Għawdex u Kemmuna — proprjetajiet mogħtija b’encroachment
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' proprjetajiet li ngħataw b'encroachment mit-8 ta' Marzu 2013 sal-lum, inkluż lil min ingħataw, għal liema skop u kemm ġew mitluba jħallsu, ġewwa Għawdex u Kemmuna?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' proprjetajiet li ngħataw b'encroachment mit-8 ta' Marzu 2013 sal-lum.
Kull encroachment ġewwa Għawdex u Kemmuna huwa suġġet għar-rati msemmija fit tabella.
Encroachment
Prezz
Tables and Chairs
€23.29 kull sqm
Tables and Chairs
€46.58 kull sqm (jekk hemm kanupew fiss)
Tower cranes
€5000
Vending machines
€100
Water dispensers
€150
Billboards
€1500
Kull tip ta' enchroachment li mhux qeda fit-tabella huma suġġetti għal valutazzjoni tal-Perit.
Rabat, Għawdex – Triq San Anard – inċidenti kawża ta’ sewqan eċċessiv jew abbużiv
Question
Fid-dawl tal-inċidenti riċenti li seħħew fi Triq San Anard, ir-Rabat Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu jew beħsiebu jieħu l-Gvern jew l-entitajiet tiegħu biex tiġi indirizzata l-problema ta' sewqan eċċessiv jew abbużiv f'din it-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għal Għawdex — investiment f’bini ta’ rotot ġodda għar-roti
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3958 rigward il-€35 miljun li se jiġu investiti minn Infrastructure Malta fuq medda ta’ ħames snin sabiex f’Malta jinbnew rotot ġodda għar-roti ħalli kull min irid jagħmel użu minn dan it-trasport alternattiv ikun jista’ jagħmel dan b’mod sigur, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il miljun se jinvesti l-Ministeru għal Għawdex biex jinbnew rotot ġodda għar-roti ġewwa l-gżira ta' Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fejn ikun possibbli tkun inkluża lane għar-roti bħalma ġara fi Triq iż-Żewwieqa fil-Qala, u bħal kif inhu propost għat-triq li mir-Rabat twassal għal Marsalforn.
Ministeru għall-Edukazzjoni – talbiet minn ħaddiema għal transfers f’Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5395 u jgħid kemm kien hemm talbiet għal trasferiment minn ħaddiema u xi grad huma, li jaħdmu mal-Ministeru għall-Edukazzjoni biex imorru jaħdmu f'xi dipartiment jew entità oħra mal-Ministeru għal Għawdex f'Għawdex mill-1 ta' Jannar 2020 sal-lum? Kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, u fejn marru jaħdmu dawn il-ħaddiema li t-talba tagħhom ġiet milqugħa? Jista' jgħid fil-preżent kemm hemm talbiet pendenti?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ma jagħmilx distinzjoni bejn trasferimenti li jiġu mitluba minn Uffiċjali Pubbliċi, trasferimenti li jsiru minħabba l-esiġenzi tas-Servizz jew trasferimenti meta l-uffiċjali kkonċernati ħadu ħatra jew promozzjoni.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – ħaddiema Għawdxin
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5396 u jgħid kemm kien hemm u preżentement kemm hemm ħaddiema Għawdxin jaħdmu ġewwa Malta f'dipartimenti, awtoritajiet, aġenziji u entitajiet governattivi li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu sena b’sena mis-sena 2020 sal-lum? Jista' jgħid preżentement dawn il-ħaddiema ma' liema dipartimenti, awtoritajiet, aġenziji u entitajiet governattivi qed jaħdmu mal-Ministeru tiegħu u xi grad huma?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub rigward il-ħaddiema li jidher li għandhom indirizzz fuq Għawdex huwa kif ġej:
Sena
Servizz Pubbliku
Aġenziji
2020
18
6
2021
18
9
2022
46
14
2023
45
15
Ministeru għal Għawdex – ħaddiema sekondati jew on loan
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5397 u jgħid kemm kien hemm u kemm hemm ħaddiema seconded jew on loan mal-Ministeru għal Għawdex, sena b'sena u xahar b’xahar mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid x'tip ta’ xogħol qed jagħmlu mal-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid x’kien ix-xogħol tagħhom (il-grad jew job description) u ma’ liema Ministeru, entità, awtorità, korporazzjoni, aġenzija jew kumpanija tal-Gvern kienu jaħdmu qabel ġew seconded jew ġew on loan mal-Ministeru għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tingħata f’xi seduta oħra.
