Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema li jaqgħu taħt l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) stazzjonati f’Kemmuna, sena b'sena, f'dawn l-aħħar għaxar snin u fil-preżent? X’inhu x-xogħol ta’ kull wieħed minnhom f’Kemmuna matul is-sena?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-Awtoritá Maltija għat-Turiżmu m’għandhiex ħaddiema li huma speċifikament stazzjonati f’Kemmuna, iżda għandha ħaddiema fi ħdan l-uffiċċju tagħha ġewwa Għawdex li jagħmlu xogħol ġewwa Kemmuna fix-xhur tas-sajf. Dan ix-xogħol jikkonsisti f’sorveljanza u mmaniġġar tal-bajjiet. Dawn il-ħaddiema bdew jiġu assenjati xogħol f’Kemmuna mis-sena 2014 ’l hawn.
Ministeru għall-Agikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — ħaddiema stazzjonati f'Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fl-uffiċċju tal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali ġewwa Għawdex u f’liema grad huma? Jista' jgħid x'servizzi qed jingħataw f’Għawdex mill-Ministeru tiegħu minn dan l-uffiċċju?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-uffiċċju tal-AgriConnect ġewwa Għawdex iservi bħala punt ta’ riferiment lill-bdiewa u r-raħħala fejn jiġu assistiti meta jiltaqgħu ma’ xi diffikultajiet marbutin ma’ skemi u servizzi amministrati mid-Direttorat għall-Agrikoltura. Fost in-numru ta’ servizzi offruti, bdiewa u raħħala jistgħu jibbenefikaw mis-servizz tal-ippjanar tal-uċuħ, liema servizz huwa marbut ma’ numru ta’ servizzi oħra bħal dawk ta’ aċċess għall-fondi Ewropej u pjanijiet ta’ fertilizzanti. Ta minn isemmi wkoll li l-uffiċċju jservi wkoll bħala post fejn bdiewa u raħħala jistgħu jħallu kampjuni ta’ ħamrija jew ilma sabiex jittieħdu fil-laboratorji għall-analiżi.
Jista’ l-Ministru jgħid xi rwol u funzjonijiet għandha l-Aġenzija Maltija għall-Ikel ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Ministeru tiegħu, permezz tal-Aġenzija Maltija għall-Ikel, jibda jopera s-suq tal-bdiewa ġewwa l-gżira ta' Għawdex bħalma qed isir f'diversi postijiet f’Malta?
Response (REFALO, ANTON)
Il-Malta Food Agency (MFA) twaqqfet biex tagħti servizzi pubbliċi fir-rigward tal-ikel li ġej mill-biedja u s-sajd. Wara s-suċċess li kellu s-suq tal-bdiewa ġewwa Ta’ Qali u reċentement dak tal-Birgu, il-Malta Food Agency li hi responsabbli wkoll għas-swieq, qed tevalwa l-possibbiltà li jkun hemm iktar swieq tal-bdiewa f’lokalitajiet differenti fosthom ukoll ġewwa Għawdex.
Ministeru għal Għawdex – ħaddiema stazzjonati f’Kemmuna
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu li huma stazzjonati f’Kemmuna u minn liema dipartiment ġejjin dawn il-ħaddiema? X’inhu x-xogħol ta’ kull wieħed minn dawn il-ħaddiema f’Kemmuna matul is-sena?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 18-il ħaddiem inaddfu Kemmuna b’mod partikolari l-area tal-blue Lagoon. Kuljum qed iniżżlu madwar tunnellata u nofs skart.
