Għawdex – Ir-Rabat – Triq San Ġużepp Labrè – barriers u tape tal-pulizija
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3910 dwar parti mill-parking biswit Triq San Ġużepp Labrè fiċ-ċentru tar Rabat, Għawdex li ilu kważi sentejn mhux sigur u ta' periklu kbir u imminenti għall-pubbliku peress li hemm struttura perikoluża u jidher li l-ħsarat huma estensivi, jista’ l-Ministru jara li mill-iktar fis possibbli jsiru x-xogħlijiet meħtieġa biex jitneħħa dan il-periklu serju? Jista’ jgħid jekk iseħħ inċident/diżgrazzja min min-naħa tal-Ministeru se jkun responsabbli peress li għaddew kważi sentejn u għadu ma sar xejn?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bdew il-preparamenti biex isir ix-xogħol neċessarju fis-sit indikat. Li kieku ngħatat l-attenzjoni mill-ewwel kif kellu jsir għexieren ta’ snin ilu, allura s-sit ma kienx jasal fis-sitwazzjoni li jinsab fiha llum.
Jista' l-Ministru jgħid min irrakkomanda li l-ispeed limit ta' triq arterjali li saret mill-ġdid bejn in-Nadur u Għajnsielem tkun ta' 30 kilometru fis-siegħa matul it-triq kollha? Jista' jispjega kif imbagħad fi Triq Sant'Antnin li fiha r-residenzi fiha u parti minnha hija dejqa ħafna fejn ma jgħaddux żewġ vetturi fid-direzzjoni opposta, l-ispeed limit huwa ta' 50 kilometru fis-siegħa? Jista' jgħid min irrakkomanda hekk? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-Road Safety Audit li sar f'dawn it-toroq (Triq l-Imġarr, Nadur u Triq Sant’Antnin Għajnsielem) u jagħti d-dati ta' meta beda u meta spiċċa dan l-audit report?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 6082.
Konsultazzjoni ntitolata “Consultation on the Amendments to the Insurance Business Act and the Insurance Distribution Act”
Question
B’referenza għall-konsultazzjoni intitolata “Consultation on the Amendments to the Insurance Business Act and the Insurance Distribution Act” li ħarġet fi Frar 2023, peress li minn dan id-dokument jidher li l-konsultazzjoni qed issir mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA), u peress li din il-konsultazzjoni tinvolvi proposti għal emendi fil-liġijiet u l-prassi fis-snin reċenti kienet li l-emendi proposti għal liġijiet li jista' jkollhom impatt fuq il-pubbliku jsiru wkoll tramite l-website tal-Gvern “online consultations”, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux xi rwol fil-ħruġ ta’ din il-konsultazzjoni u jekk le, hemm xi raġuni għal dan?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-konsultazzjoni intitolata “Consultation on the Amendments to the Insurance Business Act and the Insurance Distribution Act” ħarġet fit-22 ta’ Frar 2023, fuq il-website tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA).
Nhar l-20 ta’ Marzu 2023 din il-konsultazzjoni ttellat ukoll fil-website tal-Gvern intitolata “online consultations”, u ser ikun hemm estensjoni tal-perjodu ta’ konsultazzjoni għal perjodu ta’ tliet ġimagħtejn oħra sabiex jingħata biżżejjed żmien għall-kummenti fuq il-konsultazzjoni.
Wieħed jinnota illi qabel toħroġ konsultazzjoni l-MFSA tinforma lill-Kabinett.
Jista' l-Ministru jgħid it-torrijiet u l-fortizzi kollha ta' Għawdex f'idejn min qegħdin u b'liema titolu? Jista' jgħid ukoll l-Għar tal-Mixta fin-Nadur f'idejn min qiegħed?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigward l-Għar imsemmi, l-ewwel parti tal-passaġġ li jagħti għall-għar hija tal-Gvern fejn l-għar u l-art tal-madwar hija mwellija mill-Gvern lil Terzi. Rigward il-bqija tal-mistoqsija dwar torrijiet u/jew fortizzi, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun ftit iktar speċifiku.
