Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #4858 Sitting 96 2018-03-21 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi — impjegati detailed

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm, u min huma, l-impjegati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jew xi dipartiment jew entità li taqa’ taħtu, li huma detailed, jew għandhom permess, sabiex jagħmlu xogħol ma' xi entità non-governattiva (NGOs), inkluż xogħol ma' trade unions? Fuq liema bażi qed isir dan ix-xogħol u x’inhuma t-termini ta’ żmien? X’inhi r-remunerazzjoni, jiġifieri l-paga, allowances, overtime u dħul ieħor, li kull wieħed minn dawn l-individwi qed jirċievi, u min joħroġ tali salarju?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — spiża fuq IT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw jew inkrew computers/laptops/mobile devices għall-impjegati tas-Segretarjat tal-Ministru? Meta nxtraw u kemm hu l-valur li nxtraw bih? Kemm inkrew, jekk inkrew u kemm hi l-kirja? Kemm kienet l-ispiża inizjali? Hemm spiża rikorrenti u kemm hi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-devices kollha li nxtraw mill-Ministeru huma mniżżlin u identifikati kollha taħt l-inventarju tal-Ministeru. Dawn id-devices jaqgħu bħala inventarju komuni u mhux bilfors ikun l-każ li nxtraw speċifikament għall-impjegati tas-Segretarjat. Il-prassi komuni tkun li meta x’impjegat ma jibqax jiffurma parti minn sezzjoni, is-Segretarjat inkluż, tali devices jerġgħu jiġu ritornati lura u assenjati lil xi ħadd ieħor fil-Ministeru, dan bla forma ta’ preġudizzju izda skont il-bżonn. Madanakollu u b’referenza għall-Mistoqsija kkonċernata, l-impjegati tas-Segretarjat qegħdin jagħmlu użu minn 10 laptops ġodda, mixtrija bejn l-2016 u l-2017, 4 assenjati b’ trasferiment li kienu mixtrija bejn l-2014 u l-2016, u 4 Tablets li nxtraw fl-2017. L-Ispiża inizjali ta’ dawn id-devices kienet ta’ €9,689.89 (VAT eskluża), filwaqt li l-ispiża għall-manteniment ta’ dawn hija dik ta’ €314.00 (VAT eskluża) għal- Software u Hardware Support li jiġi provdut mingħand il-MITA b’mod annwali. Fil-każ tal- mobiles , l-ispiża rikorrenti hija dik ta’ €355.89 (VAT eskluża) kull xahar għal erba servizzi tal- mobiles li huma koperti skont kuntratti separati u kundizjonijiet hekk kif inhuma mifthiema ma’ min jipprovdi s-servizz.
Leg 13 PQ #4860 Sitting 96 2018-03-21 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Xandira dwar il-mitt jum tal-Gvern

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid min ipproduċa x-xandira li saret fl-okkażjoni tal-mitt jum tal-Gvern Laburista? Kemm intalbu quotations? Mingħand min? Jista’ jpoġġi kopja tagħhom u tar-risposti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt nfurmat li l-produzzjoni tal-mitt gurnata wara l-elezzjoni tas-sena 2013 saret minn Halo Pictures ltd. Intalbu tlett quotations, mingħand Sharp Shoot, Ikona Artworks u Halo Pictures ltd. Intgħazlet ta’ l-ahhar bi spiża ta’ €1,368.80 (VAT inkluż) u li kienet l-aktar waħda irħisa.
Leg 13 PQ #4861 Sitting 96 2018-03-21 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Spejjeż ta’ Media Events

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-uffiċċju tiegħu? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u dawn intgħażlu wara sejħa pubblika?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 13 PQ #4862 Sitting 96 2018-03-21 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Segretarjat Parlamentari għar-Riforma, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni – Spejjeż ta’ Media Events

Question

Jista' l-Prim Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għar-Riforma, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għar-Riforma, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant ghat-twegiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 4861.
Leg 13 PQ #4863 Sitting 96 2018-03-21 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni - spejjeż ta' media events

Question

Jista' l-Prim Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant ghat-twegiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 4861.

