Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għas-Saħħa — użu ta' karozzi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12995, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fil-fatt kemm hemm karozzi li jintużaw mill-Ministeru għas-Saħħa inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-Ministeru għas-Saħħa u fl-entitajiet u d-dipartimenti li jagħmlu parti mid-dekasteru tiegħu, bħalissa hemm 170 vettura li qed tintuża għal waqt il-qadi tad-dmirijiet. Minn dawn hemm 20 li huma vannijiet, trucks u minibuses (uħud li jinkludu tail lifts), tractor unit 1, 32 li huma ambulanzi, u 22 vettura oħra li bdew jintużaw matul il-pandemija tal-Covid-19.

Gentlemen’s Club irreġistrati

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' gentlemen's clubs irreġistrati mal-Awtorità tat-Turiżmu u tindika ċar il-liċenzja ta' kull club f'isem min inħarġet?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi li minnha hija responsabbli l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (Cap 409), m’għandhiex liċenzja speċifika għall-operazzjonijiet magħrufin bħala Gentlemen’s Clubs.Dan it-tip ta’ divertiment ipprovdut f’dawn l-istabbilimenti mhuwiex regolat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. L-Awtorità hija responsabbli minn stabbilimenti li jipprovdu ikel u xorb, u dawn jiġu liċenzjati skont il-kategoriji fil-liġi kkonċernata.

Ministeru għall-Wirt Nazzjoanli, l-Arti u l-Gvern Lokali — użu ta' karozzi jaħdmu bl-elettriku

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12996, jista' l-Ministru jgħid kemm hi kbira l-flotta ta' karozzi tal-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali jagħmel użu minn wieħed u sittin karozza.
Leg 13 PQ #13498 Sitting 323 2020-04-29 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — użu ta' karozzi jaħdmu bl-elettriku

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12998, jista' l-Ministru jgħid kemm hi kbira l-flotta tal-karozzi tal-Ministeru u tal-entitajiet li jaqgħu taħtu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 12998.
Leg 13 PQ #13451 Sitting 322 2020-04-28 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prinm Ministru — użu ta' karozzi li jaħdmu bl-elettriku

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 12985, jista' l-Ministru jgħid kemm hi kbira l-flotta ta' karozzi fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li minnhom ħamsa huma tas-sistema hybrid?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li l-flotta tal-karozzi fid-dekasteru kollhu tal- Uffiċċju tal-Prim Ministru , hija ta’ 67.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — użu ta' karozzi li jaħdmu bl-elettiku

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 12986, jista' l-Ministru jgħid iż-żewġ karozzi Hybrid huma parti minn flotta ta' kemm-il karozza

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant illi ż-żewġ karozzi Hybrid huma parti minn flotta ta’ 30 karozza.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej — użu ta' karozzi jaħdmu bl-elettriku

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 12989, jista' l-Ministru jgħid kemm hi kbira l-flotta ta' karozzi fi ħdan il-Ministeru tiegħu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat illi l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej li jinkludi wkoll l-Ambaxxati ta’ Malta barra minn Malta għandu flotta ta’ 51 karozza. M’hemmx karozzi jahdmu bl-eletriku.

Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji — użu ta' karozzi jaħdmu bl-elettriku

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12990, jista' l-Ministru jgħid bħalissa kemm hi kbira l-flotta tal-karozzi li min ha se jkunu parti dawn iż-żewġ karozzi

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li apparti ż-żewġ karozzi elettriċi li hemm ordnati, il-flotta preżenti tal-karozzi tal-MITA tikkonsiti minn erba’ vannijiet u disa’ karozzi.

Ministeru għat-Turżimu u Protezzjoni tal-Konsumatur — użu ta' karozzi jaħdmu bl-elettriku

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12991, tista' l-Ministru tgħid kemm hi kbira l-flotta tal-karozzi tad-Diviżjoni tat-Tindif u dik tal-Awtorità tal-Mediċina? Tista' tiċċara jekk din ir-risposta tfissirx li m'hemm ebda karozza elettrika jew hybrid fid-dipartimenti l-oħrajn kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-flotta tad-Diviżjoni għat-Tindif tikkonsisti f’90 vettura li jinkludu karozzi, trakkijiet u vetturi speċjalizzati. L-Awtorità tal-Mediċina attwalment qegħdha fil-proċess li tirreġistra t-tielet karozza tagħha. Fir-rigward tal-aħħar mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12991.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi — użu ta' karozzi jaħdmu bl-elettriku

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12992, jista' l-Ministru jgħid kemm hi kbira l-flotta tal-karozzi tad-Dipartiment tal-Pulizija u kemm hi kbira l-flotta tal-karozzi tal-LESA?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fil-każ tal-Pulizja l-ammont ta’ karozzi allokati lid-dipartiment hu ta’ mitejn u tlieta u ħamsin (253). Fir-rigward tal-LESA, l-Aġenzija fil-preżent għandha disgħa u għoxrin (29) karozza għad-dispożizzjoni tagħha.

