Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — Defibrillators

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9873, jista' l-Ministru jgħid jekk dan ifissirx li m'hemmx defibrillator fl-ambaxxati ta' Malta u fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil-Onor. Interpellanta li m’għandix iżjed xi nżid mat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9873 li diġà tajt, jiġifieri li l-Ministeru għandu defibrillator wieħed (1) installat f’Palazz Spinola, San Ġiljan.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Defibrillators

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9875, jista' l-Minsitru jgħid fejn jinsab dan id-defibrillator? Jista' jikkonferma li dan huwa l-unika defibrillator? Jekk iva, xi pjan hemm biex jiżdiedu aktar defibrillators li jistgħu jsalvaw il-ħajja?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li dan id-defibrillatur inkwistjoni jinsab fl-entità Malta Food Agency li tagħmel parti mid-dekasteru li tiegħu jiena responabbli. Però apparti dan, fi ħdan il-varji dipartimenti li hemm jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi, preżentament hemm total ta' 13-il defibrillator.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — defibrillators

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9868 u risposti oħra minn Ministri oħra fuq dan is-suġġett, peress li jidher ċar li fid-dekasteri u l-entitajiet diversi hemm nuqqas serju ta' defibrillators li jistgħu jsalvaw il-ħajja, jista' l-Prim Ministru jgħid xi pjan hemm, jekk hemm, biex dawn id-defibrillators jiżdiedu?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li hemm pjanijiet biex dawn jiżdiedu.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali - defibrillators

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9869, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk dan ifissirx li m'hemm l-ebda defibrillator fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-MCESD hija l-unika entità fid-dekasteru tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali.

Ministeru għat-Turiżmu — Defibrillators

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9884, jista' l-Ministru jgħid fejn jinsabu dawn id-defribillators?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għandha 3 defibrillators, filwaqt li Dar il-Mediterran għall-Konferenzi u l-ITS għandhom 2 kull wieħed. Fil-futur se jkun hemm ukoll defibrillator fil-klinika li nbniet ġewwa l-Malta Film Studios.

Servizzi li qed jiġu offruti lill-persuni li jkollhom kriżi ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’tip ta’ servizzi qed jiġu offruti lill-persuni li jsibu ruħhom fi kriżi ta’ saħħa mentali fejn ikunu qed jikkontemplaw suwiċidju? X’servizzi hemm għall-familji tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi peress li l-ikbar riskju ta’ suwiċidju huwa problema ta’ saħħa mentali, il-firxa ta’ servizzi offruti mill-Gvern fil-qasam tas-saħħa mentali kollha kemm huma jkopru prevenzjoni ta’ suwiċidju. Għal min ikun qed jikkontempla suwiċidju u jixtieq għajnuna b’mod immedjat, hemm is-servizzi 24/7 tat-telefon 1579 u tal-psikjatri fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Il-familjari, anke jekk l-individwu ma jkunx irid jieħu l-għajnuna, jistgħu jirrikorru għal għajnuna għalihom u kif għandhom iġibu ruħhom miegħu. Dan l-għajunna tista' tittieħed b’mod immedjat permezz tat-telefon 1579, u fejn hemm bżonn jiġu rreferuti għall-għajnuna propizja.

Rapporti ta’ persuni li ġew traffikati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, sena b’sena mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kien hemm rapporti ta’ persuni li ġew traffikati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ każi ta’ persuni li ġew traffikati wara rapporti jew minn informazzjoni oħra li kienet svelata waqt investigazzjonijiet mit-Taqsima relatata fil-Korp mis-sena 2013 sas-sena 2022 kienu kif jidher fit-tabella hawn taħt. Sena Ka ż i totali wara rapporti jew minn investigazzjonijiet 2013 4 2014 4 2015 2 2016 1 2017 2 2018 4 2019 - 2020 2 2021 - 2022 2

