Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jinbnew uffiċini ġodda jew jittranġaw l-uffiċini tal-Awtorità tal-Ippjanar li kien hemm fi Triq il-Kapuċċini kantuniera ma’ Triq Sir Luigi Camilleri, ġewwa r-Rabat Għawdex, peress li sa ftit tas-snin ilu din il-binja kienet tintuża ta' kuljum mill-ħaddiema u klijenti tal-Awtorità tal-Ippjanar u llum tinsab magħluqa fi stat ta' abbandun?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċini fi Triq il-Kapuċċini kantuniera ma’ Triq Sir Luigi Camilleri, ġewwa r-Rabat Għawdex, li l-Awtorità tal-Ippjanar kienet tagħmel użu minnhom sa ftit tas-snin ilu ġew irritonati lura lill-Awtorità tal-Artijiet f’Awwissu 2022. Għaldaqstant l-Awtorità tal-Ippjanar mhux se tkompli bil-pjan li tirranġa dawn l-uffiċini jew tibni uffiċini ġodda.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ talbiet li hemm fuq il-waiting list għal berth fil-Marina ta' Għawdex? Jista’ jgħid ukoll fil-konkret x'hemm ippjanat li jsir biex jiżdiedu l-berths ġewwa Għawdex matul din il-leġiżlatura?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sar ħafna xogħol biex ikunu organizzati bl-aħjar mod l-irmiġġi fil-Port tal-Imġarr billi tpoġġew puntuni ġodda u ġew organizzati aħjar id-dgħajjes li kien hemm marbuta u fuq bagi. L-ispazju hu dak li hu, ristrett ħafna għad-domanda kbira li hemm speċjalment bil-miżati preżenti li wieħed iħallas għall-irbit u rmiġġi. Dawn il-miżati ilhom ma jiġu reveduti snin u ma jirriflettux dawk attwali u tas-suq. Madankollu, l-Awtorità tat-Trasport se tibqa’ għaddejja b’eżerċizzji biex dejjem torganizza aħjar il-mooring u berthing areas biex jinħolqu spazji ġodda fejn hu possibbli. Jien infurmat li bħalissa hemm 457 applikazzjoni fil-waiting list għall-berthing f’Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar għaxar snin kemm inbnew Adventure Parks ġodda ġewwa Għawdex, fejn inbnew u kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll jekk f'din il-leġiżlatura hemmx ippjanati li jinbnew Adventure Parks ġodda ġewwa Għawdex u jekk iva, fejn u kemm hi maħsuba li se tkun l-ispiża?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm Adventure Parks fis-snin indikati ma nbnewx, f’din il-leġiżlatura u ta’ qabilha ngħataw lura biex jitgawdew min-nies spazji pubbliċi bħalma huma r-riġenerazzjoni ta’ Pjazza San Franġisk, Pjazza tax-Xewkija u l-Pjazza tal-Munxar. Dan flimkien ma’ numru ta’ open gyms li l-Ministeru ffinanzja permezz ta’ skema lill-Kunsilli Lokali. Tkomplew ix-xogħlijiet ta’ afforestazzjoni fil-park tal-familja ġewwa il-Qortin t’Isopu u investiment ieħor mill-Wasteserv ra s-sit magħruf il-qortin tax-Xagħra jinbidel fi spazju ieħor miftuħ għal pubbliku. Madanakollu l-idea ta’ Adventure Parks hija proposta tajba u ser inkunu qed naraw fejn jista' jinbena wieħed ġdid jew inkella jkun inkorporat fi proġetti eżistenti jew ġodda sabiex tali parks ikunu jistgħu jitgawdew mill-familji tagħna.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8150 u jgħid x’tip ta’ xogħlijiet inbdew fuq parti minn Triq Santa Dminka, fir-Rabat Għawdex, f’dawn l-aħħar ġimgħat u fiex jikkonsistu? Jista’ jgħid x’fadal isir u meta hu ppjanat bejn wieħed u ieħor li jitlesta x-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet f’din il-parti tat-triq qed isiru minħabba l-problema tal-għarar. Fil-fatt saret sistema ta’ storm water culverts ġdida u dan sabiex tittaffa l-problema tal-għarar. Barra minn hekk ser jinbidlu wkoll is-servizzi tal-ilma u kif ukoll dak tad-drenaġġ. Ma' dawn ix-xogħlijiet ser jingħata wkoll wiċċ ġdid lil din l-istess Triq fejn qed isiru x-xogħlijiet.
