Persuni li ma għandhomx aktar minn 80 sena u li ħadu tilqima
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20088, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f'kull kategorija msemmija minnu kemm fadal persuni biex jiġu vvaċinati? Kemm hu l-persentaġġ ta' persuni vvaċinati f'kull kategorija u fuq livel nazzjonali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sal-11 t’April ta’ din is-sena kien hemm 21,400 persuni li għandhom iktar minn 80 sena li ħadu l-ewwel doza tal-vaċċin għal kontra l-Covid 19; 79,230 persuni bejn is-60 u 79 sena; 10,900 li huma meqjusa frontliners, 30,800 li huma Ħaddiema f’setturi essenzjali (li jinkludu ħaddiema fis-settur tal-edukazzjoni) u 18,600 li huma vulnerabbli. Ninfurmaha ukoll illi fl-aħħar jiem it-tilqima bdiet tingħata wkoll lill-persuni ‘l fuq minn 50 sena, li minnhom 12,307 diġa ħadu l-ewwel doża.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux qed jerġa’ jikkunsidra li jżid is-sodod ta’ kura akuta permezz ta’ Ambulatory ITU? Jista’ jagħti wkoll spjegazzjoni dettaljata tal-pjanijiet tiegħu f’dan ir-rigward?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-isptar Mater Dei, matul l-2020 sar xogħol infrastrutturali u ġie prokurat l-apparat kollu neċessarju sabiex tiżdied il-kapaċita’ li l-isptar joffri servizzi ta’ terapija intensiva skont il-ħtieġa.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid mill-bidu tal-pandemija f’Marzu 2020 sas-16 ta’ Marzu 2021 kemm mietu nies bil-COVID-19 ġo darhom u mhux fl-Isptar jew f’Dar tal-Anzjani? X’inhi r-raġuni għalfejn dawn l-individwi ma ġewx ikkurati fl-isptar fl-aħħar jiem ta’ ħajjithom?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill bidu tal-pandemija, kien hemm 11 il-persuna li kienu pożittivi għal-Covid-19 u li mietu ġo djarhom. Ħamsa minn dawn il-persuni ġew misjuba li kienu pożittivi minn test li ttieħed wara l-mewt. Għal oħrajn ir-riżultat pożittiv ħareġ jew wara l-mewt jew ftit qabel id-data tal-mewt. Minn dawn, kien hemm erba’ każijiet fejn il-Covid-19 segħtet ikkontribwixxiet imma ma kinitx il-kawża prinċipali tal-mewt għaliex dawn kellhom kundizzjonijiet oħra li jinkludu kanċer, dijabete’ u attakk tal-qalb.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan tar-rollout tal-vaċċin kontra l-COVID-19 li għal kull tip ta’ vaċċin għandu jinkludi:
a. meta waslu, kemm waslu u kemm ingħataw sas-16 ta’ Marzu 2021?
