Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8074 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Finanzi u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew likwidati kumpaniji matul l-2017 u l-2018, xahar b’xahar?
Awtorità tal-Mediċini – liċenzji għal kumpaniji għall-produzzjoni tal-kannabis għal skopijiet mediċinali
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7957 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza u li issa ġiet riferuta lilu u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ dawk il-kumpaniji kollha li ngħataw liċenzja mill-Awtorità tal-Mediċini għall-produzzjoni tal-kannabis għal skopijiet mediċinali skont kif provdut f’Artikolu 4. (2b) tal-Att dwar il-Produzzjoni tal-Kannabis għal Skopijiet Mediċinali u ta’ Riċerka, Kap. 578? F’kull każ jista’ jgħid fejn hi l-faċilità li minnha kull kumpanija se tkun qed topera?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Malta Enterprise ħarġet għaxar (10) ‘Letter of Intent’ (LOIs). Il-pass li jmiss għal dawk li għandhom LOI huwa li japplikaw mal-Awtorità dwar il-Mediċini biex tinħareġ il-liċenzja wara li jkunu ssodisfaw ir-rekwiżiti skond il-liġi.
Proċeduri u/jew linji gwida li permezz tagħhom ser jiddeterminaw kif jintużaw l-assi li jiġu kkonfiskati
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8069 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7964, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux lest li jikkommetti li l-assi kollha kkonfiskati mill-Istat b’rabta ma’ reati konnessi mat-traffikar tad-droga jgħaddihom lill-NGOs li jaħdmu fil-qasam tar-rijabilitazzjoni mid-droga?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-uffiċċju għall-Irkupru ta’ l-Assi (Asset Recovery Bureau) għandu l-obbligu li fuq ordni tal-Qorti, jħejji eżerċizzju sabiex jiġu ddentifikati, u intraċċati l-assi ta’ l-akkużat u wara li tingħata s-sentenża u tkun ordnata l-konfiska, l-istess uffiċċju jiddisponi minn dawn l-assi favur l-Gvern ta’ Malta, jiġifieri l-flejjes jiġu depożitati fil-fond konsolidat.
Fuq livell Nazzjonali, l-gvern jalloka diversi fondi u joħroġ diversi skemi ta’ sapport finanżjarju, lil NGOs u fost dawn nsibu dawk li jaħdmu fil-qasam tar-rijabilitazzjoni mid-droga.
Lista ta’ Deċiżjonijiet tal-Qorti — iffriżar ta’ flus u oġġetti
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8068 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7965, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-każijiet ta’ konfiska li semma fit-tweġiba u li m’għadhomx fis-seħħ (39 fl-2017) irriżultaw f’konfiska ta’ assi u fiex kienu jikkonsistu dawn il-konfiski?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li mid-disgħa u tletin (39) freezing order li nħargu fis-sena 2017, skont kif indikat fil-PQ 7965, erbgħa (4) m’għadhomx fis-seħħ.
a. Fit-tnejn (2) minhom, fejn l-akkużati kienu persuni ta’ nazzjonalita barranija, għalkemm il-Qorti ordnat il-konfiska, fir-rapport tal-assi ma rriżultax li kien hemm assi x’jiġu kkonfiskati.
b. Kien hemm ordni ta’ konfiska oħra fejn l-ammont ta’ Eur36,500 ġie kkonfiskat.
c. U kien hemm:
Freezing order
waħda (1) li ġiet kanċellata u konsegwentement konfiska ma ġietx ordnata.
Mill-kumplament tal-freezing orders li huma ħamsa u tletin (35), il-proċeduri għadhom pendenti u għaldaqstant għad ma hemmx konfiski ordnati.
Asset Recovery Bureau – Asset Management Unit — konfiski
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8067 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tal-konfiski kollha li nħaddmu mill-Asset Management Unit tal-Qorti u/jew mill-Asset Recovery Bureau mill-1 ta’ Jannar 2017 ’il hawn maqsuma xahar b'xahar u jgħid x’użu qed isir minn kull konfiska u/jew kienx hemm xi bejgħ tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Hawn taħt hawn tabella bl-informazzjoni mitluba.
