Ġaladarba l-iktar riħ li jaffettwa l-gżejjer Maltin huwa dak ġej mid-direzzjonijiet tat-Tramuntana u tal-Majjistral, tista’ l-Ministru tgħid xi provi tekniċi jeżistu biex jiġi ġġustifikat li l-għażla taż-żona tal-Magħtab hija għażla tajba biex isiru żewġ inċineraturi, u dan meta l-imsemmi riħ jista’ jitfa’ d-duħħan u l-partiċelli ġġenerati miċ-ċmieni għal fuq ir-residenzi tul ix-xatt, speċjalment ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, il-Madliena, is-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan, Tas-Sliema, il-Gżira, u possibilment sal-Belt, Valletta?
Response (DALLI, MIRIAM)
L-insinwazzjonijiet tal-Onor. Interpellanta fil-mistoqsija tagħha huma bbażati fuq informazzjoni żbaljata u bla bażi xjentifika, u għalhekk jistgħu joħolqu allarm meta m’hemmx lok għalih. F’dan il-kuntest, nitlobha tirreferi għad-dokumentazzjoni dettaljata li hemm fl-istudji ambjentali li saru u li jikkonfermaw b’ċertezza xjentifika kif l-impjant li qed jiġi diskuss bħalissa, anke meta wieħed jikkunsidra wkoll l-impjant Waste to Energy miegħu, mhux se jkollu impatt negattiv. L-impjanti kollha msemmija għaddew minn proċess ta’ Environmental Impact Assessment (EIA) u Appropriate Assessment (AA) u li jaraw anke l-impatti kumulattivi.
Project Description Statement Report for Thermal Treatment Facility
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kif fid-dokument ta’ 172 paġna, 'Project Description Statement Report for Thermal Treatment Facility', skont ir-rekwiżiti tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għal (PA/06096/23), kważi m’hemm l-ebda referenza għar-residenti u għall-impatt li t-TTF se jkollu fuq is-saħħa tar-residenti, meta skont il-Coordinated Assessment ippreżentat mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jgħid li l-effett tal-inċineratur se jinfirex fuq il-lokalitajiet fiż-żona ta’ 113 kilometru kwadru (within the 6km radius around the TTF)?
Response (DALLI, MIRIAM)
Il-‘Project Description Statement’ (PDS) huwa dokument li jiġi sottomess lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fi stadju bikri tal-proġett. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jservi bħala dokument informattiv li jgħin lill-Awtorità tagħmel analiżi preliminari u tara jekk hemmx bżonn aktar studji biex tasal għal konklużjonijiet dwar l-impatti ambjentali u, jekk iva, liema studji hemm bżonn. Dawn l-istudji mbagħad jitħejjew minn konsulenti speċjalizzati u jinġabru fir-rapport kordinat dwar il-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali (EIA Report) li fost oħrajn jitratta impatti potenzjali fuq ir-residenti.
Project Description Statement Report for Thermal Treatment Facility
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kif fid-dokument 'Project Description Statement Report for Thermal Treatment Facility', skont ir-rekwiżiti tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għal PA/06096/23, hemm referenza għall-partiċelli ta’ daqs PM10, iżda m’hemm l-ebda referenza għall-partiċelli ta’ daqs PM2.5, u dan meta studji juru li partiċelli ta’ daqs PM10 jidħlu fl-imnifsejn u fil-pulmun tan-nies, imma partiċelli ta’ daqs PM2.5 saħansitra jidħlu fid-demm?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-‘Project Description Statement Report’ (PDS) huwa dokument li jiġi sottomess lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fi stadju bikri tal-proġett. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jservi bħala dokument informattiv li jgħin lill-Awtorità tagħmel analiżi preliminari u tara jekk hemmx bżonn aktar studji biex tasal għal konklużjonijiet dwar l-impatti ambjentali u, jekk iva, liema studji hemm bżonn. Dawn l-istudji mbagħad jitħejjew minn konsulenti speċjalizzati u jinġabru f’rapport kordinat dwar il-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali (EIA Report). F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li qed jiġi insinwat fil-mistoqsija parlamentari, r-rapport li sar mill-konsulenti jsemmi kemm il-partiċelli ta’ daqs PM10 kif ukoll dawk ta’ daqs PM2.5. Dan ir-rapport ġie suġġett ukoll għal konsultazzjoni pubblika, qabel ma jitkompla l-proċess li bħalissa għadu għaddej.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 24492, 24493 u 24494, jista’ l-Ministru jgħid fuq liema bażi l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament tneħħa mill-pożizzjoni li kien jokkupa?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li kien hemm talba għal persuna biex taqdi rwol f'entità oħra u li ntagħżel għaliha l-persuna indikat mill-Onor. Interpellant.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-aġenzija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatment għamlitx inkjesta interna dwar ilmenti ta’ harassment u abbuż ta’ poter fuq il-ħaddiema fl-istess aġenzija mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jinghataw separatament?
