Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — ħaddiema infettati bil-Covid-19

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16836, jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna kellha toħroġ fuq kwarantina minħabba dawn il-każijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Bi tweġiba għal din il-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — ħaddiema infetatti bil-Covid-19

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16837, jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna ħarġet fuq kwarantina minħabba dawn il-każijiet?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li minħabba l-każijiet li ġew msemmija fil-mistoqsija parlamentari 16837, kien hemm 6 persuni li ħarġu fuq kwarantina.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — ħaddiema infettati bil-Covid-19

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16838, jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna ħarġet fuq kwarantina minħabba dawn il-każijiet?

Response (FARRUGIA, AARON)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 16838, ninforma lill-Onor. Interpellant li, minħabba t-tlettax-il (13) każ li rreferejt għalihom fit-tweġiba, n-numru ta’ impjegati li ħarġu fuq kwarantina kien ta’ mija u tmienja (108).

Naxxar – Triq Santa Luċija u Triq E Muscat – miżuri biex inġenji kbar ma jgħaddux

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, wara li f’dawn l-aħħar ġranet trakk li għadda minn Triq Santa Luċija u Triq E Muscat fin-Naxxar għamel ħsarat f’gallariji minħabba li t-toroq huma antiki u dojoq, x’miżuri se jieħu l-Ministeru biex inġenji kbar ma jgħaddux minn dawn iż-żoni antiki tan-Naxxar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta ħadet azzjoni immedjata billi implimentat numru ta’ rondi mill-uffiċjali tal-infurzar, sabiex inċidenti bħal dawn jiġu evitati, madankollu huwa diffiċli li jiġi allokat uffiċjal 24/7. Ma dan kollhu l-Awtorita’ ta Transport f’Malta ser tkun qed tiltaqa mal-Kunsill Lokali, biex tiddiskuti l-possibbiltà li t-toroq imsemmija, kif ukoll żoni simili, jkunu ristretti, milli jintużaw minn vetturi kbar.

In-Naxxar — Triq San Pawl - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beda x-xogħol fuq Triq San Pawl fin-Naxxar? Fiex wasal dan ix-xogħol? X'qed jikkawża d-dewmien fuq ix-xogħol imsemmi? MEta hu ppjanat li dan ix-xogħol jitlesta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-aġenzija bħalissa qed twettaq l-aħħar fażi tal-bini mill-ġdid ta’ Triq San Pawl fin-Naxxar, li testendi 1.3 kilometri bejn ir-roundabout fl-inħawi tat-Telgħa t’Alla u Ommu (Burmarrad) u r-roundaout li hemm fuq in-naħa l-oħra u li tgħaqqadha ma’ Triq il-Parroċċa u Triq il-Wied, l-Iklin. Ix-xogħlijiet bdew kmieni din is-sena u biex l-inkonvenjent għal kull min jużaha u għar-residenti jkun l-inqas possibbli, dawn tqassmu f’erba’ fażijiet billi f’kull fażi ssir parti mit-triq. Diġà tlestew tliet fażijiet u bħalissa qed issir l-aħħar fażi n-naħa ta’ fejn kienu l-Malta Trade Fair Grounds u hu mistenni li t-triq titlesta f’Diċembru. L-investiment ta’ €2.3 miljun li qed isir f’din it-triq jinkludi bini mill-ġdid tal-bankini u oħrajn ġodda, punti għall-qsim pedonali ġodda (pedestrian crossings) sabiex dawk li jkunu għaddejjin bil-mixi jkunu jistgħu jaqsmu għan-naħa l-oħra tat-triq b’inqas riskji t’aċċidenti, tqegħid ta’ aktar minn 3 kilometri ta’ pajpiet taħt l-art għas-servizzi tal-ilma u Internet, kif ukoll katusi tad-drenaġġ li biex saru uħud minnhom kellhom jitħaffru trinek ta’ madwar sular fond. Qed tinbidel ukoll is-sistema ta’ lqugħ tal-ilma tax-xita tal-istess triq wara li nstab li din ġarrbet ħsarat waqt xogħlijiet li saru fil-passat, bil-konsegwenza li kienet qed tikkawża problemi ta’ għargħar fit-triq u f’bini li hemm fil-viċin. Qabel ma nbdew ix-xogħlijet din is-sistema ġiet spezzjonata permezz ta’ cameras u rriżulta li fost ħsarat oħrajn kien hemm diversi partijiet minnha miżdudin u għalhekk kien hemm bżonn li tinbidel. Wara li tlestew dawn ix-xogħlijiet estensivi taħt il-livell tat-triq fl-ewwel tliet fażijiet, Infrastructure Malta saħħet il-pedamenti u għamlitilha wiċċ ġdid bl-asfalt. Kif jitlestew ix-xogħlijiet fl-aħħar fażi din ukoll tinkesa bl-asfalt u terġa’ tinfetaħ fix-xahrejn li ġejjin.