Qorti ta’ Malta
2017
Data Ammont Konfiskat favur il Gvern ta Malta
Mejju 201718,055.00
Ottubru 20173.71
Ottubru 201712,565.00
Ammont Totali30,623.71
2018
DataAmmont konfiskat favur il Gvern ta Malta
Apr-185,697.90
Awissu 20184,338.36
Awissu 201838,500.00
Settembru 2018592.96
Settembru 201830.25
Ottubru 201817,647.51
Ottubru 201886.19
Ammont Totali66,893.17
Asset Recovery Bureau
Data tal-KażAmmont Konfiskat favur il Gvern ta Malta
Awwissu 2018€1,500
Ottubru 2018€1,260
Ammont Totali€2,760.00
L-Asset Recovery Bureau kkonfiskat ukoll vettura li għada suġġetta għall-appell.
Sptar Mater Dei u Sir Anthony Mamo Oncology Centre – operaturi tal-parkeġġ
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min hu/ma l-operatur/i u/jew kuntrattur/i li llum qed jopera/w il-parkeġġi bi ħlas tal-Isptar Mater Dei u ta’ Sir Anthony Mamo Oncology Centre?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-operaturi privati tal-parkeġġi tal-isptar Mater Dei huma KIS Services Ltd.
Sptar Mater Dei u Sir Anthony Mamo Oncology Centre – operaturi tal-parkeġġ — kuntratt
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja sħiħa tal-kuntratti/ftehim li hemm illum fis-seħħ tal-operat tal-parkeġġi bi ħlas fl-Isptar Mater Dei u ta’ Sir Anthony Mamo Oncology Centre?
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7969 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u li issa ġiet riferuta lilu u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-remunerazzjoni, allowances u l-benefiċċji li huma marbutin mal-karigi li ġejjin:
- President
- Prim Ministru
- Speaker
- Awditur Ġenerali
- Ombudsman
- Ministru
- Segretarju Parlamentari
- Membru Parlamentari
- Segretarju Permanenti Ewlieni
- Segretarju Permanenti?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
It-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7968 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm hawn pensjonanti li jirċievu xi forma ta’ pensjoni mill-Istat u jaqsam tali informazzjoni fi brackets kif ġej:
- Anqas minn €400 fix-xahar;
- Bejn €401 u €500 fix-xahar;
- Bejn €501 u €600 fix-xahar;
- Bejn €601 u €700 fix-xahar;
- Bejn €701 u €800 fix-xahar;
- Bejn €801 u €900 fix-xahar;
- Bejn €901 u €1,000 fix-xahar;
- Bejn €1,001 u €1,100 fix-xahar; u
- Aktar minn €1,101 fix-xahar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Kuntratti u Memorandum of Understanding – għaqdiet sportivi – art/proprjetà
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7959 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-kuntratti/Memorandum of Understanding biex jgħaddilhom art u/jew proprjetà pubblika li daħal fihom ma’ għaqdiet sportivi fl-2017 u din is-sena?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat minn SportMalta li l-kuntratti li saru fl-2017 u 2018 huma s-segwenti:
1. Valletta United Waterpolo Club,
2. Marsa Football Club,
3. Birżebbuġa Foundation.
Dawn il-kuntratti qed jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji ta’ kull applikazzjoni li rċeviet il-Kummissjoni responsabbli skont l-Avviż Legali rispettiv, b’rabta mal-kummerċjalizzazzjoni tal-faċilitajiet sportivi? Għal kull każ, jista’ l-Ministru jgħid:
a. min applika;
b. fejn huwa s-sit li fuqu qed issir l-applikazzjoni u x’daqs fih il-
footprint
tas-sit;
c. fiex tikkonsisti l-applikazzjoni u jekk tikkonsisti fi żvilupp kemm se jiġi żviluppat spazju f’termini ta’ metri kwadri;
d. jekk il-Kummissjoni responsabbli approvatx il-proposta, għadhiex qed tevalwa jew irrifjutathiex; u
e. f’każ li ġiet approvata, x’inhuma l-kundizzjonijiet ewlenin tal-kuntratt?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma l-Onorevoli interpellant li l-Kummissjoni tal-Faċilitajiet Sportivi Kummerċjali, wara talba minn diversi għaqdiet sportivi għal direzzjoni dwar jekk proġett jistax ikun vijabbli jew le, ħolqot sistema ta’ pre-applications li permezz tagħha dawn l-għaqdiet, b’nefqa minima, jingħataw risposta prima facie dwar jekk proġett huwiex sportivament u kummerċjalment vijabbli jew le.
Il-Kummissjoni s’issa rċeviet tmien (8) pre-applications (sebgħa minn klabbs tal-futbol u waħda minn assocjazzjoni nazzjonali) u bħalissa qiegħda tikkonsulta kemm mal-għaqdiet rispettivi, kif ukoll mal-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità dwar l-Artijiet, il-vijabbilità ta’ dawn il-proġetti.