b. kemm hu l-ammont ta’ vaċċini li mistenni li jasal wara s-16 ta’ Marzu 2021? U kif se jitqassmu dawn l-ammonti fil-ġimgħat u xhur li ġejjin?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sal-21 ta’ Marzu waslu Malta total ta’ 203,820 dożi tal-vaċċin tal-Covid 19 filwaqt li sal-istess data ġew amministrati 145,934 dożi tal-vaċċin għal kontra l-Covid 19. Matul iż-żmien li ġej mistenni li jaslu aktar dożi. Ninformaha ukoll li s-sekwenza ta’ tilqim se tkompli issir skont il-pjan maqbul mal-esperti tas-saħħa.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ġie amministrat vaċċin tat-tip Pfizer ġimgħa b’ġimgħa minn meta wasal Malta:
i. lil persuni ta’ ‘l fuq minn 80 sena;
ii. lil persuni ta’ bejn is-70 u d-79 sena;
iii. lil persuni ta’ bejn is-60 u 69 sena;
iv. lil persuni vulnerabbli (u jispecifika liema kundizzjonijiet);
v. lil
frontliners
(u jispeċifika liema);
vi. lil persuni oħra li ma jaqgħux taħt dawn il-kategoriji u jispeċifika x’inhi r-raġuni?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, sas-16 ta’ Marzu 2021, kemm ġie amministrat vaċċin tat-tip AstraZeneca ġimgħa b’ġimgħa minn meta wasal Malta:
i. lil persuni ta’ bejn il-50 u l-65 sena;
ii. lil persuni vulnerabbli (u jispeċifika liema kundizzjonijiet);
iii. lil
frontliners
(u jispeċifika liema);
iv. lil persuni oħra li ma jaqgħux taħt dawn il-kategoriji u jispeċifika x’inhi r-raġuni?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema huma dawk il-kategoriji ta’ ħaddiema li jitqiesu bħala frontliners u qed jingħataw il-tilqima kontra l-COVID-19? Għal kull kategorija, jista’ jispeċifika kemm hu l-ammont ta’ persuni li qed jitqiesu bħala frontliners? Jista’ jgħid ukoll sas-16 ta’ Marzu 2021 x’numru minnhom tlaqqmu u kemm hu n-numru ta’ persuni li fadal biex jitlaqqmu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 20088. Ninfurmaha wkoll li l-clinical frontliners huma dawk il-persuni kollha li jaħdmu fl-entitajiet kliniċi fil-gvern u anki fil-privat u n-non-clinical frontliners, li huma l-pulizija, ħaddiema tal-forzi armati u tal-protezzjoni ċivili kif ukoll s-support staff rispettiv tagħhom, ħaddiema tas-sigurtà tal-fruntiera, ħaddiema li jaħdmu fil-faċilita’ korrettiva ta’ Kordin li jinkludu l-probation staff kif ukoll persuni oħra li xogħolhom għandu x jaqsam mas-sigurtà nazzjonali.
Persuni li ma għandhomx aktar minn 80 sena li ħadu tilqima
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19897, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jkun ċar u jgħid kemm hemm persuni li ħadu l-vaċċin li :
1. Għandhom iktar minn 80 sena?;
2. Għandhom bejn 60 u 79 sena?;
3. Huma
frontliners
?;
4. Ħaddiema f’setturi essenzjali?;
5. Huma vulnerabbli?;
6. Ma jaqgħu taħt l-ebda kategorija (1-5) imsemmija hawn fuq?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sas-Sibt 20 ta’ Marzu n-numru ta’ persuni li ħadu l-ewwel doża tal-vaċċin għal kontra l-Covid 19 huwa kif ġej: 18,987 li għandhom iktar minn 80 sena, 28,398 li għandhom bejn 60 u 79 sena, 19,500 li huma meqjusa frontliners, 17,730 li huma ħaddiema f’setturi essenzjali u 14,635 li huma persuni vulnerabbli.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19639, jista' l-Ministru jgħid x'inhu t-timeline biex iċ-Children's House tibda tintuża skond il-liġi Kap 569 u Kap 602?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li, Kap 569 li rreferiet għaih fil-mistoqsija tagħha ġie sostitwit permess tal-Kap 602. Dan jikkonferma li l-użu taċ-Children’s House huwa regolat biss minn Kap 602.
Sabiex tibda topera ċ-Children’s House se jkun meħtieġ li jinbidlu ċertu liġiijiet u regolamenti dwar kif isiru proċeduri li jinvolvu is-smiegħ tat-tfal quddiem il-Qrati tagħna. Waqt li l-Gvern huwa impenjat bi sħiħ li nonoraw l-obbligi internazzjonali tagħna f’dan ir-rigward, u huwa għalhekk li inkludejna dan il-provvediment f’ Kap 602, madanakollu dan kellu jorbot ukoll ma’ tħejjijiet u konsultazzjonijiet dwar kif dan għandu l-aħjar li jsir.