Żebbuġ, Għawdex– bajja ta’ Marsalforn — applikazzjoni PA/02106/21
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'sar s’issa, x'qiegħed isir bħalissa u x'hemm maħsub li jsir dwar l-applikazzjoni PA/02106/21 ERA Reference: EA/00004/21; Project Title: Coastal defence system at Marsalforn Bay consisting of the reconstruction of Santa Marija breakwater, construction of a rubble mound berm on the Menqa site, two rubble mound groins at the valley outfall and replenishment of the beach; Location: Site at, Il-Bajja Ta' Marsalforn, Marsalforn, Żebbuġ (Gozo)?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 7366 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet — membri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx maħtura l-membri tal-Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet stabbilit skont l-Att dwar ir-Regolament ta’ Ċerti Xogħlijiet f’Utilitajiet u Servizzi, Kap. 81? Jekk inħatru l-membri jista’ jgħid min huma, meta ġew maħtura u għal kemm żmien hi l-ħatra ta’ kull wieħed minnhom?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Law Commission, meta saret il-ħatra ta’ kull membru u għal kemm żmien? Jista’ jgħid kemm hemm persuni impjegati mal-Law Commission u f’kull każ x’inhi l-kariga tagħhom?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Il-Kummissjoni għal-Liġijiet hija magħmulha mill-Kummisarju tal-Liġijiet li ġie maħtur fl-2021 b’terminu ta’ 3 snin. Il-Kummissjoni timpjega assistent għall-Kummissarju u xufier/messaġier. Barra minn hekk, mal-Kummissjoni hemm kuntrattati 6 avukati.
Jista’ l-Ministru jgħid l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data (IDPC) kemm ta deċiżjonijiet fejn impona penalitajiet minħabba nuqqas ta’ ħarsien ta’ regolamenti dwar id-data protection matul l-2022? F’kull każ jista’ jgħid kemm kien l-ammont tal-penali u jekk ġietx ikkontestata?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2022, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data impona multa amministrattiva f'erba' każijiet, wara li ġie konkluż li l-kontrollur tad-data rispettiv kiser il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data. L-ammont tal-multa u jekk id-deċiżjoni tal-Kummissarju, li permezz tagħha impona tali multa, ġietx ikkontestata, huwa kif jidher fit-tabella t'hawn taħt. L-appelli taż-żewġ multi msemmija f'din it-tabella għadhom mhux konklużi.
Ammont tal-multa amministrattivaDeċiżjoni appellata
€250,000Iva
€65,000Iva
€5,000Le
€2,500Le
Leasing of Premises in Qala to House a Community Clinic for Primary Healthcare within the Ministry for Health
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex tikkonsisti s-sejħa li ħareġ reċentement il-Ministeru tiegħu 'Leasing of Premises in Qala to House a Community Clinic for the Primary Health Care within the Ministry for Health' CFT026-3021/23 (CPSU1956/22) u jgħid kemm se tqum fi flus din is-sejħa u għal kemm-il sena hi s-sejħa? Jista’ jgħid fejn fil-passat kien jiġi offrut dan is-servizz ġewwa r-raħal tal-Qala u għala ma baqax jiġi offrut dan is-servizz minn dan il-post? Jista’ jgħid ukoll fil-preżent minn fejn qed jingħata dan is-servizz?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara sejħa pubblika instab sit minn fejn ser tibda topera Klinika Kommunitarja għas-Saħħa fil-Qala. Dan is-sit ser jinkera għas-somma ta’ €12,000 fis-sena. Ninfurmaħ ukoll illi l-klinika l-qadima tal-Qala ma kinitx adegwata peress illi kienet lokata f’kamra waħda ġo skola.
Ir-Rabat – Ċimiterju ta’ Santa Marta – manutenzjoni u xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 22261 u 22840 tat-13-il Leġiżlatura intera (kollha kemm huma) rigward iċ-Ċimiterju ta' Santa Marta fir-Rabat u jgħid x’tip ta’ manutenzjoni u xogħol ieħor sar u kemm ġie jiswa fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marta fir-Rabat, f’dawn l-aħħar sitt snin maqsuma sena b’sena u kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid x’hemm ippjanat bħala manutenzjoni u xogħol ieħor li jsir f’dan iċ-ċimiterju matul is-sena 2023 u kemm hi ppjanata li tkun l-ispiża?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li nirreferih għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 22840, nerġa' ntenni li l-Ministeru se jkun qed jara biex fix-xhur li ġejjin issir il-manutenzjoni meħtieġa b’kollaborazzjoni mas-Superintendence for Cultural Heritage.
