Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6630, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid x’irriżulta mit-Traineeship Scheme? Kemm mill-parteċipanti li kienu qed jitħarrġu b’din l-iskema sabu xogħol permanenti mal-Gvern (Servizz Pubbliku), u mal-privat fi tmiem din l-iskema? Kemm mill-parteċipanti għadhom sal-lum jirreġistraw għax-xogħol? Kemm mill-parteċipanti reġgħu ġew impoġġija f’xi skema oħra simili?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għal Għawdex — Leasing of Warehouse for the Strategy and Support Division
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 23115 u 22601 tat-Tlettax-il Leġiżlatura dwar it-tender li ħareġ f'Mejju 2021 mill-Ministeru tiegħu 'Leasing of Warehouse for the Strategy and Support Division’, jista’ l-Ministru jgħid meta ġie awarded dan it-tender u meta ġie ffirmat il-kuntratt ta' dan it-tender? Jista’ jgħid jekk f'dawn l-aħħar ġimgħat kenux qed isiru xi xogħlijiet infrastrutturali fuq l-art ta' din il-warehouse u jekk iva, kif kienu qed isiru issa u min qed iħallas għalihom?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru xogħlijiet fuq l-art tal-warehouse mis-sid tal-istess warehouse u bi spejjez għalih.
Ministeru għal Għawdex — proġetti mill-Connecting Europe Facility of the European Union Fund
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti f’Għawdex li l-Ministeru għal Għawdex applika għalihom u liema minnhom ġew aċċettati u liema ma ġewx aċċettati biex isiru mill-programm 'Connecting Europe Facility of the European Union' (Perjodu 2014-2020), kemm ingħataw flus s’issa u kemm se jingħataw flus minn dan il-fond lill-Ministeru għal Għawdex għal dawn il-proġetti?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'iniex infurmat li l-Minsteru bbenifika minn tali fond.
Il-Belt Valletta – passi legali dwar tfixkil tal-funzjonijiet reliġjużi
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 8003, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Pulizija investigawx il-possibilità tat-teħid ta' passi a tenur tad-dispożizzjonijiet applikabbli skont il-Kodiċi Kriminali, Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta, inkluż l-artikolu 165 tal-istess Kap., dwar l-allegat tfixkil tal-funzjonijiet reliġjużi fit-toroq tal-Belt Valletta matul il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ din is-sena, wara diversi rapporti li dehru fil-midja?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant investigazzjonijiet f’allegati illegalitajiet isiru mill-istituzzjonijiet relevanti li jaħdmu lil hinn mill-politiku.
Ir-Rabat, Għawdex – irwejjaħ tad-drenaġġ fi Triq Wied u Triq id-Dawwara
Question
Peress li fi Triq il-Wied, Triq id-Dawwara u l-akkwati fir-Rabat, Għawdex, f'dawn l-aħħar ġimgħat qed ikun hemm irwejjaħ tad-drenaġġ, tista’ l-Ministru tindirizza din il-problema u tgħid x'passi hemm ippjanat li jittieħdu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma kellha l-ebda lment dwar irwejjaħ ta’ drenaġġ fl-akkwati indikati qabel ma saret din il-mistoqsija parlamentari. Il-Korporazzjoni ħadet il-passi kollha meħtieġa billi għamlet spezzjonijiet kemm fis-sistemi tad-drenaġġ kif ukoll fit-tappieri li magħhom imqabbad ir-rising main u waqt dawn l-ispezzonijiet ma ġewx identifikati diffikultajiet.