International Early Learning & Child Well-being study
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn Malta qablet li tieħu sehem fl-International Early Learning & Child Well-being study? Jista’ jgħid ukoll:
i. X’benefiċċju għandu dan l-istudju għal Malta?
ii. Kemm se jiswa dan l-istudju?
iii. Min ħa d-deċiżjoni li Malta għandha tieħu sehem fl-International Early Learning & Child Well-being study?
iv. Dan ifisser li din il-persuna hija konvinta mill-validità tat-tests u l-metodu ta’ dan l-istudju?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Malta qablet li tieħu sehem fl-International Early Learning and Child Well-being Study (IELS), huwa studju internazzjonali mmexxi mill-Organisation for Economic Co-operation and Development (OECD) minħabba l-valur miżjud ta’ dan l-istudju għax jibni fuq evidenza fis-settur tal-Edukazzjoni u l-Kura tat-Tfal bikrija (Early Childhood Education and Care – ECEC).
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jissewwew is-Storm Water Culverts fi Triq is-Salina, in-Naxxar, li diġà ġew spezzjonati mill-Perit tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi f’Marzu 2025, u li kkonferma li fihom ħsarat estensivi, li qed ikunu ta’ inkonvenjent kbir għar-residenti taż-żona u li għandhom jissewwew mill-aktar fis possibbli?
Response (BONETT, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għat-Thermal Treatment Facility (TTF) fil-Magħtab (PA/06096/23 (EA/00020/22), tista’ l-Ministru tgħid jekk id-dokument ‘Coordinated Assessment’ ippreżentat mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jgħidx li l-effett tal-inċineratur se jinfirex fuq il-lokalitajiet fiż-żona ta’ 113 kilometru kwadru (within the 6km radius around the TTF), u li dawn il-lokalitajiet jinkludu: in-Naxxar, San Pawl il-Baħar, il-Mosta, Ħal Għargħur, Ħal Lija, Ħ’Attard, Ħal Balzan, l-Iklin, B’Kara, San Ġwann, l-Imsida, is-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan, Tas-Sliema, il-Gżira, ir-Rabat u l-Imġarr? Tista’ tgħid ukoll ma’ kemm minn dawn il-lokalitajiet saret konsultazzjoni pubblika u/jew mal-Kunsilli Lokali u/jew mas-Sindki li jirrappreżentaw dawn il-lokalitajiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn il-proġett tal-iskart fil-Magħtab, magħruf bħala EcoHive, qed jiġi ppreżentat għall-konsultazzjoni pubblika biċċa biċċa u mhux fl-intier tiegħu? Tista’ tgħid ukoll jekk sarx impact assessment ħolistiku fuq l-impjanti u l-inċineraturi kollha f’daqqa, u mhux wieħed wieħed u jekk iva, jista’ jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 27011 u tipprovdi n-numru u l-ammont totali f'ewro, ta’ multi u penali għall-entitajiet tal-Iskemi ta’ Responsabbiltà tal-Produttur (PROs) li ħarġu u li tħallsu mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) jew ta’ min hi r-responsabilità, talli l-istess PROs ma battlux il-bins fil-Bring in Sites fil-ħin, ma żammewx dawn is-siti nodfa u ma neħħewx skart akkumulat, (imħallat u riċiklabbli) għas-snin 2023 u 2024, maqsuma għal kull xahar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-arranġamenti għal manutenzjoni u tindif ta’ recycling points (Bring-In-Sites) huma suġġetti għal arranġamenti privati/kummerċjali speċifiċi bejn il-Kunsilli Lokali rispettivi u l-Iskemi ta’ Responsabbiltà tal-Produttur (PROs). Konsegwentement, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ma toħroġx multi fuq din il-materja partikolari. Barra minn hekk, il-Bring in Sites huma sorveljati minn CCTV cameras allura min jinqabad jabbuża jista’ jiġi mmultat mill-entità li tissorvelja l-filmati.