Għawdex – Xewkija – Triq Ta’ Ħamet – zebra crossing
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fi Triq Ta' Ħamet, Xewkija, it-triq prinċipali ħdejn il-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu għaddew diversi xhur u għadha ma saritx fiha ż-zebra crossing kif kien hemm qabel ġiet asfaltata din it-triq, u għalhekk hemm periklu kbir f'din l-imsemmija triq għal min irid jaqsam? Jista’ jgħid jekk iseħħ inċident min se jerfa’ r-responsabbiltà min-naħa tal-Ministeru għal dan in-nuqqas serju li issa ilu diversi xhur?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lights taż-zebra crossing se jitwaħħlu hekk kif tiġi awarded it-tender tal-belisha lights. Nixtieq ukoll nistaqsi lill-Onor. Interpellant min refa’ r-responsabbiltà meta ħalla Triq l-Imġarr tikkrolla u Triq San Blas fuq kisja tarmak waħda li llum qed terġa' tispiċċa u trid terġa' ssir mill-ġdid.
Minister għal Għawdex — Ħaddiema Għawdxin jaħdmu f'Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm preżentement ħaddiema Għawdxin jaħdmu f'Għawdex f'dipartimenti, awtoritajiet, aġenziji u entitajiet governattivi, li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex? Jista' jgħid dawn il-ħaddiema ma' liema dipartiment, awtorità, aġenzija u entità qed jaħdmu u xi grad huma?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex tiġi kkompilata l-informazzjoni kollha kif mitlub se jispiċċa jinqabeż l-advisory cost limit.
Għawdex — Stallel ta' Żwiemel - applikazzjonijiet għal bini jew estensjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal bini jew estensjoni ta' stallel taż-żwiemel jew inkella bdil ta' użu jew sanzjonar ta' stallel taż-żwiemel ġewwa Għawdex fl-aħħar għaxar snin u f'liema lokalità? Jista' jgħid kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew approvati, kemm minnhom ġew rifjutati u kemm minnhom għadhom pendenti jew sospiżi?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi n-numru ta’ applikazzjonijiet għal żvilupp, għal bini jew estensjoni ta' stalel taż-żwiemel jew inkella bdil ta' użu għal stalel jew sanzjonar ta' stalel taż-żwiemel ġewwa Għawdex li ġew ikkonfermati bħala applikazzjonijiet kompluti bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u 31 ta’ Diċembru 2022 għal kull lokalità, sas-16 ta’ Marzu 2023.
Attachments:Pending or Decided Applications relating to Stables in Gozo.pdf
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4118 u jgħid x’miżuri qegħdin jiġu kkunsidrati għal aktar sigurtà fit-toroq ġewwa l-gżira ta' Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qiegħed fi djalogu kontinwu mal-Kunsilli Lokali u Transport Malta sabiex tkun żgurata s-sigurtà ġewwa Għawdex. Il-Ministeru għandu team ta’ ħaddiema li ta' kuljum jagħmlu r-rondi madwar d-diversi toroq ġewwa Għawdex ħalli f’każ ta’ bżonn ta' intervent jiġi rrappurtat.
Jista' l-Ministrru jgħid kemm hemm pazjenti li fil-preżent qed jattendu Dar Padova ġewwa Għajnsielem u liema servizz qed jingħatalhom? Jista' jgħid kemm hu l-massimu ta' pazjenti li tista' tilqa' Dar Padova? Jista' jgħid ukoll kemm hu n-numru ta' persuni li jużaw Dar Padova bħala Night Shelter fil-preżent?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Dar Padova jingħataw xejn inqas minn 11-il servizz b’risq l-anzjan Għawdxin. Dawn is-servizzi jinqasmu f’żewġ kategoriji: dik tal-in-patients u dik tal-out-patients. Bħala servizzi ta' in-patients minn dar Padova jingħataw is-servizzi ta' Dimentia Activity Day Centre matul il-jum li għalih jattendu 16-il klijent u dak ta’ Night Shelter fejn attwalment qed jiġi utilizzat minn 5 klijenti. Il-massimu ta’ sodod disponibbli għan-night shelter huwa ta’ ħamsa u allura is-sodod disponibbli qed jiġu kollha utilizzati. Nieħu l-okkażjoni biex ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejja ħidma biex in-numru ta’ soddod jiżdiedu b'iktar mid-doppju matul din is-sena.
