Legislature:
Category:
Reset
Active:

Diskussjonijiet bejn il-Ministeru għal Għawdex u Transport Malta dwar l-immaniġġar tal-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta bdew id-diskussjonijiet u fiex waslu biex bejn il-Ministeru għal Għawdex u Transport Malta jiġi konkluż l-abbozz ta’ ftehim bil-kondizzjonijiet/responsabbiltajiet rispettivi għall-immaniġġar tal-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri biex il-binja storika tkun imħarsa u miżmuma tajjeb?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Għawdex – Triq tal-Lanterna l/o Għasri — xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3808 li ngħatat fit-22 ta' Novembru 2022 dwar Triq tal-Lanterna, limiti tal-Għasri fejn ix-xogħol fuqha beda lejn l-aħħar tas-sena 2020, fejn kien ġie mwieġeb li x-xogħlijiet mistennija jkunu lesti lejn il-bidu tas-sena d-dieħla , jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet tlestewx? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew jiswew s’issa x-xogħlijiet fuq din l-imsemmija triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq din it-triq għadu għaddej b’reviżjoni riċenti tal-pjanti u d-disinni tal-istruttura li tinkludi piling u li ġew ibbażati fuq studji ġeotekniċi li saru fis-sit. Dawn ix-xogħlijiet fuq it-triq mistennija jkomplu fil-ġimgħat li ġejjin.

Għawdex – Safety audits fuq toroq ġodda

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 4117 u 6389, jista’ l-Ministru jgħid mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm saru safety audits tal-proġetti ta’ toroq ġodda li saru mill-Ministeru għal Għawdex f'dawn is-snin? Għal liema toroq saru dawn l-audits? X'kien ir-riżultat ta' dawn l-audits? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn is-safety audits?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 4117.

Ministeru għal Għawdex — proġett ta' retro fitting

Question

B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5719 li ngħatat fis-6 ta' Frar 2023 dwar il-proġett ta' retro fitting iffinanzjat minn fondi Ewropej li qed isir fil-bini tal-Ministeru għal Għawdex fejn kien ġie mwieġeb li “fl-ewwel sular tal-binja li fil-ġranet li ġejjin se jibda jintuża mill-uffiċjali tal-Ministeru”, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li dan is-sular beda jintuża mill-uffiċjali tal-Ministeru u x-xogħol għadu ma tlestiex kollu u qed ikun hemm ta’ kuljum il-ħaddiema għadhom jaħdmu? Jista’ jgħid fil-preżent kemm hemm aċċessi siguri għal dan is-sular fejn bdew jaħdmu l-uffiċjali tal-Ministeru u għaliex il-lifts għadhom ma ġewx installati u meta se jiġu installati? Jista’ jgħid ukoll jekk humiex jittieħdu l-health and safety precautions kollha issa li bdew jaħdmu l-uffiċjali tal-Ministeru f'dan is-sular u għad hemm ix-xogħol għaddej f'dan is-sular u partijiet oħrajn tal-Ministeru?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-raġuni għalfejn beda jintuża l-ewwel sular tal-binja hija li l-istess sular ġie attrezzat biex jilqa’ fih lill-uffiċjali u b’hekk uffiċini oħra li ġew vakati jkun jista’ jibda x-xogħol fihom. Ix-xogħol fl-uffiċini fejn daħlu l-uffiċjali tlesta iżda kien baqa’ xi xogħol żgħir fil-kuridur li tkompla. Dan ix-xogħol ma kien ta’ ebda periklu għall-ħaddiema u dejjem ittieħdu l-miżuri ta’ sigurtà meħtieġa. Bħala aċċess għal dan is-sular għadu qed jintuża l-istess aċċess li kien hemm minn dejjem. Il-lift għadu ma ġiex installat għar-raġuni li l-ebda offerent ma kien eliġibbli biex jingħata l-kuntratt u għalhekk ser jkollha toħroġ sejħa għall-offerti mill-ġdid.