In-Naxxar — Triq il-Forġa - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beda x-xogħol fuq Triq il-Forġa fin-Naxxar? X'tip ta' xogħol qed isir? Meta hu ppjanat li dan ix-xogħol jitlesta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajji¿na jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed inwettquh b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Ix-xogħol tal-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Forġa fin-Naxxar beda fil-bidu t’Ottubru u se jsir f’żewġ fażijiet li mistennija jitlestew fl-ewwel kwart tal-2021. Ix-xogħlijiet jinkludu l-allinjament tat-triq kif speċifikat fil-pjanijiet lokali u tisħiħ tal-pedamenti tagħha, bankini ġodda fuq iż-żewġ naħat tat-triq u servizzi tat-telekomunikazzjoni li se jgħaddu minn taħthom, servizzi taħt l-art għall-provissta tal-ilma u finalment wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt.

In-Naxxar — Traffiku minħabba xogħlijiet fuq Triq Burmarrad u Triq San Pawl il-Baħar u Triq il-Fortizza

Question

Jista' l-Ministru jgħid, peress li għaddej ix-xogħol fuq Triq Burmarrad, San Pawl il-Baħar, u peress li x-xogħol fuq Triq San Pawl u Triq il-Fortizza tal-Mosta (fin-Naxxar) u Triq il-Wied (Iklin) għadu ma tlestix, x'qed isir biex titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku fin-Naxxar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li wara snin twal ta’ nuqqas ta’ investiment biex titjieb fl-infrastruttura ta’ pajji¿na, dan il-qasam jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Infrastructure Malta ġiet fdata bi pjan ta’ ħidma ħalli ttejjeb il-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Biex twettaq dan il-pjan u ssir qab¿a kbira fl-infrastruttura, l-aġenzija ngħatat investiment bla preċedent ta’ aktar minn €100 miljun fis-sena ħalli din il-mira tintlaħaq mill-aktar fis. B’konsegwenza t’hekk, f’ċerti każi jista’ jkun hemm xogħlijiet għaddejjin f’toroq differenti fl-istess inħawi imma dejjem f’kordinament. Filwaqt li nirreferi għat-tweġibiet tal-Mistoqsijiet Parlamentari 17017 tas-Seduta 404 u 17018 tal-istess seduta u li saru mill-istess Onorevoli Interpellant, nispjega li x-xogħlijiet fit-toroq kollha qed jiġu kkordinati b’mod komprensiv biex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvejent għar-residenti u għal kull min jivjaġġa mill-inħawi. Għal kull proġett isir pjan biex ikun aċċertat li konnessjonijiet eżistenti jibqgħu jiġu servuti mill-istess toroq jew oħrajn alternattivi. Ix-xogħlijiet ta’ kull proġett jiġu ppjanati wkoll b’mod li jekk ikun meħtieġ għeluq ta’ triq jew parti minnha, dan isir b’mod li dejjem ikun hemm rotot alternattivi. Waqt li jkunu qegħdin isiru xogħlijiet fit-toroq jitpoġġew ukoll tabelli li jiggwidaw lill-pubbliku u Infrastructure Malta tinvolvi wkoll l-għajnuna tal-uffiċjali ta’ Transport Malta biex jassistu lil dawk li jkunu qed jivjaġġaw fl-inħawi.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej — Ħaddiema infettati bil-Covid-19

