Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Direct Orders
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mill-Ministeru u minn kull entità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu minn Jannar 2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll:
(i) kemm kienet in-nefqa totali f’direct orders kull sena;
(ii) kemm kien hemm direct orders kull sena;
(iii) kemm kien l-ammont ta’ kull direct order;
(iv) lil min ingħataw dawn id-direct orders u għal liema xogħol, prodott jew servizz;
(v) min awtorizza dawn id-direct orders?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Contracting Authority tippubblika l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm sejħiet pubbliċi għas-servizzi li ntużaw biex ittellgħet il-Public Service Expo 2024? Jista’ jgħid ukoll liema servizzi saru permezz ta’ direct orders, kemm kien il-valur ta’ dawn id-direct orders u għalfejn ma’ saritx sejħa pubblika?
Public Service Expo 2024 – Persuni lebsin t-shirts bil-logo tal-Partit Laburista
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk waqt il-Public Service Expo 2024, kienx hemm persuni lebsin t-shirts bil-logo bid-dettalji li dwarhom qed jingħataw separatament, iduru man-nies u jistaqsu lil dawk preżenti jekk għandhomx “bżonn xi ħaġa”?
Response (ABELA, ROBERT)
Infurmat li kien hemm persuni bi flokkijiet bil-kuluri burgundy, blu skur, blu ċar u abjad u bil-logo tas-servizz pubbliku li bdew jagħtu informazzjoni dwar l-istess EXPO, li kienet miftuħa għal kulħadd.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-pubblikazzjoni “The People of Malta” u kif kienet imqassma n-nefqa? Jista’ jgħid ukoll kemm minn din in-nefqa kienet permezz ta’ sejħa pubblika u kemm kienet permezz ta’ direct order?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li l-pubblikazzjoni The People of Malta ġiet tiswa €1,900 fi stampar fl-istamperija tal-Gvern u ritratti mingħand The People of Malta. Il-ktieb li għall-eżattezza jismu "Dan hu s-Servizz Pubbliku" fih 75 intervista ma' uffiċjali pubbliċi u ntlaqa' tajjeb ħafna minnhom u mill-pubbliku inġenerali.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-vidjo “Miegħek f’kull ħin” maħruġ mis-Servizz Pubbliku u kif kienet imqassma n-nefqa? Jista’ jgħid ukoll kemm minn din in-nefqa kienet permezz ta’ sejħa pubblika u kemm kienet permezz ta’ direct order?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li dan il-filmat li fuq il-paġna tal-Facebook tas-Servizz Pubbliku rawh mill-inqas 300,000 persuna u kellu wkoll madwar 8,000 interazzjoni. L-istess filmat li xxandar waqt il-konferenzi annwali u fuq l-istazzjon nazzjonali, ġie jiswa €19,550. L-ispiża kienet maqsuma hekk: €4,500 Atturi ,€5,000 Filming, €4,800 Post Production , u spejjeż varji oħra. Il-produzzjoni ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-impjegati tal-amministrazzjoni pubblika. Il-kumpaniji li ħadmuh intgħażlu fuq meriti artistiċi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm eks impjegati tal-Air Malta li huma dettaljati mal-RSSL u li qed jirċievu salarju mill-RSSL? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-iskala tagħhom u x’inhi l-pay package ta’ dawn il-ħaddiema?
Response (BONETT, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17293, 17646, 17794, 18169 u 18576 u jgħid jekk il-kuntratti li ngħatat il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament kinux approvati mis-Segretarji Permanenti tal-Ministeru għas-Saħħa bejn l-2014 u 2024?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li s-Segretarju Permanenti attwali ma kellux kuntratti x’japprova tal-kumpanija msemmija.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18661, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument kif mitlub, peress li tħallew barra l-kwalifiċi ta’ mill-inqas 10 persuni kif indikat fil-lista tad-dokument li qiegħed l-istess Ministru fit-tweġiba?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li dawk il-persuni li qed issir referenza għalihom f’din il-mistoqsija parlamentari huma General Service Grades hekk kif misjuba fil-Ministeri u Dipartimenti kollha madwar is-Servizz Pubbliku, fejn l-ebda kwalifiki terzjarji ma kienu rekwiżiti tal-impjieg. Madanakollu, u hekk kif indikat fit-tabella li kienet pprovduta, dawn l-impjegati kollha ingħataw it-taħriġ meħtieġ relatat mal-impjiegi tagħhom fid-Direttorat in kwistjoni, sabiex jiġi assigurat li dawn jaqdu l-obbligi preżenti b’mod effiċjenti.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18658 u jikkonferma li mis-sajf li ġej mhux se jkun hemm SkolaSajf fl-Iskola Primarja tan-Naxxar minħabba li din se titwaqqa’?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 18654 u 18657, jista’ l-Ministru jgħid kif 555 studenti tal-Iskola Primarja tan-Naxxar ser jiġu rilokati fin-Naxxar stess, meta l-Middle School għandha fiha 801 student? Jista’ jgħid jekk dawn hux se jitpoġġew fi skola waħda? Jekk iva, dan ifisser li se jsir xogħol biex tikber il-binja tal-Middle School jew qed jirreferi għal xi post ieħor u liema?