GRDA — laqgħat

Question

Jista' l-Ministru: i) jgħid kemm-il laqgħa tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex (GRDA) inżammet matul is-sena 2022; ii) iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Minuti ta' dawn il-laqgħat; iii) jgħid min huma l-membri preżenti tal-istess Awtorità; iv) jgħid x'deċiżjonijiet eżekuttivi ttieħdu mill-istess Awtorità matul is-sena 2022; u v) jgħid liema infurzar skont il-liġi li waqqfet l-istess Awtorità huwa delegat lill-istess Awtorità fil-preżent?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport annwali li jittratta l-attivitajiet tal-GRDA matul is-sena finanzjarja 2022.

GRDA – nefqa ruq reklamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn meta twaqqfet l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex (GRDA) sal-lum kemm nefqet f’reklamar, billboards, reklami fuq il-midja soċjali u kull tip ta' reklamar ieħor? Jista' jgħid ukoll kemm l-istess Awtorità nefqet fuq printing minn meta twaqqfet sal-lum? Għal kull każ ta' reklamar u printing, jista’ jgħid fejn sar ix-xogħol u jekk dan ingħatax b’direct order, wara talba għal kwotazzjonijiet jew inkella wara ħruġ ta' tender?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Logħol tal-Pajjiżi ż-Żgħar — Faċilitajiet f’Għawdex li se jintużaw

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema faċilitajiet f’Għawdex ser jintużaw għal xi parti mil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li mistennija jsiru f’Malta dalwaqt? Liema dixxiplini ser isiru f’dawn il-faċilitajiet? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm faċilitajiet oħra li kienu qed jiġu kkunsidrati li jintużaw għal dawn il-logħob iżda issa mhux ser jintużaw u fil-każ x’inhi r-raġuni?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-organizzazzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar hija fir-responsabiltà tal-Kumitat Olimpiku Malti u mhux tal-Gvern, madankollu l-Gvern jifhem l-importanza li dawn il-logħob għandhom kemm għal pajjiżna u wkoll għall-atleti u sportivi kollha u għalhekk qiegħed jagħti l-għajnuna kollha possibbli, inkluż dik finanzjarja lill-KOM.

Għawdex – Rabat – Pazjenti rikoverati f’Casa Amelia

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti li l-ispejjeż tagħhom huma mħallsin mill-Gvern li fil-preżent b'mod regolari qed jattendu Casa Amelia fir-Rabat, Għawdex? Jista' jgħid kemm hu l-massimu ta' pazjenti li tista' tilqa' Casa Amelia? Jista' jgħid ukoll kemm hu n-numru ta' persuni li b' mod regolari jużaw Casa Amelia bħala Night Shelter fil-preżent u li l-ispejjeż tagħhom huma mħallsin mill-Gvern?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Casa Amelia tilqa' fiha 23 persuna li b’mod regolari jużawha bħala Night Shelter. Nitlob ukoll lill-Onor. biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 3656.

Għawdex – Xlendi, Marsalforn u Mġarr – ħaddiema fid-dry standing facilities

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mis-sena 2020 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm hemm persuni jaħdmu bil-kuntratt (contract for service) fid-dry Standing Facilities (fishers facilities) tax-Xlendi, Marsalforn u l-Imġarr, Għawdex? Jista’ jikkonferma li dawn il-persuni jaħdmu bis-shift (mit-Tnejn sal-Ħadd 24 siegħa) u jgħid kemm-il siegħa jaħdmu fil-ġimgħa kull wieħed minn dawn il-persuni? Jista’ jgħid ukoll x'inhu x-xogħol tagħhom u liema Diviżjoni/Direttorat fi ħdan il-Ministeru tirrispondi għalihom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari numru 17635 tat-13-il Leġiżlatura.

