B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5929, jista’ l-Ministru jgħid fejn jinsabu dawn it-12-il binja ġdida (indirizz sħiħ) mikrijin mill-privat matul is-snin 2021 u 2022? Jista’ jgħid kemm hu l-ħlas għal kull proprjetà, sena b’sena, għal kull waħda minn dawn it-12-il binja? Jista’ jgħid ukoll min huma l-kumpaniji privati jew individwu privat li qegħdin jikru l-proprjetà/binjiet lill-Ministeru għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 5929 fejn jista' jsib l-informazzjoni kollha.
Community Work Scheme — ħaddiema assenjati f'Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema taħt l-Iskema tal-Community Work Scheme assenjati ma’ kull wieħed mill-Kunsilli Lokali f'Għawdex? Jista’ jgħid x’qed jagħmel kull wieħed minn dawn il-ħaddiema ma’ kull Kunsill u kemm ilu assenjat ma’ dan il-Kunsill kif ukoll jgħid x'korsijiet sarulhom s’issa lil dawn il-ħaddiema u x'korsijiet hemm ippjanati li jsirulhom matul is-sena 2023?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mal-iskema tas-CWSEF hemm 108 ħaddiema assenjati fost it-13-il Kunsill Lokali f’Għawdex.
Hija responsabilità tal-kuntrattur li jiddeċiedi dwar it-taħriġ li kull parteċipant għandu bżonn. Jobsplus tkun infurmata minn xahar qabel dwar liema parteċipanti għandhom jattendu liema taħriġ.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm dwar l-Għassa tax-Xagħra, Għawdex issa li tħabbar li se jinbena Ċentru Ċiviku mill-Kunsill Lokali fil-post fejn fil-preżent hemm din l-għassa? Jista’ jgħid jekk hux se tinbena għassa ġdida jew jekk hux se tkun inkorporata fiċ-ċentru ċiviku l-ġdid? Jista’ jgħid għaliex din l-għassa ilha diversi xhur ma tinfetaħ minkejja li għadu ma beda ebda tip ta' xogħol infrastrutturali?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi kif ingħad fi tweġibiet oħra, ix-Xagħra hija waħda mil-lokalitajiet fejn l-għassa kienet tinfetaħ skont il-bżonn. Bħal kull raħal f'Għawdex ix-Xagħra hija koperta minn ronda regulari li ssir minn uffiċjali mill-Iskwadra Mobbli tad-Distrett u dawk mill-Pulizija tal-Komunità. Dan barra minn faċilitajiet ta’ intercom mal-għassa fejn il-pubbliku jista' jikkomunika mal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, erbgħa u għoxrin siegħa kuljum. Hu minnu li bħalissa l-lok fejn kien hemm l-Għassa se jinbena Ċentru Ċiviku. Meta dan jitlesta il-Pulizija ser ikollha lok fl-istess binja, li jkun jista' jintuża bħala għassa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema assenjati mal-Gozo Sports Board? Jista' jgħid kemm minn dawn huma mislufa jew sekondati mal-Gozo Sports Board u ma’ liema dipartiment u f’liema Ministeru kienu jaħdmu qabel, x’kien ix-xogħol u l-grad tagħhom qabel u x’inhu x-xogħol u l-grad li għandhom issa mal-Gozo Sports Board? F'kull każ, f’liema sena u xahar bdew jaħdmu mal-Gozo Sports Board? Jista’ jgħid ukoll minn min hu fformat il-Gozo Sports Board?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda ħaddiem li hu misluf jew sekondat mal-Gozo Sports Board. Il-Gozo Sports Board hu fformat hekk:
Is-Sur Edmond Vella – Chairperson
Is-Sur Kevin Azzopardi - Segretarju
Is-Sur Govann Bugeja – Membru
Is-Sur John Busuttil – Membru
Is-Sur Frank Muscat – Membru
Is-Sur Joseph Scicluna – Membru
Is-Sur Ronald Sultana – Membru
Is-Sinjura Joyce Farrugia- Membru
Is-Sur Stefan Azzopardi – Membru
Is-Sur Enzo Dimech – Membru
Is-Sur Armand P. Veranneman - Membru
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar ir-riġenerazzjoni ta’ Trionfi House fir-Rabat, Għawdex? Kemm ilha mikrija din id-dar, kemm hi l-kera u għal kemm-il sena nkriet? Jista’ jgħid jekk din bdietx tintuża u jekk iva, meta bdiet tintuża u għalxiex qed tintuża?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, Trionfi House fir-Rabat, Għawdex, ma nkrietx imma qed tintuża mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, wara li d-Djoċesi ta’ Għawdex ta l-kunsens lill-Fondazzjoni sabiex Trionfi House tkun tista’ tintuża għal skopijiet soċjali b’risq persuni vulnerabbli u dan mingħajr ħlas għal perjodu ta’ sentejn, sal-aħħar tas-sena 2023.