Ministru għal Għawdex – laqgħat barra minn Malta fuq xogħol ministerjali
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7573 fl-intier tagħha u jgħid min akkumpanjah f'kull safra (isem, kunjom u pożizzjoni) u kemm kienu l-ispejjeż relattivi tal-vjaġġ, akkomodazzjoni u spejjeż oħrajn għal kull safra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Deċiżjonijiet mill-FIAU dwar penalitajiet sostanzjali
Question
B’referenza għad-diversi deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) matul dawn l-aħħar snin, fejn ġew imposti penalitajiet sostanzjali, li f’ħafna mill-istanzi dawn qed jiġu kkontestati b’suċċess quddiem il-qrati (Sede Kostituzzjonali) bħala li huma bi ksur tal-artikolu 39(1) tal-Kostituzzjoni, u dan fid-dawl tad-deċiżjonijiet diġà meħuda mill-Qrati, bħas-sentenzi li l-informazzjoni dwarhom qed tintbagħat separatament, jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex qed jiġi kkonsidrat x’miżuri leġiżlattivi jistgħu jittieħdu biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni dwar il-penalitajiet li qed tkompli timponi l-FIAU?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi niċċara li sa issa kien hemm biss deċizjoni waħda, dik fir-rigward ta' Phoenix Payments Limited vs L-Avvukat tal-Istat u l-FIAU, u din mill-Qorti Ċivili, Prim'Awla, fil-ġuriżdizzjoni kostituzzjonali tagħha, fejn il-provvedimenti tal-Att kontra l-Money Laundering (l-Att) u tal-leġiżlazzjoni sussidarja maħruġa taħtu, li jagħtu s-setgħa u jpoġġu obbligu fuq il-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (il-Korp) li jimponi multi amministrattivi, u mhux l-aġir tal-istess Korp, ġew meqjusa bħala li jiksru ċertu provvedimenti kostituzzjonali.
Din id-deċiżjoni hija tat-tħassib għal dak li għandu x’jaqsam mal-mekkaniżmu ta’ infurzar fuq ksur tar-regolameni kontra l-ħasil tal-flus, speċjalment meta l-pajjiż għadu kemm għadda mill-proċess tal-greylisting tal FATF proprju minħabba li kien hemm nuqqas ta' infurzar effettiv kontra ksur ta’ dan it-tip.
In vista
ta’ dan, kemm il-Korp u kif ukoll l-Avvukat tal-Istat ħassew li għandhom l-obbligu li jeżerċitaw id-dritt ta’ appell tagħhom quddiem il-Qorti Kostituzzjonali fl-aħjar interess tal-Pajjiż u fil- fatt jien infurmat li ż-żewġ entitajiet ippreżentaw appell minn din id-deċiżżjoni.
Għalhekk id-deċiżjoni tal-Qorti tal-ewwel grad għadha mhijiex waħda finali.
Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet — membri
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7809, jista’ l-Ministru jagħti ħjiel dwar meta se jinħatru l-membri tal-Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet għadu fil-proċess biex jiġu maħtura l-membri tal-Bord.
Jista’ l-Ministru jgħid sal-aħħar ta' Marzu 2023 kemm kien hemm ħaddiema fil-Ministeru tiegħu fil-grad ta' Foreman; Foreman Roads; Foreman Carpentry; Foreman Agriculture; u Foreman Cleansing? Jista’ jgħid ukoll ma’ liema Direttorat/Diviżjoni fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex jaħdmu? Jista’ jgħid kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 8290 Ministeru għal Għawdex - ħaddiema - 1 Final.pdf
Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur)/proċedimenti
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17435 li saret fil-Leġiżlatura XIII, tista’ l-Ministru tgħid jekk minn dakinhar li ngħatat it-tweġiba, u ċjoè fis-7 ta’ Diċembru 2020 s’issa, itteħdux xi proċedimenti ġudizzjarji mid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) a tenur tal-artikolu 12(5) jew dispożizzjonijiet oħra applikabbli għall-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378? Jekk ittieħdu, tista’ l-Ministru tgħid f’kull każ dwar liema materjal kien jittratta r-rikors magħmul mid-Direttur Ġenerali quddiem il-Qorti Ċivili u x’kien l-eżitu finali tal-proċeduri meħuda?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 17435 li saret fil-Leġiżlatura XIII (ċjoè fis-7 ta’ Diċembru 2020) s’issa ma ġewx istitwiti proċeduri ġudizzjarji skont l-artikolu 12(5) tal-Kap. 378 jew taħt xi dispożizzjonijiet oħra applikabbli taħt l-istess Att.
Bħalissa qegħdin jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-artikolu 12(2) tal-Kap. 378 (bidu ta’ investigazzjonijiet) fil-konfront ta’ xi kummerċjanti li jistgħu jwasslu biex jinfetħu proċeduri ġudizzjarji.
