Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn fil-ġurnata tal-Ħamis, 25 ta’ Mejju 2023, għal ħinjijiet twal matul il-ġurnata l-Flyover il-ġdida ta' ħdejn l-Ajruport kienet magħluqa u fuqha kien hemm trakkijiet u ready-mixers weqfin għal ħinijiet twal?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-25 ta’ Mejju kien hemm numru ta’ trakkijiet mgħobbija fuq il-pont biex jissimulaw l-agħar każijiet ta’ tgħabija fuq il-pont. Dan hu wieħed mit-testijiet mitluba biex jiġi kkonfermat li l-kostruzzjoni tal-pont saret skont id-disinn.
Rabat, Malta – bdil ta’ covers tal-plastic fil-bankini
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8832 rigward covers tal-plastic fil-bankini fejn ġie mwiegeb li “Infrastructure Malta aġixxiet billi ħarġet (04/11/2022) direzzjoni teknika ċara lill-entitajiet terzi u lill-istaff tekniku tagħha sabiex b’mod immedjat jiġu installati BISS għotjien konformi mal-ispeċifikazzjoni Ewropea EN 124-1 – Dan ifisser illi l-materjal tal-“covers” ikun “ductile cast iron”, l-istess bħalma jintuża fil-kareġġjata. Ir-reżistenza għall-piż (loading class) kif mitluba mill-istandard tkun dik għall-użu “pedestrian”. Infrastructure Malta kompliet tinforza din id-deċiżjoni billi inkorporat speċifikazzjoni ċara fit-Tender Dynamic Purchasing (DPS) maħruġ f’Marzu, 2023 li tesiġi dan”, jista’ l-Ministru jgħid jekk din id-direzzjoni li l-materjal tal-“covers” tal-bankini jkun ductile cast iron (għotjien konformi mal-ispeċifikazzjoni Ewropea EN 124-1) tgħoddx ukoll għall-covers tal-bankini ġewwa l-gżira ta' Għawdex u jekk hux qiegħed isir hekk ukoll?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din id-deċiżjoni tapplika għal kull xogħol li jsir taħt id-Dynamic Purchasing System indikat.
Tista’ l-Ministru tgħid fil-preżent kemm hawn għaqdiet tal-konsumaturi reġistrati skont l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378? F’kull istanza, tista’ l-Ministru tgħid jekk ġietx mogħtija xi forma ta’ għajnuna u jekk iva, fiex kienet tikkonsisti, mill-2017 s’issa, maqsuma sena b’sena? Tista’ tgħid jekk sarux xi talbiet minn għaqdiet ta’ din ix-xorta għal intervent regolatorju da parti ta’ xi direttorat fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u jekk iva, tista’ tagħti d-dettalji? Tista’ tgħid ukoll jekk kienx hemm xi forma ta’ għajnuna biex jiġu impjegati professjonisti biex jassistu għaqdiet ta’ din ix-xorta fil-ħidma tagħhom? Jekk iva, x’kien l-eżitu?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent hemm żewġ għaqdiet tal-konsumaturi reġistrati skont l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378. Fir-rigward ta’ għajnuna, l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), tagħti għajnuna lil waħda mill-għaqdiet – l-Għaqda tal-Konsumaturi, fejn tipprovdi uffiċċju u l-kera fejn tiltaqa’ din l-għaqda, servizz tal-internet u linja tat-telefon mingħajr ħlas, kif ukoll il-ħlas ta’ servizzi ta’ dawl, ilma u ndafa. L-għaqda l-oħra qatt ma għamlu xi tip ta’ talbiet għall-għajnuna.
Rigward jekk sarux xi talbiet minn għaqdiet għal intervent regolatorju ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Għaqda tal-Konsumaturi kienet daħħlet ilment mal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-MCCAA rigward tariffi bankarji. L-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni bħalissa għaddej bil-verifiki meħtieġa.
Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li l-Għaqda tal-Konsumaturi għadha kif ingħatat uffiċjal sabiex jgħin fil-monitoraġġ tas-suq u s-sigurtà tal-konsumatur.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsistu x-xogħlijiet li reġgħu bdew jitkomplew f'dawn l-aħħar ġimgħat fil-latrina tad-Dwejra u minn min saru? Jista’ jgħid ukoll meta hu maħsub li din il-latrina, li ilha magħluqa iktar minn sentejn, terġa’ tinfetaħ u tintuża mill-pubbliku anke peress li l-istaġun tas-sajf dalwaqt jibda?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet fuq il-kostruzzjoni tas-saqaf ġdid u ristrutturar tal-layout minn ġewwa sabiex din il-latrina tiġi iktar aċċessibbli għall-persuni bi bżonnijiet speċjali. Ix-xogħlijiet fuq is-saqaf saru minn Mercieca Brothers u x-xogħlijiet ta’ finishing minn ġewwa ser isir permezz tal-ħaddiema tal-gvern. Ix-xogħlijiet fuq din il-latrina mistennija jkunu lesti f’Lulju.
Għawdex – proġetti ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7367, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, u jgħid liema huma l-proġetti u fejn jinsabu f’Għawdex li l-Ministeru għal Għawdex applika għalihom kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea taħt il-programm LIFE Integrated Project? Jista’ jgħid liema ġew aċċettati u liema ma ġewx aċċettati biex isiru matul is-snin 2014 sal-2023 mill-programm LIFE Integrated Project u liema saru u liema bħalissa għaddej ix-xogħol fuqhom? Jista’ jgħid ukoll kemm se jingħata flus il-Ministeru għal Għawdex minn dan il-fond fuq kull proġett? Jista’ jgħid jekk hux se jingħata aktar flus u jekk iva, kemm se jingħata minn dan il-fond u għal liema proġetti?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex huwa partner fil-Life Intergrated Project li l-benefiċċjarju ewlieni huwa l-Energy and Water Agency. Il-Ministeru qed jibbenefika minn €1,116,304.44 f’fondi minn dan il-proġett. Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq il-proġett fuq żewġ actions: il-bini ta’ ġibjun li jesa’ kważi 300 metru kubu ta’ ilma u għaddej ukoll bil-proċess ta’ applikazzjoni għal permess mal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jiġi restawrat u rijabilitat il-Wied tal-Grixti. Il-ġibjun tal-ilma flimkien ma’ sistema t’irrigazzjoni ser ikun qiegħed jintuża għar-riċerka fuq il-kwalità tal-prodotti agrikoli meta dawn jissaqqew b’ilma ġdid meta kkomparati mat-tisqija bl-ilma tax-xita. Fil-perjodu msemmi kien hemm applikazzjoni oħra li l-Ministeru għal Għawdex applika għaliha u li ma ġietx aċċetta.
Ġbir ta’ eco-contribution fuq akkomodazzjoni turistika minn Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ Eco-Contribution fuq l-akkomodazzjoni turistika li nġabar minn Għawdex, sena b'sena, minn Jannar 2017 sal-lum?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi skont it-tabella t'hawn taħt:
SenaGħawdex
2017 180,880.24
2018 186,794.13
2019 272,191.22
2020 148,236.50
2021 137,492.00
2022 180,642.71
2023 69,772.00 *
Total 1,176,008.80
· Il-figuri tas-sena 2023 huma validi sal-aħħar ta Mejju 2023.
