Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sannat, Għawdex — Triq Xamgħan – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li ssir triq ġdida fi Triq Xamgħan, fis-Sannat peress li din it-triq tinsab fi stat diżastruż ħafna?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Ministeru għal Għawdex għaddej b’ħidma kontinwa fejn tidħol l-infrastruttura madwar il-ġżira, inkluż f’toroq li għal għexieren ta’ snin tħallew jiddeterjoraw minn Gvernijiet Nazzjonalisti.

Għawdex – proġetti ġodda

Question

B'referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret f'Jannar 2018 mill-Ministeru għal Għawdex rigward il-Master Plan għall-Gozo Experimental Farm u l-proġett tal-Petting Farm u faċilitajiet ġodda għall-SPCA u l-Animal Welfare, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi meħtieġa min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u jgħid fiex waslu dawn il-proġetti u jekk tlestewx? Jekk ma tlestewx, x'inhuma r-raġunijiet li għadhom ma tlestewx? Jista’ jgħid kemm kienet in-nefqa globali fuq dawn il-proġetti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ma kompliex fuq dawn il-pjanijiet.

Sejħa CT3014/2022 – proċess ta’ aġġudikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra rigward is-sejħa CT3014/2022 – Provision of Professional Services Incl Architectural, Civil Engineering, Other Supporting Services for the Construction of the New ITS Campus at SmartCity, to Higħ Energy, Env Performance Standards – li għalqet fil-11 ta' Awwissu 2022 u jgħid fiex wasal il-proċess biex tiġi aġġudikata din is-sejħa?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender imsemmi qed jiġi evalwat mid-Dipartiment tal-Kuntratti.

Ministeru għal Għawdex – proġetti b'fondi taħt il-programm LIFE Integrated Project

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti u fejn jinsabu f’Għawdex, li l-Ministeru għal Għawdex applika għalihom kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea taħt il-programm LIFE Integrated Project? Jista’ jgħid liema ġew aċċettati u liema ma ġewx aċċettati biex isiru matul is-snin 2014 sal-2023 mill-programm LIFE Integrated Project u liema saru u liema bħalissa għaddej ix-xogħol fuqhom? Jista’ jgħid ukoll kemm se jingħata flus il-Ministeru għal Għawdex minn dan il-fond fuq kull proġett? Jista’ jgħid jekk hux se jingħata aktar flus u jekk iva, kemm se jingħata minn dan il-fond u għal liema proġetti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiż-żmien indikat il-Ministeru għal Għawdex ma bbenifikax minn tali programm.

Għawdex – spiża u xogħol fuq football grounds

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7404 kollha u jgħid mis-sena 2019 sal-lum kemm kienet l-ispiża totali fuq il-football grounds f'Għawdex min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex u kemm kienet l-ispiża fuq kull ground partikolari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għal Għawdex – nies assenjati ma’ football grounds

Question

Jista' l-Ministru jgħid ma’ kull football ground f'Għawdex kemm hemm nies assenjati mill-Ministeru għal Għawdex jew minn xi skema mħaddma mill-Gvern? Jista' jgħid x’inhu x-xogħol ta' kull ħaddiem ma’ kull ground partikolari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-tmien grawnds tal-futbol f’Għawdex hemm assenjati 15-il ħaddiem. Dawn il-ħaddiema jagħmlu xogħol ta’ watching duties, tindif, manutenzjoni, xogħol klerikali, ġardinara u superviżjoni.

Għawdex — Ċentru għas-Servizzi għall-Anzjani – xogħol u impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa x-xogħol fuq iċ-ċentru għas-Servizzi għall-Anzjani fi Triq ir-Repubblika, fir-Rabat Għawdex? Jista' jgħid kemm hemm persuni impjegati fl-istess Ċentru u f’liema grad huma impjegati dawn il-persuni?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-Ċentru Servizz Anzjan huwa mmexxi minn Senior General Practionioner, li hu l-istess wieħed li jmexxi Dar Padova. Miegħu hemm impjegata waħda u għaxar ħaddiema li huma pprovduti mill-kuntrattur, li jagħmlu xogħol amministrattiv, customer care, receptionist, cleaners u uffiċjali tas-sigurtà. Dwar l-ispejjeż relatati ma' dan l-uffiċċju ninforma lill-Onor. Interpellant li l-maġġoranza tax-xogħlijiet ta’ ristrutturar saru mill-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva kif ukoll intużat il-maġġoranza tal-għamara li kienet diġà fil-binja. Għaldaqstant l-ispejjeż ta’ ristrutturar kienu minimi u ammontaw għal €47,638.25 (VAT inkluża).