Persuni li jkollhom diffikultajiet dwar xi infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jistgħu jċemplu fuq 8007 6400 jew jagħmlu rapport online permezz tas-sit elettroniku www.wsc.com.mt
Marsalforn, Għawdex – żieda ta’ bankijiet fil-promenade
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3650 li ngħatat fl-14 ta' Novembru 2022 dwar meta se jitpoġġew bankijiet jew bankijiet bid-dahar għall-pubbliku fil-promenade u fil-Menqa ġewwa Marsalforn, Għawdex, fejn kien ġie mwiegeb li "l-pjan hu li n-numru ta’ bankijiet mistenni jiżdied għax-xhur tar-rebbiegħa u s-sajf", jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tender biex jinxtraw il-bankijiet ħariġx? Jekk ħareġ, jista' jgħid jekk dan ġiex mogħti u meta hu mistenni li jitpoġġew? Jekk għadu ma ħariġx, meta hu mistenni li jiġi ppubblikat?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif imwiegħed il-bankijiet fil-promenade u fil-Menqa ta’ Marsalforn ser jiżdiedu fix-xhur tas-sajf, liema bankijiet qed jinħadmu mill-ħaddiema tal-Gvern.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk is-servizzi għall-anzjani li jingħataw f’Għawdex mill-Ministeru għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju għall-Anzjani fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex joffri s-servizzi msemmija hawn taħt:
Dħul residenzjali f’Dar tal-anzjani
Servizz ta’ respite f’Dar tal-anzjani
Servizz ta’ Night Shelter (ix-Xagħra)
Dementia friendly Day Centre - Casa Amalia
Dementia friendly Night Shelter - Casa Amalia
Dementia Friendly Respite Day and Night - Casa Amalia
Meals on Wheels
Ċentru ta’ Matul il-Jum (Għajnsielem)
Active Ageing Centres f’diversi lokalitajiet f’Għawdex
Servizz ta’ Be Active
Servizz tal-Inkontinenza
Servizz tat-Telecare
Servizz tat-Telephone Rent Rebate
Servizz ta’ Home Help (inkuż is-Servizz tal-Helper tal-għażla tiegħek)
Servizz ta’ Fiżjoterapija
Servizz ta’ Handyman
Servizz ta’Hairdresser
Università tat-Tielet Età
Servizz ta’ Social Work
Servizz ta’ Ġardinar
Marsalforn, Għawdex – xogħol ta’ bini fi Triq Santa Marija u Triq Qbajjar
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 11414, 13031, 13705 u 23090 tat-13-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tender għal xogħol ta' bini mill-ġdid fi Triq Santa Marija u Triq il-Qbajjar, f'Marsalforn Għawdex, ħariġx? Jekk ħareġ, dan ġie mogħti u meta mistenni jibda x-xogħol fuq dawn it-toroq? Jekk għadu ma ħariġx, meta mistenni jiġi ppubblikat u meta mistenni jibda u jispiċċa x-xogħol fuq dawn it-toroq li jintużaw minn eluf ta' karozzi u vetturi oħrajn kuljum, speċjalment fis-sajf?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru bħalissa qed jaħdem fuq tender (DPS) ibbażat fuq kunċett li tinħoloq pjattaforma li twassal sabiex ikun hemm pool ta’ kuntratturi li wara mini-competitions jaqdu l-esiġenzi tal-Ministru għal Għawdex fejn tidħol l-infrastruttura. Dan il-pass qed isir sabiex tkompli tiżdied l-effiċjenza u l-ispeditezza tax-xogħlijiet li jkun hemm bżonn isiru.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender li kien ġie ppubblikat f'Marzu 2022 bin-numru SPD6/2022/009 – Tender for the Sand Replenishment Pilot Study Including the Construction of a Groyne at Southern Għadira Bay, Mellieħa – u jgħid jekk ix-xogħol mitlub minn dan it-tender sarx u jekk le, għaliex għadu ma sarx u meta hu maħsub li jsir u jitlesta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-prijoritajiet inbidlu u għaldaqstant il-Gvern qed jiffoka fuq proġetti li huma kkunsidrati bħala aktar essenzjali u importanti f’dan il-mument partikolari.
Ħondoq ir-Rummien, Għawdex – tiswijiet tal-iskall u l-moll
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub (xahar u sena) li jinbdew ix-xogħlijiet biex isiru tiswijiet estensivi jew jinbnew mill-ġdid l-iskall u l-moll ta’ Ħondoq ir-Rummien u l-iskall li hemm fil-Qbajjar li jintużaw mill-pubbliku ġenerali, kif ukoll tinbidel ir-rampa minn fejn jiġu varati d-dgħajjes fid-Dwejra li tintuża anke minn kumpaniji li joffru servizzi għall-għaddasa u vjaġġi mal-kosta?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex ħareġ tender - SPD3/2023/001 – Tender for the provision of Engineering consultancy and project management services for the upgrading of Landing Sites in Gozo - biex isiru studji preparatorji, disinji, applikazzjoni għall-permess mal-Planning Authority u sottomissjonijiet ta’ technical specifications u BOQ’s, biex tiġi upgraded l-infrastruttura tas-sajjieda f’Ħondoq u Daħlet Qorrot.
Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti ġodda hemm ippjanati li jsiru ġewwa Għawdex u Kemmuna permezz ta’ Fondi Ewropej mill-Ministeru tiegħu matul is-sena 2023, minn liema programmi ta' finanzjament u fiex jikkonsistu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex qed jippjana numru ta' proġetti permezz ta’ Fondi Ewropej taħt diversi programmi ta’ finanzjament u dan jista’ jiġi stabbilit wara li joħorġu l-applikazzjonijiet għall-proġetti taħt il-programmi konċernati u ssir l-għażla tagħhom. L-akbar proġett li qed naraw il-possibilità ta’ finanzjament ta’ fondi Ewropej għalih, huwa l-ispazju miftuħ fiċ-ċentru tar-Rabat.