Id-Dar laqgħet l-ewwel residenti fl-24 ta’ Diċembru 2021. F’dak iż-żmien tal-pandemija tal-COVID-19 intużat bħala Isolation Centre għal persuni homeless li kienu ġew infetatti bil-virus u hekk ġie aċċertat li ħadd ma jispiċċa barra fit-triq. Preżentament, din id-Dar qed tintuża bħala kwartieri residenzjali għal persuni li jisfaw bla saqaf fuq rashom.
Id-Dar imsemmija intużat ukoll sabiex jitqassam l-ikel sew tal-FEAD kif ukoll tal-Istat SFFD.
Jista’ l-Ministru jgħid xi rriżulta mit-Traineeship Scheme? Kemm mill-parteċipanti li kienu qed jitħarrġu b’din l-iskema sabu xogħol permanenti mal-Gvern (Servizz Pubbliku), u mal-privat fi tmiem din l-iskema? Kemm mill-parteċipanti għadhom sal-lum jirreġistraw għax-xogħol? Kemm mill-parteċipanti reġgħu ġew impoġġija f’xi skema oħra simili?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant, sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid minn kemm uffiċjali hija komposta d-Digital Investigations Unit fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u jekk din il-Unit tagħmilx parti minn xi direttorat tal-MCCAA (jekk iva, liema) jew inkella tweġibx direttment liċ-Chairperson tal-MCCAA? Tista’ tgħid ukoll jekk din il-Unit tenforzax xi liġijiet u jekk iva liema?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Digital Investigations Unit, li għadu qed jinbena bħalissa, huwa kompost minn uffiċjal wieħed u l-pjan hu li dan il-Unit jikber b’mod organiku. Dan il-Unit jutilizza numru ta’ programmi ta’ software li jagħmlu skrutinju awtomatiku ta’ websajts u għaldaqstant hu mistenni li n-numru ta’ impjegati jkun żgħir.
Dan il-Unit m’għandux il-għan li jinforza l-liġijiet hu, imma ġie stabbilit biex jagħti servizz lil aktar minn entità waħda fi ħdan l-Awtorità u l-operat tiegħu jaħdem skont il-pjan ta’ sorveljanza stabbilit mill-entitajiet. Id-Diretturi Ġenerali tal-entitajiet rispettivi huma responsabbli li jagħmlu skrutinju tal-informazzjoni mgħoddija lilhom minn dan il-Unit, u fejn ikun meħtieg jieħdu azzjoni skont kif stabbilit fil-liġijiet speċifiċi tagħhom.
Gozo Channel (Holding) Company Ltd. – audited accounts
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-audited accounts tas-snin 2019, 2020, 2021 u 2022 tal-kumpanija Gozo Channel (Holding) Company Ltd?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-audited accounts tas-snin 2019, 2020, 2021. L-audited accounts tal-2022 għadhom qed jinħadmu u ma jistgħux jiġu sottomessi f'dan l-istadju.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-audited accounts tas-snin 2019, 2020, 2021 u 2022 tal-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fid-dokumenti li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:GCOL - Final Audited Accounts 2019 (Pq6540).pdfGCOL Financial statements 2020 Signed (Pq6540).pdfGCOL final fin stats 2021 signed (Pq6540).pdf
Jista' l-Ministru jgħid:
a. kemm hu n-numru ta' ħaddiema li huma impjegati direttament mal-kumpanija Gozo Channel u f'liema grad huma impjegati;
b. kemm hu n-numru ta' ħaddiema li jaħdmu mal-kumpanija
tramite
kuntratti/direct orders mogħtija lill-kumpaniji privati biex jipprovdu servizz ta' ħaddiema u f'liema oqsma jaħdmu dawn il-ħaddiema; u
ċ. liema huma l-kumpaniji li għandhom kuntratt/direct order biex joffru s-servizz ta' ħaddiema, kif ingħataw dan il-kuntratt/direct order u kemm tħallset kull kumpanija matul is-snin 2021 u 2022?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti ġodda ġewwa Għawdex u Kemmuna hemm ippjanati b'fondi Ewropej tul is-sena 2023?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba rigward proġetti ġodda ġewwa Għawdex u Kemmuna li hemm ippjanati b’fondi Ewropej tul is-sena 2023.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar dawn iż-żewġ applikazzjonijiet li għamel il-Ministeru tiegħu reċentement u jispjega għaliex saru: DS 00015/22 u DS 00208/22: Site at, Triq it-Tafla, Xagħra 'Remove precarious rubble and soft stone retaining wall and shore up dangerous debris with soft stone and rubble retaining wall?' Jista’ jgħid għaliex dawn iż-żewġ applikazzjonijiet ġew 'withdrawn' u jekk saritx applikazzjoni oħra u jekk le, għaliex ma saritx?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-proċess tad-Dangerous Structures kien se jieħu ż-żmien tiegħu u anke għal fatt ukoll li l-istat tal-ħajt maż-żmien kien kulma jmur qiegħed jiggrava, fl-aħjar interess tas-saħħa u s-sigurtà, il-perit tal-Ministeru għażel li japplika l-artikolu 70 tal-liġi li tirregola l-Iżvilupp u l-Ippjanar biex ikopri x-xogħlijiet ta’ emerġenza fi Triq it-Tafla. Tali applikazzjoni tal-artikolu 70 ġiet milqugħa mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm ħaddiema tal-Iskema (Community Scheme Workers) fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u kemm ilhom? Jista’ jgħid taħt liema Direttorat/Diviżjoni jifformaw parti dawn il-ħaddiema, x'inhu xogħolhom, x'korsijiet sarulhom s’issa u x'korsijiet hemm ippjanati li jsirulhom matul is-sena 2023?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent hemm 306 ħaddiema tal-Iskema (Community Scheme Workers) mifruxin fuq 14-il Direttorat jew Diviżjoni fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Dawn huma r-Rural Gozo Directorate, l-Eco Gozo & Regional Development Directorate, Services Gozo Directorate, Cultural Heritage Directorate, Projects & Development Corporate Services Directorate, Wild Birds Regulation Unit, CMU Maintenance Directorate, Maintenance & Restoration Directorate, Corporate Service Directorate, Gozo College, Tourism & Economic Development Directorate, Operation Division, People Management Directorate u Animal Welfare.