Persuni li tressqu l-Qorti akkużati bi traffikar ta’ persuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, sena b’sena mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm tressqu persuni l-qorti akkużati bi traffikar ta’ persuni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ persuni li tressqu l-qorti akkużati bi traffikar ta’ persuni mis-sena 2013 sas-sena 2022 kien kif jidher fit-tabella hawn taħt: Sena Persuni mressqa l-Qorti 2013 5 persuni 2014 5 persuni 2015 3 persuni 2016 4 persuni 2017 4 persuni 2018 10 persuni 2019 Xejn 2020 2 persuni 2021 Xejn 2022 6 persuni

Massage Parlours

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm massage parlours f’pajjiżna? Kemm minnhom qegħdin f’Malta u kemm qegħdin f’Għawdex?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellat li l-Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet mhux responsabbli għall-ħruġ ta’ Liċenzji għal “Massage Parlours” u għaldaqstant ma jistax iforni l-informazzjoni mitluba.

Gentlemen’s Clubs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Gentlemen’s Clubs f’pajjiżna? Kemm minnhom qegħdin f’Malta u kemm qegħdin f’Għawdex?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellat li l-Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet mhux responsabbli għall-ħruġ ta’ Liċenzji għal “Gentlemen Clubs” u għaldaqstant ma jistax iforni l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali - Defibrillators

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9872, jista' l-Ministru jiċċara jekk din it-tweġiba tkoprix il-kunsilli lokali? Liema entitajiet huma koperti fl-istess tweġiba?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 9872 ma tkoprix il-Kunsilli Lokali, filwaqt li l-entità koperta hija l-Kottonera Foundation.

Servizz fil-prevenzjoni u dijanjozi bikrija tad-dijabete

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid bħalissa x’servizz qed jingħata fil-prevenzjoni u dijanjożi bikrija tad-dijabete?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm numru ta’ servizzi li huma offruti mid-direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard għall-prevenzjoni u dijanjożi bikrija tad-dijabete. L-aktar kampanja reċenti ffukat fuq l-għarfien dwar iz-zokkor moħbi 'Know your sugars'. Dawn il-kampanji għandhom l-għan li jnaqqsu l-piż żejjed u l-obeżità fil-popolazzjoni ġenerali li tgħin biex titnaqqas il-predijabete u d-dijabete tat-Tip 2. Avvenimenti fuq il-postijiet tax-xogħol li jikkonsistu dwar ikel tajjeb għas-saħħa u attività fiżika. Helpline fuq 8007 3307 fejn il-pubbliku ġenerali jista jċempel biex jikseb pariri u riċetti dwar ikel tajjeb għas-saħħa. Programmi ta’ komunikazzjoni fil-komunità, li jaħdmu mal-Kunsilli Lokali. 'National Food-based Dietary Guidelines' ibbażati fuq l-ikel għall-etajiet kollha huma fis-seħħ biex jiggwidaw l-għażliet tal-ikel individwali, u jintużaw fl-iskejjel u f'ambjenti edukattivi oħra. Klassijiet tal-ġestjoni tal-piż f'diversi postijiet, kemm personalment kif ukoll online, biex jgħinu lill-parteċipanti jnaqqsu l-piż u jnaqqsu r-riskju tagħhom ta' obeżità u dijabete. Kollaborazzjoni interministerjali mal-Ministeru għall-Edukazzjoni għall-promozzjoni ta’ ikel tajjeb għas-saħħa u eżerċizzju fi ħdan it-tfal fl-età tal-iskola. Il-leġiżlazzjoni biex tirregola t-tip ta’ ikel li jista’ jinbiegħ fil-canteens tal-iskejjel. Prediabetes clinic fil-Primary Healthcare għal pazjenti b'tolleranza indebolita tal-glucose. L-għan ta’ din il-klinika huwa li tikkura pazjenti fi stadju bikri biex jipprevjenu jew itawlu l-iżvilupp tad-dijabete. Żieda fin-numru ta’ tobba fil-Primary Healthcare, u tobba li jispeċjalizzaw fid-dijabete, biex jissaħħaħ l-iskrinjar għad-dijabete fil-Primary Healthcare. Investiment fl-ittestjar tal-'Point-of-Care' fi ħdan l-isptar u fil-Primary Healthcare għall-iskoperta bikrija tad-dijabete. Awareness dwar id-dijabete u l-fatturi ta’ riskju tagħha, sabiex jagħmlu l-ittestjar tal-glucose fid-demm tagħhom regolarment.