Għawdex – Proġetti ta’ spazji miftuħin fil-komunitajiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid mis-16-il proġett li tħabbru ta’ spazji miftuħin fil-komunitajiet b’investiment ta’ €10 miljun li se jkunu lesti sas-sena 2025 u li se jsiru f'Għawdex, kemm hu l-ammont globali li se jieħu Għawdex minn dawn l-€10 miljun?
Response (DALLI, MIRIAM)
F’Jannar li għadda, ftit jiem biss wara li twaqqfet Project Green, nedejna l-Community Greening Grant - l-ikbar skema li qatt rajna s’issa f’pajjiżna għal proġetti ambjentali. Din l-iskema ser tissarraf f’€10 miljun lill-komunità biex jitwettqu proġetti ambjentali li jagħmlu differenza pożittiva u reali fil-lokalitajiet. Fl-istess ħin qed naħdmu fuq proġetti kbar filwaqt li komplejna niftħu spazji miftuħa ġodda u riġenerati. F’anqas minn ħames xhur diġà tajna 32,000 metru kwadru
Bis-16-il proġett f’din l-ewwel sejħa tal-iskema, hu stmat li ser noħolqu żoni mħaddra li jistgħu jilħqu 110,000 persuna, f’temp ta’ 10 minuti mixi. Dawn il-proġetti jammontaw għal 80,000 metru kwadru ta’ spazji mħaddra ġodda – jiġifieri 10 darbiet daqs il-Fosos tal-Floriana. Uħud minnhom se jsiru fuq artijiet li setgħu ġew żviluppati għall-bini u li issa se jinbidlu f’pulmuni t’arja nadifa. Intgħażlu proġetti li juru firxa ta’ inizjattivi differenti u li se jwasslu għat-tħawwil t’aktar minn 6,400 siġra.
Kif diġà tħabbar pubblikament, fost il-proġetti li ntgħażlu fl-ewwel sejħa tal-Community Greening Grant hemm dak li ġie propost mill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem biex tingħata ħajja ġdida lil ġnien pubbliku u jservi bħala ċentru edukattiv ambjentali fil-beraħ. Dan il-proġett huwa stmat li se jiswa €596,772 u se jkun jinkludi faċilitajiet għal tfal neqsin mid-dawl u dawk bl-awtiżmu, kif ukoll karatteristiċi ġodda ta’ aċċessibbiltà inkluż rotta diretta għall-mixi lejn il-Wied tal-Imġarr.
Kif spjegajt fit-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 8151, fil-każ t’Għawdex Project Green b’kollaborazzjoni mad-Direttorat ecoGozo fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ser tkun qed twettaq ukoll proġett biex jiġi riabilitat Wied tal-Grixti, li se jkun ko-finanzjati minn fondi permezz tal-proġett LIFE Integrated Project.
Barra minn hekk, Project Green diġà qed titkellem ma’ ħafna mill-applikanti li ma ntgħażlux għall-ewwel sejħa tal-Community Greening Grant, biex naraw kif il-proġetti tagħhom nistgħu nagħmluhom ambjentalment aktar sostenibbli u eventwalment inwettquhom.
Sadattant, ninsab infurmata li Project Green qed tikkollabora wkoll mal-Ministeru għal Għawdex sabiex isiru investimenti konġunti f’aktar spazji miftuħa u proġetti ambjentali oħrajn madwar Għawdex.