Il-Magħtab — studju ambjentali fuq it-tkabbir tal-miżbla

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx studju ambjentali fuq l-impatt li se jkollu t-tkabbir tal-miżbla tal-Magħtab u l-faċilitajiet li se jiżdiedu f'din iż-żona? Jekk saru dawn l-istudji jista' jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà stqarrejt diversi drabi kwalunkwe proġett li ser isir se jkun suggett għall-istudji neċessarji li jkunu meħtieġa mir-regolamenti. Fil-fatt, jien infurmat li dawn l-istudji jsiru bħala parti mill-proċess tal-applikazzjonijiet għall-permessi tal-proġetti rispettivi u li bħalissa fil-fatt qed isir l-istudju tal-impatt ambjentali mill-impjant propost għal Waste to Energy. Dawn l-istudji kollha jsiru pubbliċi bhala parti mill-proċess tal-ippjanar li huwa wieħed trasparenti.

Sant’ Antnin — ħruq tal-Impjant - rapport

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tlestiex ir-rapport tal-inkjesta fuq il-ħruq tal-impjant ta' Sant’ Antnin? Jekk tlesta meta se jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma tlestiex, jista' jagħti indikazzjoni tad-data sa meta għandu jitlesta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nahseb li l-Onor. Interpellant jifhem li l-inkjesta indikata mhux qed issir mill-Ministeru tieghi u allura jien ma għandi l-ebda kontroll fuqha u dan huwa sewwa għax jiggarantixxi l-imparzjalità misthoqqa. Sadanittant ninsab infurmat li din l-inkjesta magisterjali għadha għaddejja.

In-Naxxar — Trejqet l-Iklin - bus stop

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta twessgħet Trejqet l-Iklin fin-Naxxar u tressqet il-bus stop "Nutar", għalfejn il-bus shelter ma sarx kif kien hemm fil-pjanta oriġinali?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż Infrastructure Malta, l-aġenzija li twaqqfet inqas minn sentejn ilu biex twettaq il-pjan tal-Gvern għal infrastruttura aħjar, bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’għexieren ta’ toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna, bħal m’huma l-bini mill-ġdid ta’ parti minn Triq Reġjonali, l-Imsida, Triq il-Buqana, l-Imtarfa u Triq Ħal Qormi u Triq San Tumas, bejn Ħal Luqa u Ħal Qormi, kif ukoll bi proġetti multi-miljunarji oħra bħall-Marsa Junction Project u Central Link Project. Din il-ħidma se tibqa’ għaddejja bla heda, sena wara l-oħra, sabiex niksbu l-infrastruttura ta’ kwalità li kapaċi tixpruna b’mod sostenibbli l-progress soċjali u ekonomiku tal-familji u n-negozji f’Malta. Fost il-proġetti li saru fl-2019 kien hemm dawk li permezz tagħhom Infrastructure Malta bniet mill-ġdid Triq tal-Balal kif ukoll iż-żewġ junctions fit-truf tagħha, u li jgħaqqdu din it-triq ma’ diversi toroq oħra n-Naxxar u ma’ San Ġwann rispettivament. Waħda minn dawn il-junctions hija dik li tgħaqqad Triq tal-Balal ma’ Triq Margaret Murray, Triq il-Wied (lejn l-Iklin), u Trejqet l-Iklin (lejn Triq Leli Falzon), Triq San Pawl u Triq il-Parroċċa, fil-qalba tan-Naxxar. Permezz tal-bini mill-ġdid ta’ din il-junction b’żewġ roundabouts, Infrastructure Malta introduċiet disinn aħjar li jnaqqas ir-riskji t’aċċidenti speċjalment għal dawk li jkunu qed jivvjaġġaw minn u lejn iż-żoni residenzjali tal-madwar. Dan it-tibdil kien jinkludi wkoll żidiet fil-korsiji sabiex jonqos il-ħin tal-ivvjaġġar u t-tniġġis marbut mal-konġestjoni. Fl-istess waqt, inbnew mill-ġdid il-bankini tal-inħawi u nħolqu waqfiet għal karozzi tal-linja aktar siguri, fosthom dak indikat f’din il-mistoqsija. Sabiex dawn il-waqfiet ikunu konnessi aħjar, Infrastructure Malta żiedet ukoll pedestrian crossings adekwati. B’hekk, dawk li jivvjaġġaw bil-mixi u b’tal-linja f’dawn l-inħawi issa għandhom infrastruttura aktar sigura minn qabel, b’inqas riskji t’aċċidenti. Fil-post indikat ma kienx hemm bus shelter. Infrastructure Malta ser tkompli taħdem sabiex pajjiżna jkollu infrastruttura pubblika aktar sostenibbli, aktar effiċjenti u aktar sigura għal dawk kollha li jużawha ta’ kuljum.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — nefqa fuq fuel/petrol/diesel

