Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xemxija – tniġġis fil-baħar

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’kienet ir-raġuni li ġie kkawżat tniġġis fil-baħar fiż-żona tax-Xemxija (Slipway ħdejn il-boathouses ftit ’l isfel minn Ambassador Hotel) fis-7 ta’ Lulju 2017? Din il-bajja kemm damet ma tistax tintuża? Kien hemm rapport ta’ infezzjonijiet jew konsegwenzi oħra fuq nies li fil-fatt xorta marru jgħumu fiż-żona msemmija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif diġà ġie indikat fl-istqarrija għall-istampa maħruġa fis-7 ta’ Lulju 2017 bin-numru PR171652 din iż-żona tax-Xemxija ġiet magħluqa minħabba li kien hemm żbroff tad-drenaġġ mis-sistema prinċipali tad-drenaġġ fl-inħawi. Wara li sar ix-xogħol meħtieġ mid-Diviżjoni tad-drenaġġ fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali beda jiġbor kampjuni tal-ilma baħar miż-żona kuljum kif rikjest bil-liġi. Din il-bajja reġgħet infetħet għall-għawm nhar it-Tlieta 11 ta’ Lulju 2017 wara li ġie kkonfermat li l-kampjuni kollha miġbura tul dawn l-aħħar jiem irriżultaw kollha li l-kwalità tal-ilma baħar f’din iż-żona kienet fil-livelli rakkommandati u għalhekk kif inhu ukoll rikjest bil-liġi din il-bajja reġghet infetħet għall-għawm. Dan id-Direttorat m’għandu l-ebda informazzjoni li kien hemm xi każijiet ta’ infezzjonijiet jew konsegwenzi oħra.

Baħar iċ-Ċagħaq – xogħol fuq il-moll

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn ix-xogħol fuq il-moll ta’ Baħar iċ-Ċagħaq (Naxxar) beda fil-perjodu tal-elezzjoni ġenerali 2017 iżda waqaf ftit wara l-istess elezzjoni? Jista’ jgħid jekk hux se jitkompla x-xogħol u meta? Minħabba li dan ix-xogħol qed joħloq inkonvenjent lil min iniżżel opri tal-baħar mill-inħawi, jista’ l-Ministru jgħid meta biħsiebu jitlesta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Ono. Interpellant li l-ewwel fażi tax-xogħlijiet fuq il-moll ta’ Baħar iċ-Ċagħaq tlestiet, u l-islipway infetħet għall-użu tal-pubbliku. Il-kumplament tax-xogħlijiet, li jinkludu l-upgrade tal-moll eżistenti, se jitkomplew wara s-sajf sabiex jiġi evitat kull inkonvenjent għal min iniżżel l-opri tal-baħar mill-imsemmija slipway.

Naxxar – xogħol fuq toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li se jsir xogħol fuqhom mill-Gvern fil-lokalità tan-Naxxar matul is-sena 2017?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet liema lista qed issir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Mellieħa – xogħol fuq toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li se jsir xogħol fuqhom mill-Gvern fil-lokalità tal-Mellieħa matul is-sena 2017?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet liema lista qed issir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

San Pawl il-Baħar – xogħol fuq toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li se jsir xogħol fuqhom mill-Gvern fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar matul is-sena 2017?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ nterventi f'diversi lokalitajiet liema lista qed issir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw

Iklin – xogħol fuq toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li se jsir xogħol fuqhom mill-Gvern fil-lokalità tal-Iklin matul is-sena 2017?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li bħalissa qed isir xogħol ta’ titjib f’parti minn Triq in-Naxxar, bejn iċ-Ċimiterju u r-roundabout. Sadanittant, Transport Malta qed taħdem fuq lista aġġornata ta’ interventi fil-lokalitajiet rispettivi li jkunu qed isiru skont il-prijoritajiet li jirrizultaw.