Għawdex – Korsa taż-Żwiemel Ta’ Xħajma – twaqqigħ ta’ numru ta’ stallel

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6304 dwar ix-xogħlijiet ta' twaqqigħ ta' numru ta' stalel taż-żwiemel fil-Korsa taż-Żwiemel f'Ta’ Xħajma minħabba li ngħad li kienu f'qagħda perikoluża, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija kollha kemm hi u fid-dawl li l-ispiża biex twaqqgħu kienet tammonta għal €224,466.80c jgħid min għamel dan ix-xogħol ta' twaqqigħ u kif intgħażel?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt Elzan Constructions Ltd jifforma parti minn pool tà 5 kuntratturi magħżula abbażi tà framework agreement li jagħti lill-Awtorita l-facilita li jkollu kuntrattur immedjat għad-disponżizzjoni tagħha għal tali xogħlijiet u oħrajn simili.

Għawdex – Għajnsielem – Dar Padova

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ġiet mikrija mill-Gvern Dar Padova f'Għajnsielem, Għawdex? Mingħand min ġiet mikrija? Kemm hi l-kirja fis-sena u għal kemm snin hija l-kirja? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim ta' kera tal-istess Dar?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sar ftehim bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u l-Provinċja Franġiskana Maltija ta’ San Pawl Appostlu, tal-Ordni tal-Patrijiet Minuri (O.F.M.) b’effett mis-26 ta’ Novembru 2014 għal ħames snin u baqa’ jiġi mġedded kull ħames snin bi ħlas ta’ €20,000 fis-sena. Dan il-ftehim jikkonsisti f’informazzjoni kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva.

Ministeru għal Għawdex – għajnuna f’fondi lil parroċċi u istituzzjonijiet tal-Knisja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4517 u 6379 u jgħid liema parroċċi u istituzzjonijiet tal-Knisja f'Għawdex ingħataw kontribuzzjonijiet, għajnuna fi flus jew għajnuna oħra mill-Ministeru tiegħu, jew xi waħda mill-entitajiet li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu minn Jannar 2020 sal-lum? Jista' jgħid f'kull każ kemm kien l-ammont jew għajnuna oħra li ngħatat jew ġie miftiehem li tingħata lil kull parroċċa u għal liema skop ingħatat u minn liema Direttorat jew Diviżjoni ngħatat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.

Għawdex – Xewkija – Estensjoni taċ-Ċentru tal-Università

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4372 u 6381 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2543 dwar ix-xogħlijiet fuq l-estensjoni taċ-Ċentru tal-Università fix-Xewkija, Għawdex, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija kollha kemm hi (intiera) u jgħid din l-estensjoni meta hu maħsub li tkun lesta minn kollox u tibda tintuża?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Għawdex – Nadur — Daħlet Qorrot – xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6388 dwar il-parti tat-triq ta' ħdejn il-bajja ta' Daħlet Qorrot, in-Nadur, jiġifieri l-parti minn fejn tispiċċa t-triq bil-konkos li saret xi żmien ilu sa ħdejn il-bajja, peress li din baqgħet ma saritx u qiegħda fi stat ħażin ħafna u peress li kien ġie mwieġeb li “Il-parti msemmija mill-Onor. Interpellant issir ukoll fiż-żmien opportun”, jista’ l-Ministru ġentilment jgħid, bejn wieħed u ieħor, meta se jkun dan iż-żmien opportun?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li idealment ma jkunx waqt il-perjodu li l-bajja tkun qed tintuża l-aktar mill-pubbliku.

Għawdex – proġetti ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti u fejn jinsabu f’Għawdex li l-Ministeru għal Għawdex applika għalihom kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea taħt il-programm LIFE Integrated Project? Jista’ jgħid liema ġew aċċettati u liema ma ġewx aċċettati biex isiru matul is-snin 2014 sal-2023 mill-programm LIFE Integrated Project u liema saru u liema bħalissa għaddej ix-xogħol fuqhom? Jista’ jgħid ukoll kemm se jingħata flus il-Ministeru għal Għawdex minn dan il-fond fuq kull proġett? Jista’ jgħid jekk hux se jingħata aktar flus u jekk iva, kemm se jingħata minn dan il-fond u għal liema proġetti?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex – proġetti mill-Aġenzija Project Green

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi proġetti u fiex jikkonsistu u f'liema raħal hemm ippjanati li jsiru mill-aġenzija Project Green f’Għawdex matul is-sena 2023? Tista’ tgħid kemm hi maħsuba li tkun l-ispiża fuq kull wieħed minn dawn il-proġetti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7069.