Għajnsielem – Dar tal-Anzjani San Ġużepp – xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-data ta’ meta d-Dar tal-Anzjani San Ġużepp, fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem, għandha tiġi inawgurata u tilqa' fiha l-ewwel anzjani, peress li x-xogħol fuq din id-dar issa ilu li nbeda aktar minn tmien snin u nofs imma għadha fi stat ta’ ġebel u saqaf? Jista’ jgħid jekk l-appell rigward is-sejħa CT2281/2019 – Tender to Finish, Furnish, Equip, Operate, Manage, Maintain and Transfer Back Dar San Gużepp, Għajnsielem, Gozo as a Long-Term Care Facility for Elderly with Environmental Friendly items – quddiem il-PCRB u fil-Qorti tal-Appell ġiex deċiż u x' kien l-eżitu u x’inhu jsir bħalissa fuq dan il-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 7859.

Għajnsielem – Dar tal-Anzjani San Ġużepp – parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il parkeġġ ser ikollha d-Dar tal-Anzjani San Ġużepp, fi Triq l-Imġarr, f'Għajnsielem?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dar tal-Anzjani fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem, ser ikollha 22 parkeġġ.

Rabat, Għawdex – akwadott – xogħol ta’ konsolidazzjoni strutturali tal-pedamenti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-proġett ta’ konsolidazzjoni strutturali tal-pedamenti u l-konservazzjoni tal-akwadott fir-Rabat, Għawdex, li ilu jiġi mwiegħed f’diversi baġits f’dawn l-aħħar snin? Jista’ jgħid jekk inħarġitx is-sejħa u ġietx awarded għal xogħol ta' konsolidazzjoni strutturali tal-pedamenti u l-konservazzjoni tal-akwadott? Jista’ jgħid ukoll bejn wieħed u ieħor meta hu ppjanat li jinbeda x-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti għadha ma ħarġitx.

Għawdex – Xlendi – proġett ta’ riġenerazzjoni tal-parkeġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta bdew u fiex waslu l-konsultazzjonijiet bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma dwar il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi? Tista’ tgħid jekk intlaħaqx ftehim reċiproku u jekk iva, fiex jikkonsisti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3679, ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjonijiet bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Ministeru għal Għawdex għadhom għaddejjin. L-għan aħħari u ewlieni tal-Korporazzjoni huwa li l-lokalità tkun provduta b’servizz aħjar tas-sistema tad-drenaġġ b’mod li tkun tlaħħaq mad-domanda.

Ministru għal Għawdex – laqgħat barra minn Malta fuq xogħol ministerjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba attenda laqgħat barra minn pajjiżna u fejn, in konnessjoni max-xogħol Ministerjali mil-1 ta Jannar 2022 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll min akkumpanjah f’kull safra (isem, kunjom u pożizzjoni) u kemm kienu l-ispejjeż relattivi tal-vjaġġ u l-akkomodazzjoni?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 7283.

Triq li twassal għall-Bajja tal-Ħondoq – xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3651 li ngħatat fl-14 ta' Novembru 2022 dwar x'qed isir fil-parti tat-triq li twassal għall-Bajja ta' Ħondoq li bdiet tisfronda, peress li din it-triq kien sar xogħol fuqha fi żmien il-Ministru Refalo iżda ftit wara bdiet tisfronda, fejn ġie mwieġeb li x-xogħlijiet huma ppjanati li jsiru ladarba jiġi pproċessat it-tender, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tender ġiex ipproċessat u jindika meta, bejn wieħed u ieħor, hu maħsub li jibda x-xogħol meħtieġ fuq l-imsemmija triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għadu qed jiġi proċessat.

Żebbuġ Għawdex – Bajja ta’ Marsalforn – applikazzjoni PA/02106/21

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'sar s’issa, x'qiegħed isir bħalissa u x'hemm maħsub li jsir dwar l-applikazzjoni PA/02106/21 ERA Reference: EA/00004/21; Project Title: Coastal defence system at Marsalforn Bay consisting of the reconstruction of Santa Marija breakwater, construction of a rubble mound berm on the Menqa site, two rubble mound groins at the valley outfall and replenishment of the beach; Location: Site at, Il-Bajja Ta' Marsalforn, Marsalforn, Żebbuġ (Gozo)?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal din l-applikazzjoni bħalissa qed jiġi valutat l-impatt tal-proġett għall-istudji tekniċi tal-EIA bħala parti mill-applikazzjoni skont it-termini stabbiliti mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi.

Għawdex – torrijiet u fortizzi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7365, jaħseb il-Ministru li l-Għar tal-Mixta fin-Nadur, li skont it-tweġiba tiegħu huwa mikri lil terzi, għandu jittieħed lura mill-Gvern, stante li dan huwa Għar ta' importanza kbira u qed iżuruh eluf ta' turisti u Maltin kull xahar peress li spiċċa wieħed mill-postijiet l-aktar imfittxijin f'Għawdex u jinsab fi stat li qed tiġrilu ħsara kbira peress li ħadd mhu qed jieħu ħsieb il-manutenzjoni tiegħu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalissa m’hemmx ħsieb li tiġi tterminata l-kirja attwali.