Hija responsabilità tal-kuntrattur li jiddeċiedi dwar it-taħriġ li kull parteċipant għandu bżonn. Jobsplus tkun infurmata minn xahar qabel dwar liema parteċipanti għandhom jattendu liema taħriġ.
Għawdex – Xewkija – estensjoni taċ-Ċentru tal-Università
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4372 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2543 dwar ix-xogħlijiet fuq l-estensjoni taċ-Ċentru tal-Università fix-Xewkija, Għawdex, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija kollha kemm hi (intera) u jgħid din l-estensjoni meta hu maħsub li tkun lesta minn kollox u tibda tintuża?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4114, jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-parti tat-triq ta' ħdejn il-bajja ta' Daħlet Qorrot, in-Nadur, jiġifieri l-parti minn fejn tispiċċa t-triq bil-konkos li saret xi żmien ilu sa ħdejn il-bajja, baqgħet ma saritx u qiegħda fi stat ħażin ħafna? Jista’ jgħid meta ser issir u fiex ser ikun jikkonsisti x-xogħol li ser isir f' din il-parti tat-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parti msemmija qiegħda fl-istess stat li kienet triq Daħlet Qorrot wara għexieren ta’ snin ta’ telqa. Wara xi 50 sena, kien dan il-Gvern li għamilha mill-ġdid. Il-parti msemmija mill-Onor. Interpellant issir ukoll fiż-żmien opportun.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4117, jista’ l-Ministru jgħid mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm saru safety audits tal-proġetti ta’ toroq ġodda li saru mill-Ministeru għal Għawdex f'dawn is-snin? Għal liema toroq saru dawn l-audits? X'kien ir-rżultat ta' dawn l-audits? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn is-safety audits?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex li matul dawn l-aħħar snin, kull meta sar proġett tat-toroq, il-Ministeru dejjem aderixxa mar-rekwiżiti meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali fil-qasam kulturali f'Għawdex għas-sena 2022? Jista' jagħti break down ta' din in-nefqa? Jista' jgħid mill-bidu ta’ din is-sena sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kienet in-nefqa f'dan il-qasam? Jista' jgħid x'vot hemm għas-sena 2023 f'dan il-qasam?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dgħajjes irreġistrati bħala MFC minn persuni residenti f’Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm dgħajjes irreġistrati bħala MFC minn persuni residenti f’Għawdex fl-aħħar tas-sena 2015 u kemm kien in-numru ta' dawn id-dgħajjes irreġistrati f'Għawdex? Jista’ jgħid ukoll fil-preżent kemm hemm dgħajjes irreġistrati bħala MFC minn persuni residenti f'Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2015 kien hemm 261 dgħajsa rreġistrata bħala MFC minn persuni residenti f’Għawdex. Minn dawn 248 kienu rreġistrati f'Għawdex.
Ninsab infurmat li fil-preżent hemm 404 dgħajjes tas-sajd irreġistrati bħala MFC minn persuni residenti f'Għawdex.
Għawdex – Iż-Żebbuġ – Telgħa ta’ Triq is-Sagħtrija — xogħlijiet
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4481 dwar xogħlijiet li saru fil-parti tat-telgħa ta' Triq is-Sagħtrija fiż-Żebbuġ, Għawdex, mill-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2022, jista’ l-Ministru jagħti break down tal-ispiża li saret mid-Diviżjoni tal-Istrateġija u s-Sapport sabiex saret it-trinka biex ikun jista’ jiġi mgħoddi l-cable tal-elettriku u jgħid kemm ġie jiswa dan il-cable tal-elettriku? Jista’ jgħid ukoll jekk id-downlighters bdewx jinxtegħlu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tkun tista’ tingħata appena l-ispiża tkun definittiva.