MCCAA — Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) - allegat ksur tal-Kap. 379
Question
Tista’ l-Ministru tgħid, sena b’sena mill-2019 sal-lum, kemm-il proċediment - irrispettivament mill-mod kif deskritti - sar da parti tad-DG Kompetizzjoni, fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), quddiem il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Kummerċ) minħabba allegat ksur tal-Att dwar il-Kompetizzjoni, Kap. 379, jew ta’ xi liġijiet magħmula taħt l-istess? Tista’ tgħid ukoll kull proċediment dwar xiex kien jittratta, u jekk ġie konkluż il-każ x’kien l-eżitu finali?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2019 sal-lum kien hemm proċediment wieħed li kien qiegħed qed jinstema quddiem il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Kummerċ) fejn ingħatat sentenza fir-rigward.
Il-proċediment kien jirrigwardja allegat abbuż ta’ dominanza mill-Enemalta fil-konfront ta’ terzi intrapriżi fis-suq upstream għall-provvista ta’ faċilitajiet għall-ħażna u throughput tal-fuel Jet A1 u fis-suq downstream rigward il-provvista ta’ refuelling tal-fuel Jet A1 fl-ajruplani fl-ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Fis-sentenza li ngħatat fis-17 ta’ Ġunju 2020 il-Qorti ikkonkludiet li l-Enemalta abbużat minn pożizzjoni dominanti bi ksur tal-Att dwar il-Kompetizzjoni u bi ksur tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Is-sentenza ma hijiex waħda finali peress li ġiet appellata.
Jista’ l-Ministru jgħid x'għamel s'issa u x’beħsiebu jagħmel fil-futur qarib rigward Triq Għajn Mhelhel li miż-Żebbug Għawdex twasslek għax-Xwejni peress li f’dawn l-aħħar xhur f'parti minn din it-triq, proprju fil-kantuniera qrib id-daħla tax-Shooting Range, it-triq bdiet iċċedi u tisfronda? Jista’ jgħid jekk fil-preżent hemmx periklu għan-nies u għall-vetturi li jgħaddu minn din l-imsemmija triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għaddew diversi ġimgħat u għadu ma sarx ix-xogħol meħtieġ u ma nbeniex mill-ġdid il-ħajt li waqa’ fil-Wied ta' Żejta fi Triq is-Sellum? Jista’ jgħid meta bejn wieħed u ieħor ser jinbena mill-ġdid dan il-ħajt biex tiġi evitata xi diżgrazzja u jitneħħa l-periklu kbir li hemm fil-preżent?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ xogħlijiet inbdew fuq parti minn Triq Santa Dminka, fir-Rabat Għawdex, f’dawn l-aħħar ġimgħat u fiex jikkonsistu? Jista’ l-Ministru jgħid x’fadal isir u meta hu ppjanat bejn wieħed u ieħor li jitlesta x-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Project Green – tħawwil ta’ siġar u arbuxelli f’Għawdex
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena kemm intefqu flus minn Project Green fil-gżira ta' Għawdex fi tħawwil ta’ siġar u arbuxelli? Tista’ tgħid kemm tħawlu siġar u arbuxelli, ta' liema speċi u fejn tħawlu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Infurmata li Project Green b’kollaborazzjoni mad-Direttorat ecoGozo fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ser tkun qed twettaq proġett f’Wied tal-Grixti, liema wied jagħmel parti mill-catchment area ta’ Wied il-Lunzjata. L-interventi li ser isiru bħala parti minn dan il-proġett jinkludu xogħol ta’ tindif ġenerali u tħammil, restawr tal-ħitan tas-sejjieħ, kif ukoll jitneħħew speċi aljeni u invażivi biex flokom jitħawlu siġar u arbuxelli adattati għall-widien.
Dawn l-interventi se jkunu ko-finanzjati minn fondi permezz tal-proġett LIFE Integrated Project u għandhom l-għan li jirriabilitaw il-wied, b’mod li jżidu fiż-żamma tal-ilma ġieri u jħarsu l-bijodiversità.
Barra minn hekk, ftit wara li twaqqfet fil-bidu ta’ din is-sena Project Green nediet l-iskema Community Greening Grant. Entitajiet bħalma huma NGOs, skejjel u l-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex ingħataw l-opportunità biex jipproponu proġetti għal tisbiħ ambjentali fil-komunità li jinkludu tħawwil ta’ siġar u arbuxelli. L-aġenzija rċeviet 72 applikazzjoni għal din l-iskema u l-proġetti li jkunu approvati ser jingħataw 90% tal-infiq permezz ta’ fondi Ewropej.
Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, nirreferi wkoll lill-Onor. Interpellanet għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7905.
Għawdex – Skejjel tal-Istat — nazzjonalità tal-istudenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hu n-numru ta' studenti f'kull skola tal-Gvern li hemm f'Għawdex u f'kull każ jgħid kemm minnhom huma ta' nazzjonalità Maltija u kemm minnhom huma ta' nazzjonalità barranija?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt:
Skola
Studenti ta' nazzjonalità Maltija
Studenti ta' nazzjonalità barranija
Total ta' studenti fl-Iskola
Skola Primarja Karmni Grima Gharb
109
12
121
Skola Primarja Anton Cassar Ghajnsielem
157
15
172
Skola Primarja Peter Paul Grech Kercem
105
6
111
Skola Primarja Sir Arturo Mercieca Rabat
280
52
332
Skola Primarja Dun Salv Vella Nadur
187
15
202
Skola Primarja President Anton Buttigieg Qala
101
20
121
Skola Primarja D. Salv Portelli San Lawrenz
30
7
37
Skola Primarja u
Special Unit
Ġu¿è Aquilina Sannat
195
19
214
Skola Primarja Patri Mattew Sultana Xagħra
241
56 (including 26 at the Hub)
297
Skola Primarja Roza Magro Xewkija
125
27
152
Skola Primarja Mons Giov Andrea Vella Zebbug
64
55 (including 18 at the Hub)
119
Skola Medja Agius De Soldanis
301
49
350
Skola Sekondarja Ninu Cremona
400
76
476
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-popolazzjoni ta' kull lokalità f'Għawdex skont l-aħħar statistika li għandu l-Ministeru tiegħu jew l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO)?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi skont it-tabella hawn taħt:
Popolazzjoni ta' kull Lokalità f'Ghawdex
Total39,287
Għajnsielem u Kemmuna3,523
Il-Fontana1,042
Il-Munxar1,707
Il-Qala2,300
In-Nadur4,548
Ir-Rabat, Għawdex7,242
Ix-Xagħra5,161
Ix-Xewkija3,555
Iż-Żebbuġ3,303
L-Għarb1,549
L-Għasri518
San Lawrenz772
Ta' Kerċem1,881
Ta' Sannat2,186
Sors: Ċensiment tal- popolazzjoni u d-djar 2021
Jista' l-Minisru jgħid meta se ssir il-bankina fi Triq il-Ponta, fiż-Żebbuġ Għawdex, quddiem ir-residenza li l-isem tagħha qed jingħata separatament, u dan stante li din ilha mitluba żmien twil u sal-lum baqgħet ma saritx?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed ngħaddi din it-talba tiegħu lid-Direttorat ikkonċernat.
Għajnsielem/Nadur — Triq Sant’Antnin/Triq l-Imġarr - xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn kienu l-periti involuti min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex fuq ix-xogħol li sar fuq Triq Sant Antnin, f’’Għajnsielem, u fuq Triq l-Imġarr, fin-Nadur, sa minn meta beda x-xogħol sal-lum? Jista’ jgħid kif ġie ingaġġat kull perit, ċjoè jekk hux direttament jew wara sejħa għall-offerti? Jista’ jgħid ukoll kull perit kemm tħallas sal-lum għal dan ix-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.
Il-Belt Valletta – passi legali dwar tfixkil tal-funzjonijiet reliġjużi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk itteħdux passi legali a tenur tal-liġijiet viġenti dwar l-allegat tfixkil tal-funzjonijiet reliġjużi fit-toroq tal-Belt Valletta matul il-Ġimgħa l-Kbira? Jekk le, għaliex ma tteħdux?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitolb lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi leġiżlattivi qed iqis li jieħu fid-dawl ta’ diversi sentenzi tal-Qrati Maltin (sede Kostituzzjonali), fejn qed jiġi kostantement ritenut li l-impożizzjoni da parti ta’ diversi awtoritajiet pubbliċi ta’ penalitajiet finanzjarji li huma sostanzjali, huma bi ksur tal-artikolu 39(1) tal-Kostituzzjoni?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi attwalment qegħdin jiġu evalwati u analizzati diversi sentenzi tal-Qrati Maltin (sede Kostituzzjonali) sabiex fejn hemm il-bżonn jittieħdu l-passi neċessarji fiż-żmien li ġej.