Pazjenti barranin li ma kellhomx dritt għal servizz b’xejn – somma li għandu jiġbor il-Gvern

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4074 u jgħid kemm hi s-somma totali li l-Gvern għandu jiġbor għas-servizzi tas-saħħa li ħadu pazjenti barranin li ma kellhomx dritt għal servizz b’xejn?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal ewwel 6 xhur tal-2017 il-Gvern għandu jiġbor € 446,334.35 għas-servizzi tas-saħħa li ħadu pazjenti barranin li ma kellhomx dritt għal servizz b’xejn.

Nisa f'Pożizzjoni ta' Teħid ta' Deċiżjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jaħdmu fis-settur pubbliku bħalissa? Kemm kien hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet qabel l-10 ta’ Marzu 2013?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Dipartiment tas-Saħħa — transfers

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 401 u jgħid, mill-ewwel ta’ Mejju 2017 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija kemm kien hemm transfers ta’ ħaddiema li jaqgħu taħt id-Dipartiment tas-Saħħa? Kemm minn dawn it-transfers kienu mitluba mill-impjegati stess u kemm minnhom kienu sfurzati kontra r-rieda tal-ħaddiema?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-1 ta’ Mejju tal-2017 sad-19 ta’ Marzu tal-2018 saru 231 transfer. 125 minn dawn l-imsemmija transfers kienu intalbu ferm qabel id-data msemmija minnha. Ninfurmaha ukoll li madwar 72 fil-mija minn dawn it-transfers, intalbu mill-impjegati nfushom u li ma sar l-ebda transfer kontra r-rieda tal-ħaddiema.

Sptar Mater Dei -Dipartiment tal-Emerġenza — Emergency Ambulance Responders - overtime

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 410 u jikkonferma li fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, kien hemm jew għad hemm, il-prassi li Emergency Ambulance Responders jiddaħħlu overtime biex kollegi oħra jieħdu l-leave? Jista' jgħid bejn Marzu 2013 u d-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kienet in-nefqa fuq overtime tal-EARs?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sezzjoni indikata minnha l-overtime jintuża biex jiġi żgurat li l-complement adekwat ta’ ambulanzi jkunu operabbli dejjem skont id-domanda u l-esiġenzi tas-servizz. In-nefqa medja f’overtime minn Marzu tal-2013 sal-aħħar ta’ Frar tal-2018 kienet ta’ madwar €21,600 fix-xahar.

Servizzi ta’ saħħa għall-barranin – ġbir ta’ flus

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 411 u jgħid kemm hi s-somma totali li l-Gvern għandu jiġbor għas-servizzi tas-saħħa li ħadu pazjenti barranin li ma kellhomx dritt għal servizz b’xejn fl-ewwel sitt xhur tal-2017?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4852.

Ministeru għas-Saħħa — Direct Orders

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 413 u jelenka d-direct orders kollha li huwa awtorizza fl-2015, 2016 kif ukoll bejn Jannar u Mejju 2017? Jista’ għal kull direct order jagħti l-ammont involut, lil min ingħata u għal liema skop? Jista’ jgħid ukoll għalfejn kellha tingħata direct order minflok sejħa pubblika għal kull wieħed?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 533.

Programm Designated Dual Diagnosis Therapeutic Programme Capacity

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3574 u għall-kapitlu 5 tar-Rapport Annwali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali 2016 imsemmi Psychoactive Substance Misuse – the way forward, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta se jiġi estiż il-programm imsejjaħ Designated Dual Diagnosis Therapeutic Programme Capacity?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħala parti mid-Designated Dual Diagnosis Therapeutic Programme Capacity, ġiet identifikata binja fl-isptar Monte Carmeli biex tiġi żviluppata f’ċentru speċjalizzat għall-kura ta’ pazjenti bi problemi ta’ sustanzi psikoattivi. Bħalissa, din il-binja qiegħda tintuża temporanjament bħala transit ward sakemm jitlesta xogħol urġenti ta’ strutturar fi swali oħra f’dan l-isptar. Hekk kif jitlesta dan ix-xogħol, jissokta l-pjan biex jitwaqqaf dan iċ-ċentru speċjalizzat li ser ikun jista’ jilqa’ fih numru akbar ta’ pazjenti bi problemi psikoattivi.