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ħarġu sejħiet interni u esterni f’kull Ministeru biex jimtlew postijiet (vacancies) fis-settur pubbliku matul April, Mejju u Ġunju 2024? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom imtlew?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-Public Service Expo 2024 li saret bejn il-15 u d-19 ta’ Mejju 2024? Jista’ jgħid ukoll kif tqassmet din in-nefqa?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-ispiża hija ta’ €680,840.38. Din kienet tikkonsisti €490,781.04 fl-istands u merchandise , €95,071.93 f’reklamar, €78,219.65 f'ospitalità, €13,508.76 f’servizzi tal-uffiċċju u €3,259 f’assikurazzjoni, saħħa u sigurtà.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-prezzijiet aġġornati li japplikaw għat-tqala u twelid fl-Isptar Mater Dei (Prices for Pregnancy and Delivery) u l-politika li qed tintuża mill-isptar dwar liema nisa qed jintalbu biex iħallsu dawn il-prezzijiet? Jista’ jassigura li ebda mara qatt ma ġiet jew qatt ma tiġi rifjutata servizzi ta’ qabel it-twelid (ante-natal) jew servizzi oħra marbuta ma’ tqala u twelid u wara t-twelid minħabba li ma tkunx tista’ tħallas?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ prezzijiet tinsab fl-Avviż Legali Nru. 105 tal-2024 li diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jispjega x’servizzi ta’ interpreti kulturali (cultural interpreters) qed joffri l-Isptar Mater Dei għal pazjenti li jkollhom bżonnhom biex jifhmu sew il-proċess tal-kura li jkollhom bżonn?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li ġewwa l-Isptar Mater Dei jiġi offrut servizz ta’ impjegati interpreti li jista’ jiġi utilizzat meta jkun hemm pazjenti b’barrieri lingwistiċi. L-impjegati li jwieġbu għal sejħa interna, jiddaħħlu fl-MDH Interpreter Database, li tinkludi dettalji ta’ kuntatt tagħhom, id-disponibbiltà u l-lingwa/i li jistgħu jipprovdu interpretazzjoni għalihom.
Minn Awwissu 2023 ingħata bidu għal servizz ta’ interpretazzjoni bit-telefon minn persuni lingwistikalment ikkwalifikati u mħarrġa (inkluż fir-rigward tas-sensittività kulturali). B’dan is-servizz, hemm aktar minn 200 lingwa disponibbli. Is-servizz jista’ jintuża ad hoc jew bbukkjat minn qabel.
Jista’ l-Ministru jgħid hux minnu li l-Isptar Mater Dei daħħal policy ġdida li biha Third Country Nationals li huma undocumented jew li mhux jaħdmu f’Malta, qed jintalbu jħallsu għal servizzi ta’ qabel it-tqala u servizzi oħra marbuta mat-tqala, mat-twelid u ma’ wara t-twelid? Jista’ jgħid ukoll huwiex minnu li s-servizzi marbuta ma’ twelid ta’ tarbija m’għadhomx meqjusa bħala “essential care” u għalhekk qed jiġu mitluba ħlasijiet għalihom, li jfisser li min ma jħallas ma jingħatax is-servizzi?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-isptar Mater Dei jimxi skont il-Leġislazzjoni Maltija u b’hekk kull każ jiġi evalwat b’mod individwali fejn kull pazjenta issirilha verifika jew tintalab tipprovdi dokumentazzjoni kif titlob il-liġi Maltija. Ġaladarba jiġi determinat li l-pazjenta ma tikkwalifikax għat-trattament b’xejn, din tintalab tħallas skont l-Avviż Legali 105 tal-2024 li diġa tpoġġiet il-Mejda tal-Kamra.
Il-proċess tal-pagament fl-ebda ħin ma jostakola xi proċess mediku ta’ emerġenza u dan jaħdem f’sintonija mad-Dipartiment ikkonċernat għall-aqwa ġid tal-pazjent u fl-istess waqt sabiex tiġi salvagwardjata l-liġi.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18662 u jgħid jekk ix-xogħol relatat mas-sigurtà tal-ikel hux se jitneħħa minn taħt ir-responsabbiltà tad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali u se jaqa’ taħt ir-reponsabbilità tal-Ministeru tal-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Intepellant li fil-mument, id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali hu parti mid-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18663 u jgħid jekk numru ta’ Spetturi tas-Saħħa hux se jkunu mitluba jmorru jaħdmu mal-Ministeru tal-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali minħabba li hemm il-pjan li titwaqqaf Awtorità tal-Ikel u li dawn l-ispetturi jkunu jiffurmaw parti minnha?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 14549, 14900, 15493, 16643, 17301, 17717, 18153, 18463 u 18739 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Hospital Activity Report għall-Isptar Mater Dei għas-sena 2022?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex permessibbli li jsiru żewġ personalized disabled reserved parkings maġenb xulxin?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma teżisti l-ebda regola kontra li jsiru parkeġġi personaliżżati ħdejn xulxin u dan għas-sempliċi raġuni li parkeġġ riservat personaliżżat isir għall-persuni li jew ikunu Habitual Wheelchair Users jew li għandhom Uncontrolable Behaviour u allura jkun importanti li l-parkeġġ ikun viċin kemm jista’ jkun tar-residenza.