Matul l-aħħar ġimgħat grazzi għall-investiment meħtieġ li sar fl-istess Dar tul l-aħħar sena ġew imnedija xejn inqas minn 8 kliniċi ġodda liema kliniċi li ġa rċivejna xejn inqas minn 211-il talba ta’ anzjani Għawdxin biex jagħmlu użu minnhom. Tajjeb li jingħad ukoll li erbgħa minn dawn is-servizzi mnedija huma totalment ġodda u ġew introdotti għall-ewwel darba fil-gżira Ghawdxija. Dawn il- Kliniċi jinkludu:
1. Servizz ta’ Podjatrija.
2. Servizz ta’ Flebotomija
3. Servizz ta’ Kontinenza
4. Servizz ta’ Commcare
5. Servizz ta’ Intervention team tad- Dimentia
6. Servizz ta’ Nutrizzjoni klinika
7. Servizz ta’ Occupational Therapy
8. Servizz ta’ Psikoterapija
9. Klinika ta’ Terapija Vaskulari
Minn Dar Padova jingħata wkoll is-servizz ta’ Silver T (servizz ta’ transport b xejn lill anzjani tagħna indirizzat sabiex jitnaqqas kull inkonvinjent għall-persuni nieqsa minn mobilità).
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2185 u 4374 u l-mistoqsijiet parlamentari 23432 u 22368 tat-13-il Leġiżlatura u jgħid kemm, f'liema lokalitajiet ġewwa Għawdex, u jagħti l-isem tat-triq/area u kemm kien it-tul u l-wisa’ fejn saru 'Farm Roads' bil-konkos mill-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex mill-1 ta' Jannar, 2021 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari biex jitjieb l-aċċess għall-bdiewa u għan-nies li jiffrekwentaw dawn it-toroq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru madwar 21 passaġġ madwar il-gżira Għawdxija. Minn dawn tlieta saru f’Kerċem, tlieta x-Xagħra, tnejn ġewwa r-raħal tal-Għasri, passaġġ fl-Għarb, tnejn fix-Xewkija, tlieta fir-Rabat, Għawdex, tnejn in-Nadur, tnejn oħra ż-Żebbug, Għawdex, tnejn tas-Sannat u ieħor fil-Qala u dan sabiex nassiguraw li l-bdiewa Għawdxin għandhom aċċess aktar siġur għal-għelieqi tagħhom.
Għawdex – Triq Borg Għarib u Triq il-Qala – sewqan eċċessiv
Question
Fid-dawl tal-inċidenti li seħħew f’dawn l-aħħar xhur fi Triq Borg Għarib u Triq il-Qala, Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu jew beħsiebu jieħu l-Gvern jew l-entitajiet tiegħu biex tiġi indirizzata l-problema ta' sewqan eċċessiv jew abbużiv f'din it-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn it-toroq għandhom l-ispeed limit indikat skont kif irregolat minn Transport Malta.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4867 kollha kemm hi (intera) u jgħid x'inhu l-proċess biex wieħed jaqleb minn grad mediku għal grad tekniku jew industrijali mal-Ministeru għal Għawdex mingħajr ma toħroġ sejħa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 4867.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4600 dwar il-fondi tar-‘Rural Development Programme 2014-2020' li applika għalihom il-Ministeru għal Għawdex , jista’ l-Ministru jgħid x' inhuma r-raġunijiet għala ma ġietx aċċettata ebda triq biex issir minn dawn il-fondi?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-toroq imsemmija kienu preżentati bħala proġett wieħed. Filwaqt li l-applikazzjoni kienet ikkunsidrata favorevolment fit-totalità tagħha, il-kumplessità tan-natura tax-xogħlijiet u l-ispejjeż relatati rriżultaw fi żvantaġġ meta kkumparata ma' applikazzjonijiet oħra fl-istess sejħa.