Għawdex – sejħa għall-offeri għal xogħlijiet fuq toroq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti s-sejħa għall-offerti għal xogħlijiet fuq toroq li hemm appell bħalissa quddiem il-Public Contracts Review Board (PCRB)? Jista’ jgħid liema huma t-toroq u fejn jinsabu li hemm ħsieb li jsiru fl-immedjat permezz ta’ din is-sejħa? Jista’ jgħid kemm hu l-valur ta’ din is-sejħa? Jista’ jgħid jekk il-Ministeru għal Għawdex talabx li dan l-appell jinstema' u jiġi deċiż b'mod urġenti mill-PCRB, peress li fil-preżent il-Ministeru għal Għawdex inqabad f’sitwazzjoni li ma għandux tender/kuntratt biex jaħdem xogħol ta’ urġenza?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-appell mistenni jinstema fil-ġimgħat li ġejjin. Ninforma wkoll li l-Ministeru kkomunika sabiex tali Board ma jdumx ma jinstema’. Rigward ix-xogħlijiet, il-prijorità se tkun fuq xogħlijiet li kienu diġà bdew u waqfu minħabba li kien spiċċa il-kuntratt bħal pereżempju Triq l-Emigranti fin-Nadur u Triq Stellini fix-Xagħra.
Jista' l-Ministru jgħid preżentement kemm hemm ħaddiema Għawdxin jaħdmu f'Għawdex f'dipartimenti, awtoritajiet, aġenziji u entitajiet governattivi li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex tiġi kkompilata l-informazzjoni kollha kif mitlub se jispiċċa jinqabeż l-advisory cost limit. Forsi l-Onor. Interpellant ikun jista jindika dipartiment/aġenzija speċifika.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1672, li ngħatat fil-21 ta' Ġunju 2022, u għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3681 li ngħatat fis-16 ta' Novembru 2022, dwar kemm fl-aħħar żewġ leġiżlaturi (2013–2022) saru toroq jew partijiet minn toroq f’Għawdex li ngħataw il-base course biss u sal-lum għadhom ma ngħatawx il-wiċċ finali, fejn ġie mwieġeb li “ix-xogħol fuq il-maġġor parti tagħhom (Triq tal-Ħanaq Nadur, Triq Franġisk Portelli Għarb, Triq l-Imgħallem Victoria, Triq Daħlet Qorrot Nadur u Triq Papa Piju XII Qala) għadu għaddej u se jingħataw il-wearing course dalwaqt”, jista’ l-Ministru jgħid f'kull triq li ssemmiet fit-tweġiba meta nbeda x-xogħol fuqha, kemm tħallsu flus s’issa fuq kull triq, liema xogħlijiet għad fadal isiru, fiex jikkonsistu, u meta se jingħata l-wearing course? Jista jgħid f’kemm minn dawn it-toroq tlesta x-xogħol kollu, inkluż il-wearing course, f'dawn l-aħħar ħames xhur u nofs?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew u jkunu finalizzati x-xogħlijiet kollha fi Triq Wied Sara, fl-Għasri Għawdex, peress li tinsab fi stat ħażin ħafna u ta' periklu għas-sewwieqa li jgħaddu minn din it-triq? Jista' jgħid jekk hemmx fondi vvotati għal dan ix-xogħol u jekk iva, kemm jammontaw dawn il-fondi?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kunsill lokali tal-Għasri ngħata fondi mill-Ministeru għal Għawdex sabiex issir din it-triq. Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali msemmi ħareġ it-tender bl-isem ‘GSR-2020-1 Tender for the resurfacing of Triq Wied Sara with Asphalt’.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm vetturi li ġew towed, raħal b'raħal, ġewwa Għawdex mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista jgħid fejn jinżammu ġewwa Għawdex dawn il-vetturi u xi jsir minnhom?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi minn verifiki li saru, il-vetturi li ġew towed, raħal b'raħal (fejn applikabbli), ġewwa Għawdex kien kif jidher fit-tabella riprodotta hawn taħt. Dawn il-vetturi jinżammu fil-fond tal-kuntrattur sakemm is-sid ikun jista’ jirkupra l-vettura, wara li jkun ħallas mitejn Ewro flimkien ma' penali ta’ ħmistax-il Ewro oħra għal kull lejl li kienet miżmuma. Meta u jekk il-vetturi ma jiġux irkuprati mis-sidien, jinħarġu l-Avviżi tal-Pulzija għal dan il-għan u għal informazzjoni tal-pubbliku, skont il-liġi, fejn wara l-perjodu stipulat il-vetturi jkunu jistgħu jinbiegħu jew mormija.