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12605 u 12983 u jgħid kemm kienet in-nefqa globali ta' flus għall-fuel/petrol/diesel li ntuża mill-Ministeru kull sena matul l-2017, 2018 u 2019? Jista' jipprovdi informazzjoni separata għal dan għad-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lil interpellant, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — użu ta' karozzi li jaħdmu bl-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12987 u jgħid jekk il-Ministeru jew l-entitajiet li jaqgħu taħtu jagħmlux użu minn karozzi li jaħdmu bl-elettriku?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. interpellanta li l-Ministeru għandu pjan li fix-xiri ġejjieni tal-vetturi jinkludi vetturi ta' dan it-tip.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — Nefqa fuq fuel/petrol/diesel

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12984 u ċjoè: B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 12606, jista' l-Ministru jgħid fil-każ tal-entitajiet pubbliċi, kif tinqasam in-nefqa għal kull entità u jispeċifika n-nefqa għal kull entità, fis-snin 2017, 2018 u 2019?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellan hu kif muri fit-tabella li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej — Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12854 u ċjoè: B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 12590, jista' l-Ministru jgħid liema huma l-individwi u/jew kumpaniji li bbenefikaw minn dawn id-direct orders?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellent li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

Sptar Boffa — pazjenti bil-Coronavirus (COVID-19)

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ttieħdet id-deċiżjoni biex l-Isptar Boffa jintuża għall-pazjenti tal-Coronavirus (COVID-19)? Jekk l-Isptar Boffa kien diġà ntgħażel qabel tfaċċa l-ewwel każ, għalfejn il-pazjenta ttieħdet l-Isptar Mater Dei u mhux l-Isptar Boffa u għalfejn il-pazjenti anzjani li qed jiġu kkurati fl-Isptar Boffa bdew jiġu trasferiti lejn l-Isptar Mater Dei fil-jum li tħabbar l-ewwel każ f'Malta, jiġifieri nhar is-Sibt 7 ta' Marzu 2020? Il-pazjenti u l-familjari tagħhom meta ġew infurmati?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li lejn l-aħħar ta’ frar ittieħded id-deċiżjoni illi l-ewwel pazjenti bil-COVID-19 jiġu rikoverati fl-Isptar Mater Dei biex jingħataw il-kura meħtieġa f’dan l-isptar. Meta n-numri ta’ pazjenti bdew jiżdiedu, dawk li kellhom bżonn kura mhux daqstant akuta, bdew jiġu rikoverati fl-isptar Boffa. Numru żgħir ta’ pazjenti rikoverati fl-ispar Boffa ġew trasferiti għall kura fl-Isptar Mater Dei, oħrajn ġew trasferiti f’waħda mid-djar ta l-anzjani. Appena ġew identifikati u kkonfermati is-sodod disponibbli fid-djar tal-anzjani, l-familjari tal-pazjenti ġew notifikati immedjatament.

Sptar Boffa — laqgħat ma' ħaddiema - pjan ta' kontinġenza għall-pazjenti bil-Coronavirus

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fil-pjan ta' kontinġenza biex jiġu trattati pazjenti tal-Coronavirus (COVID-19) kemm-il laqgħa saret mal-ħaddiema tal-Isptar Boffa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt il-preparamenti tal-pjan ta’ kontingenza dwar il-Covid 19, saru u għadhom isiru diversi laqgħat mat-tim ta’ ħaddiema li qed jikkuraw l-pazjenti COVID rikoverati fl-Isptar Boffa.

Sptar Boffa — użu għall-pazjenti bil-Coronavirus (COVID-19)

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid issa li l-Isptar Boffa se jintuża għall-pazjenti tal-Coronavirus (COVID-19), fejn se jiġi trasferit id-Dipartiment tad-Dermatoloġija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-servizz tad-Dermatoloġija ta out-patients qed jingħata minn klinika ġdida li tħejjiet apposta fil-Gżira. Pazjenti tad-Dermatoloġija li għandhom bżonn kura fi sptar qed jieħdu t-trattament meħtieġ f’Mater Dei mit-tobba tad-dermatoloġija stess.