Kif ikun konkluż dan il-proċess, jekk il-Kummissjoni tagħti approvazzjoni prima facie għall-proġett, l-għaqda sportiva kkonċernata tkun tista’ tgħaddi sabiex tagħmel l-applikazzjoni skont il-lġi, u ċjoè r-Regolamenti għall-Kummerċjalizzazzjoni tal-Faċilitajiet Sportivi.
S’issa l-Kummissjoni approvat prima facie, pre-application waħda, u ċjoè dik ippreżentata minn Sliema Wanderers FC, u bħalissa qed tistenna lill-klabb jippreżenta l-applikazzjoni proprja.
Kuntratti u Memorandum of Understanding – għaqdiet sportivi – art/proprjetà
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7959, jista’ l-Ministru jikkonferma li s-sit li qed jirreferi għalih fit-tweġiba, huwa dak li Valletta FC preżentement għandhom il-kuntratt ta’ ċens fuqu fil-lokalità ta’ Ħal Farruġ? Jekk iva, jista’ jagħti rendikont aktar dettaljat ta’ x’sar fil-ħidma li qed jirreferi għaliha fl-istess tweġiba?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-art li saret riferenza għaliha fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 7958 (mhux 7959 kif erronjament indikat fil-mistoqsija) mhijiex l-art ta’ Ħal Farruġ.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm trusts jew kumpaniji nominee li l-Ultimate Beneficial Owners (UBO) tagħhom huma reġistrati mal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA)?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
In-numru ta’ kumpaniji li l-ishma tagħhom, jew parti mill-ishma tagħhom, huma miżmumin minn kumpaniji liċenzjati f’Malta bħala fiduċjarji (trustees/nominees) u li dwarhom gew sottomessi in-notifiki tal-Ultimate Beneficial Owners jammontaw għal 1,430.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe impact assessment li sar mill-Gvern fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Iżvezja li tneħħi lil Malta kompletament bħala ġurisdizzjoni li hija parti mill-Whitelist għall-finijiet tas-Swedish Income Tax Act b’effett mill-1 ta’ Jannar 2019?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8071.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjeta, xahar b’xahar minn Jannar 2014 sal-lum?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjeta` li ġew reġistrati xahar b’xahar minn Jannar 2014 sal-lum hu kif se jingħad fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Awtorità tal-Ippjanar – siti/binjiet fil-Belt – avviżi ta’ infurzar
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ dawk is-siti/binjiet fil-Belt Valletta fejn l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet avviż ta’ infurzar mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-lum?
Għal kull każ jista’ l-Ministru jagħti:
· id-dettalji ta’ fejn jinstab is-sit fejn hemm l-avviż ta’ infurzar;
· it-tip ta’ użu tas-sit/bini;
· ir-raġuni tal-infurzar;
· id-data meta nħarġet l-ordni tal-infurzar;
· jekk l-ordni ta’ infurzar għadux fis-seħħ illum; u
· jekk itteħdietx azzjoni mill-Awtorita dwar il-każ?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokument mitlub qed jitpoġġew fuq il-mejda tal-kamra.
Awtorità tal-Ippjanar – siti/binjiet fil-Marsa – avviżi ta’ infurzar
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ dawk is-siti/binjiet fil-Marsa fejn l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet avviż ta’ infurzar mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-lum?
Għal kull każ jista’ l-Ministru jagħti:
· id-dettalji ta’ fejn jinstab is-sit fejn hemm l-avviż ta’ infurzar;
· it-tip ta’ użu tas-sit/bini;
· ir-raġuni tal-infurzar;
· id-data meta nħarget l-ordni tal-infurzar;
· jekk l-ordni ta’ infurzar għadux fis-seħħ illum; u
· jekk ittieħdetx azzjoni mill-Awtorità dwar il-każ?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokument mitlub qed jitpoġġew fuq il-mejda tal-kamra.
Asset Recovery Bureau – Asset Management Unit — konfiski
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tal-konfiski kollha li nħaddmu mill-Asset Management Unit tal-Qorti u/jew mill-Asset Recovery Bureau mill-1 ta’ Jannar 2017 ’il hawn maqsuma xahar b'xahar u jgħid x’użu qed isir minn kull konfiska u/jew kienx hemm xi bejgħ tagħhom?