Lokalità
2017
2018
2019
2020
2021
2022
2023
Victoria
7
9
17
22
24
24
10
Għasri
-
-
-
-
-
1
-
Sannat
3
3
1
-
-
1
1
Żebbuġ
1
8
8
7
6
4
2
Għarb
1
1
1
-
-
1
1
Għajnsielem
37
34
37
24
5
10
3
Qala
1
-
1
1
-
3
1
Xagħra
1
4
2
-
5
3
1
Nadur
-
2
4
2
-
1
-
San Lawrenz
-
1
-
1
-
-
-
Munxar
-
1
6
3
3
-
1
Xewkija
-
1
1
2
1
-
2
Kerċem
-
-
2
-
-
-
-
Għajnsielem, Għawdex – Triq Sant’Antnin — railings tal-promenade
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġu sostitwiti r-railings tal-promenade tal-parti ta' isfel ta' Triq Sant’Antnin li tmiss ma’ Triq ix-Xatt ġewwa Għajnsielem, li huma kollha sadid u ta' periklu kbir?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ix-xogħol fuq ir-railings qed isir mill-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex. S’issa nħadmu sebgħa minn disa' biċċiet minn dan ir-railing. Malli jitlestew jintbagħtu għall-galvanizzar u jinżebgħu. Ix-xogħol mistenni jkun lest lejn nofs Lulju.
Għawdex – titjib fl-infrastruttura tad-drenaġġ u tad-dawl
Question
Tista' l-Ministru tipprovdi dettalji dwar il-proġetti u fiex jikkonsistu biex tittejjeb l-infrastruttura tad-drenaġġ u tad-dawl ġewwa l-gżira ta' Għawdex; investiment li huwa essenzjali għal din il-gżira minħabba l-mod kif żdiedet il-popolazzjoni u l-bini f'din il-gżira? Tista’ tgħid kemm hi maħsuba li se tkun l-ispiża?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta qed twettaq pjan ta’ azzjoni li ser jammonta għal investiment ta’ €90 miljun fuq medda ta’ sitt snin, investiment medju ta' €15-il miljun kull sena, biex tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku madwar il-pajjiż.
Il-grid tal-elettriku t’Għawdex jifforma parti mill-ħoloq tal-grid nazzjonali. L-inġiniera u t-tekniċi tal-Enemalta kontinwament isegwu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali mal-pajjiż kollu u jippjanaw il-proġetti ta’ rinfurzar fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, sew f’Malta u anke f’Għawdex.
Fid-dawl ta’ dan, l-Enemalta għandha diversi proġetti maħsuba biex tkompli ssaħħaħ il-provvista u l-infrastruttura tal-elettriku fl-isfond tal-ekonomija vibranti li hemm f’Għawdex. Fost il-proġetti ewlenin li x-xogħol fuqhom diġà jinsab fi stadju avvanzat hemm żewġ substations ġodda tan-Nadur u waħda fix-Xlendi. Ser isir ukoll xogħol ieħor ta’ tisħiħ fis-substations tal-Qala, tax-Xlendi u ta’ Marsalforn.
Proġett ieħor li wkoll jinsab fi stadju avvanzat huwa dak tat-tqegħid ta’ cable ta’ vultaġġ għoli miċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tax-Xewkija lejn substation f’Victoria. L-investiment fuq dawn il-proġetti huwa stmat li ser jammonta għal aktar minn €1.5 miljun.