Pjan għal-Gvern biex titneħħa Ward 8

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3574 u għall-kapitlu 5 tar-Rapport Annwali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali 2016 imsemmi Psychoactive Substance Misuse – the way forward, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xi pjan għandu l-Gvern biex jimplimenta r-rakkomandazzjoni 3(b) (f’paġna 158) sabiex titneħħa Ward 8 u jinħolqu units separati għal gruppi bi bżonnijiet differenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-pjan huwa li tingħalaq Ward 8 u minflok jiġi mwaqqaf ċentru speċjalizzat għall-persuni bi problemi ta’ sustanzi psikoattivi. Dan iċ-ċentru ser ikun maqsum fi tliet taqsimiet: - Taqsima għall-pazjenti rġiel - Taqsima għall-pazjenti nisa - Taqsima għall-pazjenti li għalkemm isegwu programm ta’ kura fl-isptar, jirrifjutaw li jagħmlu kull xorta ta’ programm ta’ riabilitazzjoni

Persuni li għandhom bżonn programm terapewtiku

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3574 u għall-kapitlu 5 tar-Rapport Annwali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali 2016 imsemmi Psychoactive Substance Misuse – the way forward, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’qed isir għal dawk il-persuni li għandhom bżonn programm terapewtiku imma ma jistgħux jidħlu għall-kura għax id-Dual Diagnosis Unit (DDU) huwa full up?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi persuni li jkollhom bżonn programm terapewtiku minħabba psychoactive substance misuse preferenzjalment jingħata din il-kura fid-Dual Diagnosis Unit (DDU). Fejn dan ma jkunx possibbli, l-pazjenti jiġu ammessi f’sala oħra fejn xorta waħda tingħatalhom il-kura kollha meħtieġa. Hawnhekk, xorta waħda jinbeda l-programm ta’ riabilitazzjoni minn tim multidixxiplinarju.

Servizz Drop In Shelters

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3574 u għall-kapitlu 5 tar-Rapport Annwali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali 2016 imsemmi Psychoactive Substance Misuse – the way forward, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx ħsieb li jinħoloq servizz ġdid bħal dak irrakkomandat tad-Drop In Shelters?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għaddejjin diskussjonijiet flimkien ma aġenziji u NGO’s li huma responsabbli mill-qasam tal-addictions.

Pjan biex jinħolqu sober homes

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3574 u għall-kapitlu 5 tar-Rapport Annwali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali 2016 imsemmi Psychoactive Substance Misuse – the way forward, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx pjan li jinħolqu sober living homes kif irrakkomandat f’para. 3d (pg 159)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4088.

Riċerka fuq is-saħħa — nefqa

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3575, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk din in-nefqa tinkludix is-salarju tal-ispeċjalisti li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei u li jagħmlu r-riċerka tagħhom waqt li qed jagħtu servizz lill-pazjenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-salarji tal-ispeċjalisti li jaħdmu Mater Dei huma separati minn nefqa fuq ir-riċerka msemmija fil-mistoqsija parlamentari numru 3575.

Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali – Rapport Annwali 2016

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3574, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalfejn dan ir-rapport tpoġġa lejliet li twieġbet l-istess mistoqsija, jiġifieri fis-seduta numru 71 tat-22 ta’ Jannar 2018 (PL 1063) u dan bi ksur ċar tal-liġi tas-Saħħa Mentali, meta l-imsemmi rapport huwa datat l-10 ta’ Novembru 2017?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tispeċifika għal liema ksur ta’ liġi qed tirreferi għalih.

Rapport tal-Uffiċċju għall-Kummissarju għas-Saħħa Mentali

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3574, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta se jkun lest, u meta se jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra r-Rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali għas-sena 2017?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kummissarju għas-Saħħa Mentali għadu ma ppreżentax ir-rapport għas-sena 2017.