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16833, jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna ħarġet fuq kwarantina minħabba dawn il-każijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat illi l-każijiet ta’ kwarantina kienu 29 każ, maqsuama kif ġejjin: 20 ġewwa l-Ministeru 9 fl- Ambaxati.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — ħaddiema infettati bil-Covid-19

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16834, jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna ħarġet fuq kwarantina minħabba dawn il-każijiet pożittivi?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta illi b’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16834, kien hemm mija u disgħa u għoxrin (129) persuna.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — Ħaddiema infettati bil-Covid-19

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16835, jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna kellha toħroġ bil-kwarantina minħabba dawn il-każijiet?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16835, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li 26 persuna kellhom joħorġu bil-kwarantina minħabba l-każijiet imsemmija.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Ħaddiema - Telework

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16823 u jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li applikaw għat-teleworking? Kemm minnhom ingħataw il-permess? Kemm minn dawk li applikaw kienu nisa u kemm minnhom irġiel? Kemm minn dawk li fil-fatt ħadmu (jew qed jaħdmu) permezz tat-teleworking kienu nisa u kemm minnhom irġiel?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li ninsab infurmat li telework inagħta lill-41persuna li applikaw għalih. Minn dawn il-41 persuna hemm 22 nisa u 19 rġiel. Id-Dettalji tal-Awtorità tat-Trasport ser jingħataw aktar il-quddiem meta jinġabru.

Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru — Ħaddiema - Telework

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16826 u jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li applikaw għat-teleworking? Kemm minnhom ingħataw il-permess? Kemm minn dawk li applikaw kienu nisa u kemm minnhom irġiel? Kemm minn dawk li fil-fatt ħadmu (jew qed jaħdmu) permezz tat-teleworking kienu nisa u kemm minnhom irġiel?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-1 ta’ Marzu 2020 sa Ottubru applikaw wieħed u erbgħin (41) persuna għat-teleworking u kollha ġew milqugħa. Minn dawn wieħed u għoxrin (21) kienu nisa u għoxrin (20) raġel.
Leg 13 PQ #16994 Sitting 404 2020-11-24 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Ħaddiema - Telework

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16824, jista' l-Ministru jikkonferma li 7 persuni li jaħdmu mas-settur pubbliku biss applikaw għat-teleworking f'Għawdex għal perjodu msemmi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li talbet informazzjoni dwar is-settur pubbliku, igifieri dak li jirrigwardja l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru ta’ dan il-Ministeru, nikkonferma li kien hemm sebgħa talbiet għal telework fil-kumpanija Gozo Channel (Holdings) Ltd.

Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija — Ħaddiema infattati bil-Covid-19

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16830 u jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li kienu infettati mill-COVID-19?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Il-Magħtab — żona residenzjali - tnaqqis ta' rimi ta' Skart

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Wasteserv għandiex Corporate Social Responsability fiż-żoni fejn għandha l-faċilitajiet tagħha? B'mod partikolari, jista' jgħid fiż-żona residenzjali tal-Magħtab, x'qed isir biex jitnaqqas ir-rimi ta' skart b'mod abbużi fit-toroq ta' madwar fil-faċilità

Response (FARRUGIA, AARON)