Nadur, Għawdex – Għar tal-Mixta – kuntratt tal-kirja

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-kirja lill-individwu jew individwi privati tal-Għar tal-Mixta fin-Nadur, Għawdex? Jista' jgħid x'qed iżomm lill-Gvern milli jittermina l-kirja ta' dan is-sit ta' importanza kbira għat-turiżmu f'Għawdex u jittieħed lura mill-Gvern u ssir il-manutenzjoni li hemm bżonn?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-qbiela preżenti ilha tiġedded sens b’sena mil-1982.

Għawdex – Għajnsielem – ħaddiema f’Dar Padova

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-preżent hemm ħaddiema f’Dar Padova f'Għajnsielem, xi grad huma u kemm ilhom jaħdmu hemm?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’Dar Padova hemm tnejn u tletin ħaddiem kif ġej: Numru ta’ ħaddiema Grad Data ta’ Meta l-Ħaddiema bdew jaħdmu Dar Padova 1 Senior General Practitioner Ottubru 2022 1 Senior Nursing Manager Novembru 2022 2 Charge Nurses Awwissu 2016 u Jannar 2022 1 Staff Nurse Diċembru 2018 1 Senior Health Carer Diċembru 2022 1 Clerk Marzu 2023 14 Assistant Care Workers Jannar 2015, Ġunju 2015, Settembru 2015, Marzu 2016, Awwissu 2016, Settembru 2016, Marzu 2017, Mejju 2017, Mejju 2019 5 Security Officers Frar 2015, Mejju 2015, Awwissu 2016 u Lulju 2022 2 Handymen Marzu 2016 u Frar 2017 2 Cleaners Jannar 2016, Awwissu 2016 2 Drivers Ottubru 2022 u Novembru 2022

Paga medja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet il-paga medja f'Malta f'għeluq is-sena 2021 u 2022 rispettivament u kemm kienet il-paga medja għal dawk li jaħdmu f'Għawdex f'għeluq is-sena 2021 u 2022?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi skont it-tabella hawn taħt: 2021 2022 Malta 19,861 20,945 Gozo 18,258 21,226 Total 19,755 20,961 Dawn il-figuri jinkludu kemm impjegati li jaħdmu full-time u anke part-time jew full-time with reduced hours. Din l-informazzjoni mhix disponibbli għal persuni li jaħdmu għal rashom. Is-salarju nħadem abbażi tas-salarju bażiku annwali medju (average annual basic salary) tal-impjieg prinċipali. L-ammonti ma jinkludux dħul minn overtime, bonuses jew allowances. Is-sors ta’ din l-informazzjoni huwa l-Istħarriġ dwar il-Ħaddiema u s-Suq tax-Xogħol (LFS).

Għawdex – Sannat – Xogħlijiet fi Triq Sannat

Question

B'referenza għax-xogħlijiet li tlestew f'dawn l-aħħar xhur fi Triq Sannat, it-triq prinċipali li twassal għar-raħal Ta' Sannat, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet ġiet awarded din it-tender u kemm kienet l-ispiza finali fuq din it-triq? Jista’ jgħid min kien il-perit (isem u kunjom) inkarigat mix-xogħol li sar u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din il-parti tat-triq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista’ jgħid jekk sarux quality control tests u jekk iva, min għamilhom, meta saru u jqegħidhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid jekk sarux quantity surveyor reports fuq ix-xogħol li sar u jekk iva, min għamilhom, meta saru u jqegħidhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Għawdex – triq arterjali bejn in-Nadur u Għajnsielem – speed limit

Question

Peress li fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 7312 u 6082 ġie mwieġeb li s-sinjali kollha tat-traffiku kemm ta’ Triq l-Imġarr kif ukoll ta’ Triq Sant’ Antnin saru b’konsultazzjoni ma’ Transport Malta, jista' l-Ministru jgħid min irrakkomanda li l-ispeed limit ta' triq arterjali li saret mill-ġdid bejn in-Nadur u Għajnsielem tkun ta' 30 kilometru fis-siegħa matul it-triq kollha? Jista' jispjega kif imbagħad fi Triq Sant'Antnin li fiha r-residenzi fiha u parti minnha hija dejqa ħafna, fil-preżent ma jgħaddux żewġ vetturi fid-direzzjoni opposta, l-ispeed limit huwa ta' 50 kilometru fis-siegħa? Jista' jgħid min irrakkomanda hekk u għaliex ġie rrakkomandat hekk?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 7569 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.