Ħal Lija – xogħol fuq toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li se jsir xogħol fuqhom mill-Gvern fil-lokalità ta’ Ħal Lija matul is-sena 2017?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ nterventi f'diversi lokalitajiet liema lista qed issir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Leg 13 PQ #792 Sitting 18 2017-07-17 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għat-Turiżmu

Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu – restaurants, take aways u stabbilimenti oħra — liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' liċenzji biex restaurants, take aways u stabbilimenti oħra tal-ikel li huma awtorizzati mill-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu (MTA) joperaw , fin-Naxxar, f’San Pawl il-Baħar u fil-Mellieħa skont il-kategoriji differenti tal-istess MTA u skont il-lokalitajiet differenti msemmija?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ġejt infurmat mill-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu li preżentament l-Awtorità għandha dawn il-liċenzji ta’ stabbilimenti tal-ikel fil-lokalitajiet imsemmija: Stabbiliment Klassi Naxxar San Pawl il-Baħar Mellieħa Restaurants 1st class 0 7 1 2nd class 6 50 12 3rd class 5 83 26 Snack Bars 1st class 0 4 0 2nd class 14 76 14 Take-aways n/a 0 5 1

Kunsilli Lokali – opri tal-arti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru għandux informazzjoni dwar liema opri tal-arti hemm fil-proprjetajiet tal-kunsilli lokali, b'mod partikulari fil-proprjetajiet li huma proprjetà tal-Gvern? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar liema huma dawn l-opri tal-arti?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Tindif tal-kosta — Salini sa Baħar iċ-Ċagħaq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kull meta jsir it-tindif tal-kosta mis-Salini sa Baħar iċ-Ċagħaq fin-Naxxar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li t-tindif ta’ skart mill-bajjiet jsir ta kuljum. Jekk l-Onor. Interpellant qiegħda tirreferi għall-ammont ta’ alka li wasal fuq il-bajja tas-Salini, irrid nghid li din titnaddaf skond programm ta’ xogħol u prijoritajiet li jsir mid-Direttorat għat-Tindif.

Tindif ta’ Ramla — Naxxar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn fl-1 ta’ Lulju 2017, ir-ramla ta’ taħt is-Salina Bay Hotel fin-Naxxar ma kinetx aċċessibli minħabba alka eċċessiva li ma tnadfitx (kemm fuq ir-ramel kif ukoll fuq il-blat)? U għalfejn l-istess bajja tnadfet kważi ġimgħa wara?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ alka eċċessiv wasal fuq din il-bajja fl-aħħar ġranet tax-xahar ta Ġunju. Saret koordinazzjoni immedjata u din il-bajja tnaddfet fil-7 u 8 ta Lulju.

Żieda ta’ Ramel — Naxxar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb biex ir-ramla ta’ taħt is-Salina Bay Hotel fin-Naxxar jiżdidilha r-ramel li qed jonqos minnha b’rata mgħaġġla?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux kompitu ta dan il-Ministeru li jiddeċiedi jekk ikunx hemm bżonn ta’żieda ta’ ramel fuq il-bajjiet. Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi il-mistoqsija tagħha lil Ministru kkonċernat

Bajja — stallazzjoni ta’ toilets pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jinbnew jew jiġu installati toilets pubbliċi fil-bajja ta’ taħt is-Salina Bay Hotel fin-Naxxar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-bajja imsemmija ma hemm l-ebda spazju li jippermetti sabiex jinbnew xi latrini pubbliċi.