Ministeru għal Għawdex – impjegati ingaġġati permezz ta' skemi
Question
Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm persuni ingaġġati bl-iskemi u ngħataw xogħol ta' skrivana f'diversi dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jikkonferma li dawn iddaħħlu bl-iskema bla ebda eżami u jgħid xi kwalifiċi kien mitlub li jkollhom? Jista’ jgħid ukoll jekk il-persuni ingaġġati fuq skema u qed jagħmlu xogħol klerikali humiex kollha jagħmlu xogħol temporanju? Jista’ jgħid kemm hemm minnhom qed jagħmlu xogħol klerikali li hu permanenti? Jista’ jgħid jekk fil-futur qarib hemmx ippjanat li jiġu ingaġġati iktar persuni bl-iskema li jagħmlu xogħol klerikali ġewwa l-Ministeru għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Belt Valletta – sejħa għall-manutenzjoni ta’ Evans Building
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li wasslu biex is-sejħa MSPP/02/2022, - Concession for the regeneration and design, management, operation, maintenance and transfer back of the Evans building (Valletta) site as a superior quality tourism accommodation establishment - li kellha tagħlaq fil-21 ta' April 2023, ftit jiem qabel din is-sejħa kellha tagħlaq ġiet estiża u issa se tagħlaq fit-28 ta' April 2023?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-komunikazzjoni relevanti.
Ix-Xewkija, Għawdex – Ġnien Ulysses Grove — xogħol
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22727 tat-13-il Leġiżlatura, li ngħatat fis-16 ta' Novembru 2021, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fil-Ġnien Ulysses Grove fix-Xewkija, Għawdex, peress li dan issemma f'diversi baġits ta' Gvern Laburista iżda issa jidher li x-xogħol fuqu waqaf u ma reġax issemma iżjed? Jista' jgħid jekk ix-xogħol tkompliex f' dawn l-aħħar sena u nofs, x'tip ta' xogħol sar u meta hu maħsub li jkun lest u jibda jitgawda mill-pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li saret it-trakka għall-mixi, ġiri u anke għal użu tar-rota minn fondi Ewropej, intefa' permess mal-Awtorità tal-Ippjanar biex din it-trakka tiġi integrata fi proġett li se jkun qed jibdel dan il-ġnien f’park għall-familja. L-applikazzjoni għall-permess ġiet approvata u għalhekk bdiet il-ħidma fuq is-sejħiet għall-offerti għax-xogħlijiet neċessarji. Sadanittant ġiet aġġidukata wkoll l-offerta biex tiġi installata sistema ta’ dawl f’dan il-ġnien filwaqt li fl-istess ħin qed isiru wkoll xi xogħlijiet marbuta mar-railings mill-ħaddiema tal-Ministeru.
Fid-dawl tal-inċidenti li seħħew b'mod regolari f'dawn l-aħħar snin u anke riċentement fi Triq l-Imġarr, li twassal minn Għajnsielem sar-Rabat Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu jew beħsiebu jieħu l-Ministeru tiegħu biex tiġi indirizzata din il-problema, u b’hekk jitnaqqsu l-inċidenti f'din it-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru diġà ħa l-prekawzjonijiet meħtieġa, inkluż l-installazjoni ta’ tabelli biex jidderieġu lill-vetturi.
Żebbuġ, Għawdex – Telgħa ta’ Triq is-Sagħtrija — xogħlijiet
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6392 dwar xogħlijiet li saru fil-parti tat-telgħa ta' Triq is-Sagħtrija fiż-Żebbuġ, Għawdex, mill-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2022, fejn kien ġie mwieġeb li 'l-informazzjoni mitluba tkun tista’ tingħata appena l-ispiża tkun definittiva', jista’ l-Ministru jagħti break down tal-ispiża li saret mid-Diviżjoni tal-Istrateġija u s-Sapport sabiex saret it-trinka biex ikun jista’ jiġi mgħoddi l-cable tal-elettriku u jgħid kemm ġie jiswa dan il-cable? Jista’ jgħid ukoll jekk id-downlighters bdewx jinxtegħlu? Jista’ jgħid għala għaddiet iktar minn sena u din it-trinka għadha ma ġietx asfaltata?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża saret hekk kif jidher fit-tabella ta’ hawn taħt:
Gullies u HDPE corrugated pipes
€ 1,679.80
Provvista tas-servizz mill-Enemalta
€ 24,359.00
Ġarr u tqegħid tal-cable tad-dawl, skavar tat-trinka, tqegħid ta’ manholes u xogħlijiet oħra relatati
€ 9,984,04
Ninsab infurmat li din it-triq ser tiġi asfaltata mill-Kunsill Lokali Żebbuġ permezz ta’ fondi Ewropej wara li ngħalaq il-proċess tas-sejħa għall-offerti li ħarġet mill-istess kunsill.