Għawdex – użu ta’ faċilitajiet għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema faċilitajiet f’Għawdex se jintużaw għal xi parti mil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li mistennija jsiru f’Malta dalwaqt? Liema dixxiplini se jsiru f’dawn il-faċilitajiet? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm faċilitajiet oħrajn li kienu qed jiġu kkonsidrati li jintużaw għal dawn il-logħob, iżda issa mhux se jintużaw u fil-każ, x’inhi r-raġuni?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2951 dwar fiex wasal il-proġett tal-Għar ta' Calypso fix-Xagħra Għawdex, liema għar issa ilu magħluq għall-pubbliku għal diversi snin peress li kienet ċediet parti minnu u in vista tal-fatt li ż-żewġ Ministri ta' qablu ddikjaraw kemm-il darba li x-xogħol kien wasal biex jibda u li dalwaqt jerġa’ jinfetaħ, fejn kien ġie mwieġeb “li l-Ministeru għaddej bil-konsultazzjonijiet mal-entitajiet meħtieġa biex eventwalment ikunu jistgħu jinkisbu l-permessi", peress li din it-tweġiba ngħatat fil-31 ta’ Ottubru 2022, jista’ l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar ħames xhur x'tip ta' konsultazzjonijiet mal-entitajiet meħtieġa saru, ma’ min saru, xi progress sar u meta hu maħsub li, bejn wieħed u ieħor, ikunu jistgħu jinkisbu l-permessi meħtieġa biex eventwalment ikun jista’ jibda x-xogħol meħtieġ?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru l-konsultazzjonijiet mal-entitajiet ikkonċernati u ġew riveduti l-pjanti biex il-proġett jokkupa spazju li hu diġà kompromess minn żvilupp preċedenti. Il-pjanti finali se jiġu sottomessi lill-Awtorità tal-Ippjanar f’dawn il-ġimgħat biex ikun jista' jitkompla l-proċess ħalli jinħarġu l-permessi neċessarji biex ikun jista' jibda x-xogħol.
Għawdex – Port tal-Imġarr – Rilokazzjoni għall-membri tal-AFM
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet ir-rilokazzjoni, u meta se sseħħ, għal post aħjar li minnu joperaw is-suldati tal-komponent marittimu u tal-EOD fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) fil-Port tal-Imġarr, Għawdex?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi l-imsemmija taħdidiet saru u ġie possibbilment identifikat post alternattiv ta’ rilokazzjoni. Dan l-aħħar ġiet stabbilita ta’ min hija l-art, u issa ha jibda proċess ta’ diskussjoni bejn id-dipartimenti konċernati.
Rabat, Għawdex — Triq it-Tabib Anton Tabone – problema tal-ilma tax-xita
Question
Jista' l-Ministru jgħid għandux xi pjanijiet u fiex jikkonsistu u meta huma ppjanati li jiġu mwettqa u fl-immedjat x'se jsir sabiex tiġi solvuta l-problema tal-ilma tax-xita fi Triq it-Tabib Anton Tabone, fir-Rabat Għawdex, peress li kull meta tagħmel ix-xita, id-djar tar-residenti ta' din it-triq qed jimtlew bl-ilma u qed ikun hemm ukoll periklu kbir f'din l-imsemmija triq kull meta tagħmel ħafna xita?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Ministeru għal Għawdex qiegħed jagħmel xogħol ta’ storm water culvert fi Triq Santa Domenica biex tiġi indirizzata l-problema tal-ilma tax-xita. Hekk kif jitlesta dan il-proġett, il-Ministeru se jimbarka fuq proġetti ġodda biex jassigura li jittaffew il-problemi tal-ilma tax-xita fir-Rabat.
