class water

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu applikazzjonijiet minn bdiewa sabiex jibdew jagħmlu użu mis-second class water li qed jiġi prodott wara t-tisfija tad-drenaġġ bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u t-30 ta’ Ġunju 2017? Jista’ l-Ministru jelenka anke l-lokalitajiet minn fejn huma dawn il-bdiewa u jgħid kemm hemm applikazzjonijiet minn dawn li ġew approvati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rċevit 52 applikazzjoni bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u t’30 ta’ Ġunju 2017. Dawn l-applikazzjonijiet ġew kollha approvati u l-lokalitajiet minn fejn huma dawn il-bdiewa huwa kif ġej: Lokalita Numru t’applikazzjonijiet Birkirkara 1 Ħad-Dingli 1 Ħal-Għaxaq 1 L-Imġarr 19 Mellieħa 20 Mosta 2 Naxxar 4 San Pawl il-Baħar 3 Ħaż-Żebbuġ 1 Total 52