Min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma wkoll hemm diversi proġetti li nbdew jew huma ppjanati li jsiru għat-tisħiħ fis-sistema tad-drenaġġ f’Għawdex. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet biex jinbidlu l-mejnijiet tad-drenaġġ fil-Pjazza tas-Sannat, fi Triq Hamri kantuniera ma’ Triq St. Anthony, f’Għajnsielem, fi Triq tal-Marġa, ix-Xagħra, mejn ġdid għall-isqaq faċċata ta’ Sqaq Pergla, ix-Xagħra, kif ukoll issir estensjoni ta’ mejn tad-drenaġġ fil-parti ta’ fuq ta’ Triq Għajn Tuta, f’Kerċem.
Diġà hemm ippjanat ukoll biex fix-xhur li ġejjin jinbdew xogħlijiet biex jinbdilu mejnijiet fil-parti ta’ fuq ta’ Triq Wied Sara, fl-Għasri kif ukoll biex jiġi mgħoddi mejn ġdid tad-drenaġġ fi Triq it-28 ta’ Aril 1688, fil-Qala. L-investiment għal dawn il-proġetti huwa stmat li ser ikun aktar minn €1.8 miljun.
Għawdex – sejħa li ħarġet Infrastructure Malta għal xogħlijiet fit-toroq
Question
B'referenza għas-sejħa li ħarġet Infrastructure Malta permezz ta’ Dynamic Purchasing System fis-sena 2020, IM005/2020 - Establishment of a Dynamic Purchasing System for the Construction and maintenance of roads in different localities in Malta and Gozo - u peress li f'din is-sejħa kien hemm Għawdex inkluż, jista’ l-Ministru jgħid x'toroq saru permezz ta’ din is-sejħa ġewwa Għawdex, raħal raħal, u kemm kienet l-ispiża?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8862 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Kerċem, Għawdex – Triq it-Tlettax ta’ Diċembru — xogħlijiet
Question
B'referenza għax-xogħlijiet li saru matul ix-xhur li għaddew mill-Ministeru tagħha fi Triq it-Tlettax ta' Diċembru ġewwa Santa Luċija, Kerċem, (Għawdex), tista’ l-Ministru tgħid kemm ġie jiswa dan ix-xogħol u min kien il-perit (isem u kunjom) inkarigat mix-xogħol li sar, u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din it-triq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Tista’ tgħid jekk sarux quality control tests u jekk iva, min għamilhom, meta saru u tqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Tista’ tgħid ukoll jekk sarux quantity surveyor reports fuq ix-xogħol li sar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Infurmata li, fit-triq indikata, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlet xogħlijiet relatati man-netwerk tan-New Water f’Għawdex. Ix-xogħol sar taħt is-superviżjoni ta’ Perit tal-Korporazzjoni u sewa €275,000 (VAT eskluża). Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumenti mitluba. Sadanittant, ġejt infurmata wkoll li wara li tlestew dawn ix-xogħlijiet, inqalgħet ħsara f’cable tal-elettriku taħt l-art, f’parti mill-istess triq, u wara li saru t-tiswijiet meħtieġa jonqos li jingħata l-asfalt.
Bajjiet f’Malta u Għawdex – sand renourishment fil-bajjiet
Question
Jista' l-Ministu jgħid x'bajjiet ġewwa Malta u Għawdex sarilhom is-sand renourishment matul is-snin 2021 u 2022 u kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll liema huma l-bajjiet ġewwa Malta u Għawdex li se jsirilhom is-sand renourishment qabel u matul is-sajf 2023 u kemm hi stmata li se tkun l-ispiża?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma sar l-ebda sand renourishment f’Malta fl-2021 u 2022, filwaqt li għal din is-sena għadhom għaddejjin xi studji fuq numru ta’ bajjiet.