Għawdex – Id-Dwejra – latrini pubbliċi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2868 rigward ix-xogħol fuq il-latrina tad-Dwejra, fejn kien ġie mwieġeb li “ix-xogħol fuq il-latrina pubblika tad-Dwejra, li qed isir mill-Ministeru għal Għawdex, se jibda fil-ġimgħat li ġejjin”, peress li din it-tweġiba ngħatat fis-26 ta’ Ottubru 2022, jista’ l-Ministru jgħid għaliex għaddew aktar minn erba’ xhur u nofs u x-xogħol għadu ma bediex? Jista’ jispjega fiex se jkunu jikkonsistu x-xogħlijiet li se jsiru f’din il-latrina u minn min se jsiru dawn ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 7000.

Ministeru għal Għawdex — entitajiet, dipartimenti jew awtoritajiet li applikaw għal fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6084 u jgħid liema kienu dawk l-entitajiet, dipartimenti jew awtoritajiet fid-dekasteru tiegħu li applikaw għal xi forma ta' fondi mill-Unjoni Ewropea matul is-snin 2021 u 2022? Jista’ jgħid għal liema fondi applikaw u x’kien l-eżitu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ntgħażlu dawn il-proġetti: Direttorat/Entità f'liema sena saret l-applikazzjoni tal-fondi (2021/2022) Għal liema fondi saret l-applikazzjoni EkoGħawdex 2021 Proġett MED-WET - MCST - PRIMA Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta' Għawdex 2022 Horizon Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta' Għawdex 2022 Erasmus + Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta' Għawdex 2022 Horizon Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta' Għawdex 2022 Clean Energy for EU Islands

Applikazzjonijiet għall-akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6238 u jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-akkomodazzjoni soċjali? Jista' jgħid kemm minn dawn huma għall-akkomodazzjoni f’Malta u kemm f’Għawdex? Jista' jgħid mis-sena 2018 sal-lum, sena b’sena, kemm ġew allokati units ġodda lill-applikanti li kienu fuq il-waiting list, f’liema lokalitajiet kienu dawn il-units u jekk f’kull każ dawn il-units humiex proprjetà tal-Gvern jew proprjetà tal-privat li ġew mikrija mill-Gvern għal dan l-iskop?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar għandha 1462 applikazzjonijiet pendenti għall-akkomodazzjoni soċjali. Minn dawn, 1423 jixtiequ akkomodazzjoni f’Malta filwaqt illi 39 jixtiequ akkomodazzjoni f’Għawdex. Mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-lum*, l-Awtorità tad-Djar allokat 1428 proprjetà lill-applikanti. L-informazzjoni mitluba dwar il-lokalitajiet tal-units u jekk humiex proprjetà tal-Gvern jew mikrija mill-privat qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. *22 ta’ Frar 2023

Għawdex — spiża u xogħol fuq football grounds

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6240 u jgħid mis-sena 2019 sal-lum kemm kienet l-ispiża totali fuq football grounds f’Għawdex min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża fuq kull ground partikolari u x’kien ix-xogħol li sar? Jista' jgħid ma’ kull football ground f’Għawdex kemm hemm ħaddiema assenjati mill-Ministeru għal Għawdex jew minn xi skema u x’inhu x-xogħol ta' kull ħaddiem? Jista' jgħid liema xogħol fadal isir fuq il-grounds tal-Qala u tan-Nadur u meta mistenni jsir dan ix-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa tħallsu €18,222,08 (excl VAT) fuq xogħol li sar fil-grawnd tal-futbol tan-Nadur.