F’dan il-kuntest, huwa pjaċir tiegħi li ninforma lill-Onor. Kollega, li l-pjan tagħna huwa li l-emendi u r-regolamenti li hemm bżonn isiru f’ Kap 602 u liġijiet oħra li jorbtu ma’ dan, ser ikunu qed isiru wara l-Għid li ġej. Kif jgħaddu dawn l-emendi u r-regolamenti, nkunu nistgħu sussegwentament, nibdew nużaw iċ-Children’s House.
Persuni li ma għandhomx aktar minn 80 sena li ħadu tilqima
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19638, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li m'għandhomx l-età ta' bejn is-60 u 'l fuq minn 80 sena, ma' jaħdmux fil-qasam tas-saħħa, m'humiex frontliners, m'humiex vulnerabbli, imma ħadu t-tilqima tal-COVID-19?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fuq parir tal-Advisory Committee on Immunization Policy apparti persuni ‘il fuq minn 60 sena u nies b’mard kroniku serju, il-vaċċin ingħata ukoll lill-front liners u ħaddiema f’setturi essenzjali. Sal-bieraħ ingħataw 122,366 dożi tal-vaċċin.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-pjan għall-parkeġġ li hemm taħt l-iskola tal-Qawra? Dan se jkun għall-użu tal-pubbliku, bħalma kien wiegħed il-Gvern meta kienet qed tinbena l-iskola?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 19289. Nerġa' ntenni li hi l-intenzjoni tal-awtoritajiet li dan il-parkeġġ ikun aċċessibbli għall-użu minn terzi.
Jista' l-Ministru jgħid, skont l-Awtorità tal-Mediċina kemm inbiegħu kontraċettivi f'pajjiżna bejn l-2015 u l-2020? Jista' jagħti l-valur u l-ammont għal kull tip ta' kontraċettiv?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika għal liema kontraċettivi qegħdha tirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm ilmenti quddiem l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) bejn is-snin 2015 u l-2020, maqsuma sena b'sena? Jista' jgħid ukoll x'tip ta' ilmenti kienu u kemm kien hemm f'kull kategorija?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ ilmenti reġistrati quddiem l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) bejn is-snin 2015 u l-2020, u kemm kien hemm ilmenti f’kull kategorija taħt Ilmenti tal-Konsumaturi (Ġenerali) għas-snin 2019 u 2020, qed jiġu ppreżentati fit-tabelli t’hawn taħt:
Sena
Ilmenti tal-Konsumaturi (Ġenerali)
Ilmenti dwar Drittijiet tal-Passiġġiera tal-Ajru
(Reg. 261/2004)
2015
1228
150
2016
1205
154
2017
936
96
2018
824
145
2019
963
213
2020
1270
376
L-ilmenti jistgħu jitqassmu f’dawn il-kategoriji:
Kategorija
2019
2020
Oġġetti tal-konsumatur
442
474
Edukazzjoni
7
40
Ilma u enerġija
40
28
Servizzi ġenerali għall-konsumatur
387
598
Saħħa
7
7
Servizzi ta’ divertiment
72
231
Servizzi postali u komunikazzjoni elettronika
32
60
Servizzi ta’ trasport
10
7
Oħrajn
179
201
L-informazzjoni għas-snin bejn l-2015 u l-2018 ser tingħata aktar ‘il quddiem minħabba li f’dan il-perjodu kienet tintuża sistema differenti u ser tieħu aktar ħin biex tinġabar din l-informazzjoni dettaljata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm awtorizzat lifts l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) bejn is-snin 2015 u l-2020, maqsuma sena b'sena?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rekwiżit legali mal-MCCAA huwa li lifts li jitqiegħdu fis-suq iridu jiġu rreġistrati mal-Awtorita’. In-numru ta' lifts reġistrati mal-MCCAA mill-2015 sal-2020 huma dawn li ġejjin:
Sena
Ammont
2015
850
2016
811
2017
622
2018
814
2019
766
2020
1032
Jista' l-Ministru jgħid kemm wettqet spezzjonijiet l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) marbuta mas-sigurtà tal-prodotti bejn is-snin 2015 u l-2020, maqsuma sena b'sena? Jista' jgħid ukoll x'kien l-outcome ta' dawn l-ispezzjonijiet?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn is-snin 2015 u l-2020, l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) wettqet 2669 spezzjonjoni marbuta mas-sigurtà tal-prodotti. B’riżultat ta’ dawn l-ispezzjonijiet, fil-perjodu msemmi ġew imsejjħa lura jew irtirati minn fuq is-suq 123-il prodott.