Jista' l-Ministru jipprovdi lista taż-zebra crossings, raħal b'raħal u triq triq, ġewwa Għawdex li huma approvati minn Transport Malta u għadhom ma sarux mill-Gvern Lokali rispettiv? Jista’ jgħid ukoll kemm ilha approvata kull zebra crossing u għaliex għadha ma saritx?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt:
Zebra Crossings fil-Lokalitajiet f'Għawdex illi ġew approvati u għadhom ma sarux.
Isem tal-Kunsill Lokali
Lista ta’ Zebra Crossings approvati minn Transport Malta fil-lokalita tagħkom iżda li għadhom ma sarux
Data li ż-
Zebra Crossing
ġiet approvata
Raġuni għaliex iż-
Zebra Crossing
għadha ma saritx.
Rabat (Għ)
NIL RETURN
Fontana
NIL RETURN
Għajnsielem
NIL RETURN
Għarb
NIL RETURN
Għasri
NIL RETURN
Kerċem
NIL RETURN
Munxar
NIL RETURN
Nadur
NIL RETURN
Qala
NIL RETURN
San Lawrenz
NIL RETURN
Sannat
2 Triq Sannat
It-Tnejn, 6 ta’ Lulju 2020
Dawn għadhom ma sarux minħabba li l-proġett ħolistiku ta’ Triq Sannat u Pjazza Santa Margerita għadhom għaddejjin.
2 Pjazza Santa Margerita
Il-Ħamis, 24 ta’ Frar 2022
Dawn għadhom ma sarux minħabba li l-proġett ħolistiku ta’ Triq Sannat u Pjazza Santa Margerita għadhom għaddejjin.
Xagħra
NIL RETURN
Xewkija
NIL RETURN
Żebbuġ
NIL RETURN
Total:
14
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16889 li ngħatat fit-2 ta’ Novembru 2019, għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21026 li ngħatat fl-1 ta’ Ġunju 2021, għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22338 li ngħatat fid-19 ta’ Ottubru 2021 kollha tat-Tlettax-il Leġiżlatura u għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4115 li ngħatat fis-6 ta' Diċembru 2022, jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar l-aħħar żviluppi u x-xogħol fuq l-Osservatorju Astronomiku fil-Qortin? Jista’ jgħid jekk l-istruttura tal-osservatorju tlestietx u jekk iva, meta tlestiet u fejn tinsab? Jista’ jgħid ukoll jekk din l-istruttura tpoġġietx fuq il-bejt tal-kmamar eżistenti li hemm fil-Qortin t’Isopu u bdiet tintuża u jekk le, x’inhi r-raġuni li għadha ma tpoġġietx?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-osservatorju astronomiku li jikkonsisti f’dome, telescope u camera wasal mill-Italja u ġie installat fil-post. L-osservatorju tqiegħed fuq il-kmamar eżistenti li hemm il-Qortin T’Isopu u ġie installat mill-fornitur Taljan. Wara li ġie installat sarulu t-testijiet u l-kalibrazzjoni li kien hemm bżonn, fosthom fuq it-telescope tracking, dome tracking, focuser, adaptive optics, auto image guider, filter wheel u l-camera, u ttieħdu ukoll l-ewwel ritratti magħrufa bħala ‘first light’. Ninformah ukoll li l-Università ta’ Malta diġà hemm studenti li se jkunu qed jużaw dan l-ewwel Osservatorju Astronomiku Nazzjonali fir-riċerka tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema (kemm tal-Gvern, skema, kuntrattur jew b'kuntratt) li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, li qed jagħmlu xogħol ta' tindif fuq barra (fit-toroq) u qtugħ ta' ħaxix ħażin mit-toroq, eskluż bajjiet u latrini pubbliċi f’Għawdex? X'inhu l-grad ta' dawn il-ħaddiema?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 83 ħaddiem li jagħmlu x-xogħol ta’ tindif fuq barra, inkluż il-qtugħ tal-ħaxix. Dawn imqassmin f’sittax-il żona biex ikopru lil Għawdex kollu.