Naħseb li l-Onorevoli Interpellant tapprezza daqsna li x-xogħol u r-responsabilitajiet li l-Gvern tefa’ fuq il-WasteServ fin-natura tagħhom fihom element soċjali qawwi għax jagħtu servizz essenzjali ghal kull wiehed u waħda minnha. Sadanittant sa minnżmien twil il-WasteServ toffri servizz ta’ ġbir ta’ skart kummerċjali f’Wied il-Għajn fejn r-residenti f’raġġ ta’ kilometru u nofs mill-impjant tal-WasteServ jirċievu kontribuzzjoni żgħira fis-sena fil-forma ta’ vowċer li jinqata’ bħala akkont mill-kont tad-dawl u l-ilma, anke fil-kuntest tal-enerġija li tkun ġġenerata mill-impjant organiku tal-kumpanija. Fost affarijiet oħra l-WasteServ flimkien mal-Ministeru tagħmel tajjeb ukoll għal ġbir tal-borża organika minn kull Lokalita’ u anke tieħu ħsieb il-ġbir mill-Marsa tal-iskips taż-żwiemel. Il-WasteServ tieħu ħsieb ukoll it-tindif ta’ numru ta’ toroq fil-Magħtab. Dwar ir-rimi abbużiv ta’ skart fit-toroq ta’ madwar il-kumpless tal-Magħtab jien infurmat li dawn huma regolati bħal toroq oħra f’Malta u jekk xi ħadd josserva tali abbuż jista jagħmel rapport jew lill-LESA kif ukoll lill-ERA u imbagħad issir l-koordinazzjoni meħtiega anke mal-Pulizija. Iżda ma nistax hawnhekk ma nfakkarx bl-investiment kbir ta’ nofs biljun euro li ser tkun qed tagħmel l-WasteServ fis-snin li ġejjin f’impjanti tat-trattament tal-iskart mill-aktar moderni u li ser ikollhom is-salvagwardji neċessarji kollha. Irrid infakkar ukoll li dalwaqt noħorgu għal konsultazzjoni il-pjan il-ġdid għall-immaniġġjar tal-iskart li ser iressaqna biex nilħqu l-miri u obbligi tagħna fil-qasam tal-iskart u dan għal ġid tal-poplu kollu kemm hu ġej mill-liema lokalita ġej.

In-Naxxar — Triq il-Fortizza tal-Mosta - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beda x-xogħol fuq Triq il-Fortizza tal-Mosta fin-Naxxar? Fiex wasal ix-xogħol sal-mument li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari ? X'fadal xi jsir? Meta hu ppjanat li titlesta din it-triq?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 16107 li saret mill-istess Onor. Interpellant f’Seduta 365 u nżid li l-aħħar fażi tax-xogħlijiet f’din it-triq bdiet fl-ewwel ġimgħa t’Ottubru. Tlesta x-xogħol fuq il-mains tal-ilma u bdew xogħlijiet fuq bankini ġodda. Huwa ppjanat li x-xogħlijiet jitlestew fl-ewwel kwart tal-2021.

Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli — Ħaddiema - Telework

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16814 u jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li applikaw għat-teleworking? Kemm minnhom ingħataw il-permess? Kemm minn dawk li applikaw kienu nisa u kemm minnhom irġiel? Kemm minn dawk li fil-fatt ħadmu (jew qed jaħdmu) permezz tat-teleworking kienu nisa u kemm minnhom irġiel?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Oorevoli Interpellant illi kien hemm 652 applikazzjoni minn ħaddiema tas-Settur Pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ ta’ dan il-Ministeru. L-applikazzjonijiet kollha kienu aċċettati. Fost l-applikanti kien hemm 317-il mara u 335 raġel.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — Ħaddiema - telework

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16818, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuni indikati fit-tabella hux qed jaħdmu bit-teleworking permezz ta’ ftehim li sar qabel il-bidu tal-pandemija (7 ta’ Marzu 2020)? Jista’ jgħid kemm hu n-numru totali ta’ ħaddiema li jaħdmu fl-entitajiet imsemmija fit-tabella?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija qegħda titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.