Legislature:
Category:
Reset
Active:

In-Naxxar – Triq Francis Attard — pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6100 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid xi pjan għandu l-Gvern biex itaffi mill-problemi kbar li qed jiffaċċjaw ir-residenti ta' Triq Francis Attard fin-Naxxar minħabba l-impatt ta' proġetti ta' żvilupp massiv f'din iż-żona, liema xogħol qed ikollu effett qawwi fuq is-saħħa fiżika u psikoloġika tar-residenti tal-imsemmija triq, kif ukoll liema xogħlijiet ukoll ħolqu ħsarat fi wħud mir-residenzi tal-imsemmija triq? (Niġbed l-attenzjoni tal-Ministru li fiż-żona se jibda żvilupp ieħor ta' kobor li se jkollu effett fuq il-ħajja tar-residenti ta' din it-triq fiż-żmien li ġej) (Ara ritratti li qed jintbagħtu separatament).

Response (BORG, IAN)

Fl-istadju ta’ ppjanar tal-proġetti msemmija Transport Malta tikkollabora mal-awtoritajiet tal-ippjanar u tal-ambjent sabiex l-iżviluppaturi jsegwu kundizzjonijiet u prekawzjonijiet li jnaqqsu l-impatt tal-ivvjaġġar marbut max-xogħol ta’ kostruzzjoni. Dan jinkludi miżuri bħall-kundizzjoni li l-kuntrattur jagħmel sensiela ta’ sinjali tat-traffiku applikabbli skont il-proġett għal waqt ix-xogħlijiet. L-Awtorità kontinwament issegwi l-qagħda tat-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħha, sabiex fejn ikun meħtieġ isir it-titjib meħtieġ. Din il-ħidma ser tkun qed tissaħħaħ fiż-żmien li ġej bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta, l-aġenzija li ser tmexxi u twettaq programm ta’ titjib u bini mill-ġdid tal-infrastruttura tat-toroq tal-pajjiż, b’investiment bla preċedent ta’ madwar €700 miljun. Infrastructure Malta ser tieħu ħsieb il-kwalità tat-toroq arterjali u b’mod gradwali anke dawk residenzjali li bħalissa jieħdu ħsiebhom il-kunsilli lokali. L-Occupational Health and Safety Authority (OHSA), min-naħa tagħha titratta kwistjonijiet ta’ trab u saħħa fuq il-post tax-xogħol, u l-Building Regulation Office (BRO) tieħu ħsieb li jiġu indirizzati kwalunkwe ħsarat strutturali li jaffettwaw terzi.

In-Naxxar – Triq il-Markiż Ċensu Depiro — pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6102 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid xi pjan għandu l-Gvern biex itaffi mill-problemi kbar li qed jiffaċċjaw ir-residenti ta' Triq il-Markiż Ċensu Depiro fin-Naxxar minħabba l-impatt ta' proġetti ta' żvilupp massiv f'din iż-żona, liema xogħol qed ikollu effett qawwi fuq is-saħħa fiżika u psikoloġika tar-residenti tal-imsemmija triq, kif ukoll liema xogħlijiet ukoll ħolqu ħsarat fi wħud mir-residenzi tal-imsemmija triq? (Niġbed l-attenzjoni tal-Ministru li fiż-żona se jibda żvilupp ieħor ta' kobor li se jkollu effett fuq il-ħajja tar-residenti ta' din it-triq fiż-żmien li ġej).

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6245.

Cables – tneħħija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6104 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett pilota mħabbar mill-Prim Ministru f'Birkirkara, f'Mejju 2017 li kellu jara li l-cables tal-Enemalta u oħrajn jibdew jinqalgħu mill-faċċati tad-djar u l-arbli fl-irħula tagħna u jitpoġġew taħt l-art qabel jirranka l-proġett ta' €700m f'manutenzjoni estensiva tat-toroq Maltin tul din il-leġiżlatura?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma sabiex jintaqqsu l-linji fuq l-arbli u mal-faċċati tal-bini teħtieġ kollaborazzjoni bejn diversi entitajiet, fosthom entitajiet pubbliċi u azjendi privati. Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali jemmen li dan l-impenn għandu jiġi kkordinat ukoll mal-investiment bla preċedent tal-Gvern sabiex itejjeb il-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq f’Malta u Għawdex fis-snin li ġejjin. Fiż-żmien li ġej, din il-ħidma ser tkun qed titmexxa u titwettaq mill-aġenzija Infrastructure Malta, li bħalissa qed tiġi diskussa fil-Parlament. Nemmen li Infrastructure Malta jeħtieġ tikkollabora mal-entitajiet konċernati, li jiffurmaw parti minn Ministeri differenti, sabiex flimkien inwettqu l-proġett pilota msemmi. Dan il-proġett se jgħin lil pajjiżna jistabbilixxi l-kriterji u r-riżorsi meħtieġa biex fil-futur din il-ħidma tkompli madwar il-pajjiż kollu. Qed nesiġi wkoll li fl-investimenti ta’ Infrastructure Malta sabiex ittejjeb il-kwalità, s-sigurtà u l-effiċjenza tal-infrastruttura tat-toroq, fejn ikun possibbli, nibdew inħarsu wkoll lejn sistemi li jiffaċilitaw it-tneħħija tal-wires minn mal-faċċati u fuq l-arbli. Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali jagħti l-appoġġ kollu tiegħu lil kull inizzjattiva li tgħin sabiex intejbu l-kwalità tal-ambjent tat-toroq f’pajjiżna.

In-Naxxar – Triq il-Qoton – xogħol ta’ resurfacing

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir xogħol ta' resurfacing ta’ Triq il-Qoton fin-Naxxar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġetti u l-ħidmiet tal-aġenzija ġdida Infrastructure Malta, bħala parti mill-investiment bla preċedent tal-Gvern sabiex intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, ser jiġu ppjanati b’mod gradwali meta din l-entità tiġi mwaqqfa fix-xhur li ġejjin. L-aġenzija ser tieħu ħsieb li, wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa, tgħarraf id-dati ta’ meta jkunu ser jibdew xogħlijiet f’toroq speċifiċi lill-pubbliku u lil dawk konċernati, direttament.