VGh — assi - investiment f'Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’assi għandha l-kumpanija Vitals Global Healthcare biex tagħmel tajjeb għall-kobor tal-investiment li suppost kellha tagħmel f’pajjiżna?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata peress li din hija kunsidrata kunfidenzjali kif koperti bil-kunfidenzjalita’ imposta skont l-Artiklu 21(5) tal-Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta u l-Artiklu 33 tal-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji.
Leg 13 PQ #418 Sitting 13 2017-07-05 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Sptarijiet — Sistema tal-IT - records tal-pazjenti

Question

B’referenza ghar-risposta ghall-mistoqsija parlamentari 32781 tat-12 il-Leġislatura, dan ifisser li l-Gvern se jkun qed jagħti aċċess li r-records tal-pazjenti Maltin u Għawdxin lill-Kumpanija Privata? Il-Gvern se jikkonsidra jagħti l-istess aċċess lill-operaturi tas-servizzi tas-saħħa privati Maltin li joperaw f’pajjiżna u li wkoll għandhom bżonn dan l-aċċess għall-“continuity of care”?

Response (FEARNE, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tas-Saħħa qiegħed jaħdem fuq digital health strategy sabiex fost affarijiet oħra jnħolqu electronic patient records li jimxu mal-pazjent.
Leg 13 PQ #419 Sitting 13 2017-07-05 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Boffa — pazjenti rikoverati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti li qed ikunu rikoverati fl-Isptar Boffa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (FEARNE, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fit-3 ta’ Lulju tal-2017 kien hemm 37 pazjent li qed jieħu l-kura fl-Isptar Boffa.
Leg 13 PQ #420 Sitting 13 2017-07-05 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Service Level Agreement

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif qed jiġu affetwati l-pazjenti permezz tas-Service Level Agreement li ġie ffirmat bejn il-Ministeru għas-Saħħa, il-GRTU u l-Malta Chamber of Pharmacies f’Ottubru 2015?

Response (FEARNE, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi permezz tal-ftehim imsemmi minnha qed inkomplu nassiguraw li l-pazjenti jkomplu jgawdu servizz farmaċewtiku professjonali, ħolistiku f’waqtu u ta’ l-ogħla kwalita’ anke meta ċ-ċirkostanzi jillimitawhom milli joħorġu minn djarhom u għaldaqstant jkunu l-aktar vulnerabbli.
Leg 13 PQ #421 Sitting 13 2017-07-05 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

VGH — tmexxija tal-Isptar Karin Grech - sodod

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li minn meta l-VGH ingħataw il-kuntratt biex imexxu l-Isptar Karin Grech fil-fatt ma kien hemm l-ebda żieda fin-numru ta’ sodod?

Response (FEARNE, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara li jkun sar r-refurbishment qawwi, s-sodod fl-isptar Karen Grech ser ikunu mqassmin f’units differenti u b’hekk tkun tista tkompli tingħata l-aqwa kura lill-pazjenti tagħna f’ambjent sabiħ kif mistħoqq.Ninfurmaha wkoll illi l-ftehim mal-VGH ser jara wkoll il-ftuħ mill-ġdid tal-isptar rinovat ta’ San Luqa u sptar ġdid ġewwa Għawdex.
Leg 13 PQ #422 Sitting 13 2017-07-05 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

VGH — ħaddiema

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 32223 tat-12-il Leġislatura, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-paga tal-ewwel 70 ħaddiema msemmija li bdew jaħdmu mal- Vitals Global Healthcare?

Response (FEARNE, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pagi tal-impjegati mal-VGH huma kumparabbli ma ta’ dawk f’posts simili fil-job market u jirriflettu l-kapaċitajiet, l-esperjenza u l-kwalifiċi tal-pożizzjoni.
Leg 13 PQ #423 Sitting 13 2017-07-05 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar San Luqa — trasferiment ta' ħaddiema

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32221 tat-12-il Leġislatura u jista' l-Ministru jgħid fejn ġew trasferiti s-16-il ħaddiem tal-manutenzjoni fl-Isptar San Luqa?

Response (FEARNE, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-16 il-ħaddiema li talbu li jiġu trasferiti urew ix-xewqa li jmorru jaħdmu fl-Isptar Boffa, fl-Isptar Karen Grech, fl-Isptar Mater Dei, fl-Isptar Monte Karmeli, fid-dipartiment tal-Kura Primarja u kif ukoll f’każ wieħed f’Ministeru ieħor.