Sena
Numru ta’ spezzjonijiet marbuta mas-sigurtà tal-prodotti
2015
105
2016
234
2017
237
2018
396
2019
307
2020
1390
(iż-żieda hija dovuta bl-inklużjoni ta’ ispezzjonijiet oħra bħala parti mis-sistema konġunta tal-ispezzjonijiet, kif ukoll spezzjonijiet onlajn)
Anzjani li qed jistennew l-istedina biex jieħdu t-tilqima
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalfejn 65% biss tal-anzjani ta’ ‘l fuq minn 80 sena ħadu t-tilqima tal-COVID-19? Għalfejn hemm numru ta' anzjani ta' din l-età li għadhom ma rċevewx stedina biex jieħdu t-tilqima?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l’fuq minn 80% tal-anzjani ta’ ‘l fuq minn 80 sena diġa ħadu t-tilqima. L-proċess għadu għaddej u jinsab fl-aħħar fażijiet tiegħu.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni vulnerabbli intitolati għat-tilqima tal-COVID-19? S'issa, kemm minnhom ġew mistiedna biex jieħdu t-tilqima? Kemm minnhom ħadu t-tilqima?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ persuni vulnerabbli hu ta’ madwar 23,000 li minnhom 55% diġa ħadu l-ewwel do¿a tal-vaċċin għal-kontra l-Covid-19. Il-proċess għadu għaddej.
Persuni li ma għandhomx aktar minn 80 sena li ħadu tilqima
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni li m'għandhomx iktar minn 80 sena, ma jaħdmux fil-qasam tas-saħħa, mhumiex frontliners, mhumiex vulnerabbli, imma ħadu t-tilqima tal-COVID-19?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proċess ta’ tilqim issa wasal fi stadju illi dawk ta’ ‘l fuq minn 60 sena kif ukoll il-persuni vulnerabbli b’mard kroniku qed jirċievu t-tilqima jew l-invit biex jieħdu il-vaċċin. Il-grupp ta’ bejn is-60 u d-79 sena huwa ta’ madwar 94,000 persuna.
Jista' l-Ministru jikkonferma li ċ-Children's House kienet inawgurata mill-predeċessur tiegħu l-Onor. Michael Farrugia ftit qabel l-Elezzjoni Ġenerali f'Mejju 2017? X'kienet ir-raġuni għalfejn ma ntużatx tul dawn l-aħħar kważi erba’ snin?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li, ċ-Children’s House kienet infetħet wara li kienet għaddiet il-liġi dwar il-protezzjoni tat-tfal (Kap 569) fil-bidu tal-2017 u dan biex it-tħaddim ta’ din il-liġi jkun jinkludi l-użu ta’ dan il-post li huwa child friendly.
Kif taf l-Onor. Interpellanta, il-liġi Kap 569 inbidlet wara ħafna konsultazzjoni mal-partijiet kollha kkonċernati u saret l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri (Ħarsien Alternattiv), Kap 602. Din kienet approvata mill-Parlament f’ Lulju, 2019. Il-pjan kien li l-liġi tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020 imma, minħabba ċ-ċirkostanzi li lkoll nafu bihom, il-liġi daħlet fis-seħħ fl- 1 ta’ Lulju, 2020. Dejjem kien preċiżat li se jkun hemm partijiet tal-liġi li ma jidħlux fis-seħħ mill-ewwel. Fosthom dik li s-smiegħ tal-minuri jsir fiċ-Children’s House.
Ninsabu fl-aħħar fażi ta’ konsultazzjonijiet biex jiġu ppublikati r-regolamenti ta’ kif għandha tintuża din il-faċilità li hija maħsuba skont standards internazzjonali biex tagħti aktar vuċi lit-tfal.