Rabat, Għawdex – Triq it-Tabib Anton Tabone – problema tal-ilma tax-xita
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2426 li ngħatat fid-19 ta' Ottubru 2022, fejn kien ġie mwieġeb li “bħalissa l-Ministeru qiegħed iħejji pjan infrastrutturali għas-snin li ġejjin”, jista’ l-Ministru jgħid meta nbeda u minn min qed isir, fiex jikkonsisti u fiex wasal il-proċess ta' tħejjija min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex rigward il-“pjan infrastrutturali għas-snin li ġejjin”?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dawn l-aħħar ġimgħat beda x-xogħol ta’ culvert ġdid fi Triq Santa Domenica, liema xogħol huwa relatat mal-problemi msemmija fi Triq it-Tabib Anton Tabone.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2420 li ngħatat fit-18 ta' Ottubru 2022 rigward Triq il-Wardija, il-Qala Għawdex, u xogħol biex tinbidel is-sistema tad-drenaġġ u t-tarmak tat-triq kollha kemm hi, fejn ġie mwieġeb “li x-xogħol fuq din it-triq ser jibda fil-ġimgħat li ġejjin”, jista’ l-Ministru jgħid għaliex għaddew aktar minn ħames xhur u x-xogħol għadu ma bediex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol marbut ma’ din it-triq mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħarġu avviżi pubbliċi a tenur tal-artikolu 8 tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378, sena b’sena mill-2017 sal-2022?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba rigward kemm inħarġu avviżi pubbliċi a tenur tal-artikolu 8 tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378, qiegħda tiġi ppreżentata fit-tabella t’hawn taħt:
Sena
Nru ta’ Avviżi Pubbliċi Maħruġa
2017
6
2018
11
2019
4
2020
3
2021
0
2022
1
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm avukati in-house impjegati mal-Awtorità tal-Ippjanar? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx avukati fuq bażi ta’ retainer mal-Awtorità tal-Ippjanar u jekk hemm, kemm jitħallas kull siegħa kull wieħed minnhom?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent, l-Awtorità tal-Ippjanar timpjega magħha żewġ avukati in-house. L-Awtorità tagħmel ukoll użu mis-servizzi ta’ ditta t’avukati fuq bażi ta’ retainer. Il-ħlas relattiv hu ta’ €69.23 fis-siegħa, VAT eskluża.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm avukati in-house impjegati mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA)? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx avukati fuq bażi ta’ retainer mal-ERA u jekk hemm, kemm jitħallas kull siegħa kull wieħed minnhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm żewġ avukati ingaġġati fl-uffiċċju legali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi. M’hemm ebda avukat ingaġġat fuq bażi ta’ retainer mal-istess Awtorità.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati mal-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi (MRA) u, f’kull każ, x’inhu l-grad u l-professjoni ta’ kull impjegat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minbarra l-Aġent Kap Eżekuttiv li huwa Inġinier, mal-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi (MRA) hemm jaħdmu għaxar impjegati. Dawn jinkludu Analyst II u Analyst I, li t-tnejn huma wkoll Inġiniera, u Financial Controller li huwa Accountant. Hemm ukoll Team Leader, Senior Analyst u ħames Project Officers, li kollha huma gradwati fix-xjenza jew f’suġġett relatat.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati mal-aġenzija Project Green u x’inhu l-grad u l-professjoni ta’ kull impjegat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament hemm 107 impjegati ma’ Project Green. Billi l-aġenzija inkorporat fi ħdanha l-operat ta’ Parks Malta għaddej eżerċizzju t'assimilazzjoni.
Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet — membri
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7191 u jgħid jekk ġewx maħtura l-membri tal-Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet stabbilit skont l-Att dwar ir-Regolament ta’ Ċerti Xogħlijiet f’Utilitajiet u Servizzi, Kap. 81? Jekk inħatru l-membri jista’ jgħid min huma, meta ġew maħtura u għal kemm żmien hi l-ħatra ta’ kull wieħed minnhom?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tal-Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet għadhom fil-proċess li jinħatru.
Nadur, Għawdex – Triq it-Tiġrija – ftuħ ta’ dar tal-anzjani
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dar tal-anzjani li kellha tinbena fi Triq it-Tiġrija, in-Nadur, u li waħda mill-predeċessuri tiegħu kienet għamlet konferenza tal-aħbarijiet biex tħabbar il-bini u l-ftuħ ta' din id-dar, għadhiex taqa' taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħu u jekk iva, fiex wasal il-proċess? Jekk le, taħt liema Ministeru għadda dan il-proġett wara li kien tħabbar b'tant pompa mill-Gvern Laburista fl-ewwel leġiżlatura tiegħu?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett ma jaqax taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għall-Anzjanità Attiva u biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għal Għawdex – Intervention Unit — ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex li qed jaħdmu fl-Intervention Unit? X’inhu l-grad ta’ kull ħaddiem?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tim tal-Intervention Unit huwa kompost minn 16-il ħaddiem. Il-gradi jvarjaw minn Chief Scientific Officer sa Motor Transport Driver.