Kunsilli lokali — Spejjeż addizzjonali għat-tindif mis-siti ta’ ġbir ta’ skart
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27012 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u jgħid jekk il-kunsilli lokali humiex mistennija jġorru (kif qed jagħmlu), spejjeż addizzjonali minn fondi pubbliċi biex inaddfu wara l-Iskemi ta’ Responsabbiltà tal-Produttur (PROs) li mis-siti ta’ ġbir ta’ skart għandhom benefiċċji pekunjarji?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27013 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u jgħid min hu responsabbli u kif, tal-entità responsabbli biex tiżgura li l-iskart iġġenerat minn żvilupp kummerċjali ma jiġix miġbur mill-kuntrattur li jopera s-servizz ta’ ġbir bieb bieb, f’kull waħda mis-sitt reġjuni ta’ pajjiżna?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li ma kienx hemm rapporti dwar każijiet ta’ skart iġġenerat minn żvilupp kummerċjali li jkun miġbur mill-kuntrattur li jopera s-servizz ta’ ġbir bieb b’bieb fl-ebda wieħed mir-Reġjuni. Jekk dan ikun il-każ, id-Diviżjoni tassisti lill-Kunsilli Reġjonali rispettivi biex jieħdu l-passi neċessarji.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27013 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u jgħid min hu responsabbli u kif, tal-entità responsabbli biex tiżgura li l-iskart iġġenerat minn żvilupp kummerċjali ma jiġix miġbur mill-kuntrattur li jopera s-servizz ta’ ġbir bieb bieb, f’kull waħda mis-sitt reġjuni ta’ pajjiżna?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Kunsilli lokali — Spejjeż addizzjonali għat-tindif mis-siti ta’ ġbir ta’ skart
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27012 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u jgħid jekk il-kunsilli lokali humiex mistennija jġorru (kif qed jagħmlu), spejjeż addizzjonali minn fondi pubbliċi biex inaddfu wara l-Iskemi ta’ Responsabbiltà tal-Produttur (PROs) li mis-siti ta’ ġbir ta’ skart għandhom benefiċċji pekunjarji?
Tista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ avviżi pendenti li qed jistennew l-approvazzjoni tal-Ministru biex jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ kull entità li taqa’ taħt id-dekasteru tagħha, għall-perjodi bejn Jannar sa Ġunju 2024, Lulju sa Diċembru 2024 u Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, tista’ tindika x’inhi r-raġuni għalfejn dawn l-avviżi għadhom ma’ ġewx approvati u ppubblikati?
Response (DALLI, MIRIAM)
L-avviżi tal-Gvern jiġu ppubblikati fuq il-Gazzetta tal-Gvern kif meħtieġ.
Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ avviżi pendenti li qed jistennew l-approvazzjoni tal-Ministru biex jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ kull entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, għall-perjodi bejn Jannar sa Ġunju 2024, Lulju sa Diċembru 2024 u Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, jista’ jindika x’inhi r-raġuni għalfejn dawn l-avviżi għadhom ma’ ġewx approvati u ppubblikati?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għall-mistoqsija parlamentari 27037.
Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ avviżi pendenti li qed jistennew l-approvazzjoni tal-Ministru biex jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ kull entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, għall-perjodi bejn Jannar sa Ġunju 2024, Lulju sa Diċembru 2024 u Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, jista’ jindika x’inhi r-raġuni għalfejn dawn l-avviżi għadhom ma’ ġewx approvati u ppubblikati?