Strateġija Nazzjonali tad-Dijabete f’Malta

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, issa li l-istrateġija nazzjonali tad-dijabete f’Malta ilha li skadiet tliet snin: a. Meta se toħroġ l-istrateġija l-ġdida; b. Liema miri tal-Istrateġija 2015-2020 intlaħqu; c. Liema miri tal-Istrateġija 2015-2020 ma ntlaħqux; u d. Meta se jiġi ppubblikat ir-rapport fuq l-effetti tal-Istrateġija 2015-2020?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol ta’ tfassil ta’ strateġija ġdida dwar id-dijabete għaddej.

Mediċini fuq il-Formolarju — anomaliji

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalfejn għad hemm anomaliji b’mediċini fuq il-Formolarju li huma indikati għal kundizzjoni, imma jkunu tajbin għal kundizzjonijiet oħrajn imma ma joħroġx permess li jingħataw, b’referenza għall-mediċini bħal Jardiance li, għalkemm indikata għad-Dijabete, hija tajba għall-kundizzjonijiet tal-qalb?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi numru ta’ mediċini li qegħdin fuq il-formolarju tal-Gvern huma marbutin ma’ protokoll kliniku li jirregola l-użu tagħhom.

Amputazzjoni tas-saqajn — spiża

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’qed jagħmel il-Gvern biex jindirizza l-"epidemija" li għandna f’pajjiżna tal-amputazzjoni tas-saqajn? Jista’ jgħid kemm din l-"epidemija" qed tiswa lill-pajjiżna?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kawża sottostanti tal-maġġoranza l-kbira tal-amputazzjonijiet hija relatata mad-dijabete. Tul dawn l-aħħar 6 snin il-Gvern wettaq tibdil kbir u servizzi ġodda fl-Istrateġija Nazzjonali tad-Dijabete. Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 20 u 11600.

Rendikont ta’ kemm saru amputazzjonijiet tas-saqajn f’Malta

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, sena b’sena, mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm saru amputazzjonijiet tas-saqajn f’pajjiżna? Kemm kienu maġġuri u kemm kienu minuri? Kemm kien it-tul ta’ ġranet (medja) li pazjenti okkupaw sodda fl-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tabella hawn taħt mehmuża turi l-informazzjoni mitluba minnha. Waqt li ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tul ta’ ġranet li pazjenti jokkupaw sodda fl-Isptar Mater Dei jvarja skont il-kundizzjoni medika tagħhom. Procedure (ICD9CM code)201420152016201720182019202020212022 Above and below knee amputation (84.17, 84.15)646857604130615344

Suwiċidju

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, sena b’sena mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kien hemm persuni li wettqu suwiċidju f’pajjiżna?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10849.

Nisa tqal bid-Dijabete Type 1 – Constant Glucose Monitor

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma jekk issa kull mara tqila u li jkollha d-Dijabete Type 1, hux se tiġi offruta l-Constant Glucose Monitor irrispettivament mill-età tagħha?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11593.

Constant Glucose Monitor

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta se jibda jingħata l-Constant Glucose Monitor lill-pazjenti bid-Dijabete Type 1 għal min għandu iktar minn 25 sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Continuous Glucose Monitors mingħajr ħlas ilhom jingħataw lill-persunu bid-dijabete ta’ tip 1 sa 35 sena minn Settembru li għadda.

Persuni adulti bid-Dijabete Type 1 – tqassim ta’ labar tat-8mm

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalfejn mhux qed jitqassmu labar tat-8mm lill-pazjenti adulti bid-Dijabete Type 1 li jippreferu dawn il-labar u li qed jingħataw biss il-labar tas-6mm?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-deċiżjoni li jinbidlu l-labar ta' 8 mm ittieħdet fuq parir ta' esperti kliniċi. Din hija linja gwida internazzjonali.