Fir-rigward tal-bajjiet ġewwa Għawdex, nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Għawdex – servizz ta’ physiotherapy fid-djar lill-anzjani
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-waiting list (f'tul ta' żmien) biex jingħata servizz ta' physiotherapy fid-djar mill-Gvern lill-anzjani f'Għawdex? Jista' jgħid x'servizzi ta' riabilitazzjoni għall-anzjani hemm f'Għawdex bħalma jingħata f'Malta fl-Isptar Karen Grech?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent hemm 38 każ pendenti ta’ physiotherapy. Min-naħa l-oħra, it-tieni domanda ta’ din il-mistoqsija parlamentari għandha tiġi referuta lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta' proġetti wettqet l-entità Projects Plus ġewwa l-gżira ta' Għawdex minn meta twaqqfet sal-lum u x'kien il-valur tagħhom? Jista’ jgħid ukoll xi proġetti hemm ippjanati li jsiru minn Projects Plus ġewwa Għawdex matul is-sena 2023?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Projects Plus Limited titqabbad minn Ministeri u entitajiet Governattivi biex toffri s-servizzi tagħha u tikkordina l-implimentazzjoni ta’ proġetti infrastrutturali fuq bażi nazzjonali. S’issa din l-entità ħadmet ma’ diversi Ministeri u entitajiet differenti u mhux eskluż li fil-futur taħdem ukoll proġetti fil-gżira Għawdxija. Bħalissa Projects Plus Limited tinsab iffukata fuq numru ta’ proġetti f’Malta, li jvarjaw minn parkeġġi pubbliċi, housing soċjali, kumpless sportiv kif ukoll proġetti oħra fl-oqsma tas-sigurtà ta' pajjiżna.
Ix-Xlendi, Għawdex – Proġett ta’ Riġenerazzjoni tal-Parkeġġ
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2952 li ngħatat fil-31 ta' Ottubru 2022 dwar il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi li kien tħabbar l-ewwel darba f'Jannar 2019 u baqa’ jissemma f'kull baġit, iżda sal-lum baqa’ ma sar xejn minnu fejn kien ġie mwieġeb li “bħalissa għaddejja konsultazzjoni mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex niżguraw li din l-infrastruttura tilqa’ għaż-żieda fin-numru ta’ residenti ġewwa x-Xlendi”, jista’ l-Ministru jgħid jekk ħarġux it-tenders għal dan ix-xogħol ta' riġenerazzjoni u jekk ġewx awarded? Jista’ jgħid kemm hi stmata li se tkun l-ispiża fuq dan il-proġett u meta hu ppjanat li jinbeda u jitlesta x-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigward id-diskussjoniet mal-WSC ġew konklużi. Madankollu, nemmen li riġenerazzjoni tal-parkeġġ mingħajr ma ssir riġenerazzjoni tal-waterfront u l-areas tal-madwar ma tindirizzax l-issues kollha. Għalhekk se nibdew konsultazzjoni mas-sidien tal-istabbilimenti sabiex l-area tkun organizzata bħalma kien sar ġewwa Marsalforn. L-idea hi li jsir proġett ħolistiku sabiex issir riġenerazzjoni tax-Xlendi li taqdi aħjar l-esiġenzi tal-pubbliku, l-istabbilimenti u possibbilment tan-nuqqas ta’ parkeġġ fiż-żona.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma l-aħħar żviluppi dwar il-Preliminary Market Consultation li ħarġet l-Aġenzija tal-Qrati 'Proposal for Available Property or Land for Outright Acquisition in Victoria (Rabat) Gozo or in the Vicinity of Victoria (Rabat) Gozo to be Converted into Gozo Court' li għalqet fis-6 ta' Jannar 2023? Jista’ jgħid jekk il-proposti mitfugħa ġewx evalwati u tħejjiex rapport fuq dawn il-proposti u jekk iva, iqiegħed ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninsab infurmat li l-evalwazzjoni tal-proposti mitfugħa għadha għaddejja.