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 27004 u tgħid kemm kien il-valur tal-materjal li ġie ġġenerat mit-tqattigħ tal-blat fil-Magħtab bi preparazzjoni għall-ECO Hive? Tista’ tgħid ukoll x’sar minn dan il-materjal u għand min marru l-flus?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tqattigħ tal-blat fil-Magħtab bi tħejjija għall-ECO Hive, speċifikament it-tħaffir tas-sit tal-Waste to Energy, ingħata permezz ta’ sejħa pubblika għall-offerti. Fejn il-kuntrattur li rebaħ is-sejħa kien responsabbli biex iqatta’, jġorr u jiddisponi mill-materjal iġġenerat (li seta’ jerġa’ jintuża fil-qasam tal-kostruzzjoni), huwa tħallas is-somma ta’ madwar €226,500 (eskluża l-VAT). Min-naħa l-oħra, fejn il-materjal iġġenerat inżamm mill-Wasteserv biex eventwalment jerġa’ jintuża fuq is-sit, l-ammont imħallas lill-kuntrattur kien ta’ madwar €1,015,000 (eskluża l-VAT).
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 27008 u tipprovdi l-kwantitajiet, bil-piż u bil-materjal (riċiklabbli u ħġieġ), ta’ skart tal-ippakkjar miġbur minn kull kunsill lokali, għal kull waħda minn dawn il-kategoriji:
i. Bring in Sites;
ii. Ġbir bieb bieb; u
iii. Intrapriżi privati (inklużi żoni industrijali, lukandi, supermarkets, bejgħ bl-imnut u żviluppi kummerċjali oħra) li jipparteċipaw fl-organizzazzjoni ta’ Skemi ta’ Responsabbiltà tal-Produttur (PROs) għal kull xahar għas-snin 2023 u 2024?
Response (DALLI, MIRIAM)
Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Ninsab infurmata li fir-rigward tal-Bring in Sites, l-ERA ma tiġborx data dwar l-iskart miġbur minn recycling points fuq bażi ta’ kull xahar. L-informazzjoni li qed nippreżenta tirrifletti l-ammont ta’ skart miġbur minn recycling points minn kull Kunsill Lokali fuq bażi ta’ kull sitt xhur bejn l-2023 u l-2024.
Fir-rigward tal-ġbir bieb bieb, l-ERA ma tiġborx din id-data fuq bażi ta’ kull xahar għal kull Kunsill Lokali, madankollu, l-informazzjoni tipprovdi ċifri totali relatati mal-ammont ta’ boroż griżi u ħġieġ miġburin permezz tal-ġbir bieb bieb fuq bażi ta’ kull xahar bejn l-2023 u l-2024.
Fir-rigward tal-intrapriżi privati, l-informazzjoni tinkludi ċifri relatati ma’ transport packaging miġbur permezz tal-PROs minn operaturi ekonomiċi fuq bażi ta’ kull sitt xhur bejn l-2023 u l-2024.
Ġestjoni tal-Iskart — Responsabbiltajiet tal-kunsilli lokali
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 27010 u tgħid jekk l-unika obbligu tal-kunsilli lokali huwiex li jipprovdu post/sit għal Bring in Sites u jekk le, x’inhuma l-obbligi l-oħra fuq il-kunsill lokali fir-rigward tar-Regolamenti dwar il-Ġestjoni tal-Iskart (Ippakkjar u Skart tal-Ippakkjar)?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li minbarra l-obbligi li joħorġu mill-Att Tal-Gvern Lokali (KAP363) rigward manutenzjoni, tindif u ż-żamma tal-lokalità fi stat tajjeb, il-Kunsilli Lokali għandhom obbligi stabbiliti skont ir-Regolamenti dwar l-Iskart (L.S. 549.63) fejn il-Kunsilli Lokali għandhom jallokaw spazju għall-provediment ta’ Recycling Points (Bring In Sites) għall-ġbir separat ta’ karta, metall, plastik u ħġieġ għal kull elfejn (2,000) abitant f’kull lokalità rispettiva u ma jinkludux skart imħallat. Kunsilli Lokali b’inqas minn elfejn (2,000) abitant għandhom jipprovdu spazju għal mill-inqas sett wieħed ta’ Recycling Points fil-lokalità rispettiva tagħhom.