Ministeru għal Għawdex – rakkomandazzjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’kull dipartiment jew entità li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex sarux rakkomandazzjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kollha li jaħdmu fuq barra minn Marzu 2013 sal-lum u jekk iva, meta saru? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta’ tali rakkomandazzjonijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Proġetti u programmi kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar il-proġetti u programmi/inizjattivi kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea li bħalissa għaddej ix-xogħol fuqhom jew għadhom għaddejjin? Jista' jagħti l-valur totali għal kull proġett jew programm/inizjattiva, ta’ kemm se jiġi jiswa u kemm minnu hu kofinanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid meta hu maħsub li jispiċċa kull proġett jew programm/inizjattiva?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 9273 Proġetti u programmi kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma d-dive sites f’Għawdex? Jista’ jgħid x’investiment sar f’kull dive site minn dawk imsemmija f’Għawdex mill-Ministeru tiegħu sena b'sena mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-lum? X’qed isir f’kull site biex l-aċċess għad-divers ikun aktar faċli?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dive sites f’Għawdex huma dawn: Blue Hole, Coral Cave; Inland Sea; Cathedral cave; Reqqa Point; Shrimps’ Cave; Billinghurst Cave; Double Arch Reef; Mġarr ix-Xini, Xlendi Cave; Comino Caves; Alexander’s Cave; P31; The Three Wrecks (Xatt l-Aħmar); MV Karwela; MV Comino Land; MV Xlendi. L-investiment mill-Ministeru għal Għawdex huwa marbut l-iktar mal-manteniment tas-slielem minn fejn jitilgħu u jinżlu l-bugħaddasa.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar hux qed tippjana biex matul il-kumplament tal-leġiżlatura toħroġ aktar skemi ta' amnestiji? Jekk iva, fiex inhu maħsub li jkunu jikkonsistu dawn l-amnestiji u min se jkun jista’ japplika għalihom?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar ma ħarġet l-ebda skemi ta’ amnestija.
B'referenza għax-xogħlijiet li tlestew f'dawn l-aħħar xhur fi Triq Ta' Sannat (minn salib it-toroq sal-Pjazza Ta' Sannat), it-triq prinċipali li twassal għar-raħal Ta' Sannat, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet ġiet awarded din it-tender u kemm kienet l-ispiża finali fuq din it-triq? Jista’ jgħid ukoll min kien il-perit (isem u kunjom) inkarigat mix-xogħol li sar u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din il-parti tat-triq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista’ jgħid jekk sarux quality control tests u jekk iva, min għamilhom, meta saru u jqegħedhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid jekk sarux quantity surveyor reports fuq ix-xogħol li sar u jekk iva, min għamilhom, meta saru u jqegħedhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Sannat li l-proġett ta’ Triq Sannat sar mill-Kunsill Lokali Ta’ Sannat b’fondi mill-Ministeru għal Għawdex.
Infurmat ukoll li t-Tender inkwistjoni ġiet awarded bil-prezz ta’ €581,820.85 (VAT inkluz.), bl-ispiża finali fuq din it-triq titla' għal €1,098,650.89 (VAT inkluz), u dan minħabba li sar service culvert biex jgħaddu minnu l-cables u ma titqattax it-triq bla bżonn kif ukoll minħabba li sar stormwater culvert addizzjonali ma' dak li kien ippjanat qabel.
Infurmat ukoll li l-quality control tests saru minn Solidbase Laboratory Ltd u il-quantity surveying sar mill-quantity surveyor tal-kuntrattur u x-xogħol ġie ċċekkjat u ċċertifikat mill-perit tal-proġett.
Intant infurmat ukoll li l-proġett ġie ċċertifikat ukoll mill-perit tal-Kunsill il-Perit Edward Scerri.
Fir-rigward tad-dokumentazzjoni msemmija, tali dokumentazzjoni ġiet ippreżentata lill-Ministeru kkonċernat.
Diskussjonijiet bejn il-Ministeru għal Għawdex u Transport Malta dwar l-immaniġġar tal-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7570 u jgħid meta bdew id-diskussjonijiet u fiex waslu biex bejn il-Ministeru għal Għawdex u Transport Malta jiġi konkluż l-abbozz ta’ ftehim bil-kondizzjonijiet/responsabbiltajiet rispettivi għall-immaniġġar tal-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri biex il-binja storika tkun imħarsa u miżmuma tajjeb?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kuntratt bejn l-Awtorità għat-Trasport f’Malta u l-Ministeru għal Għawdex sabiex il-Fanal tal-Ġordan, li jinsab ġewwa l-Għasri Għawdex, ikun immaniġġjat, imħaddem u miżmum fi stat tajjeb, inkluż ir-restawr u t-tiswijiet neċessarji, ġie ffirmat fid-29 ta’ Marzu tal-2023.
Għawdex – Xewkija – Estensjoni taċ-Ċentru tal-Università
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4372, 6381 u 7410 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2543 dwar ix-xogħlijiet fuq l-estensjoni taċ-Ċentru tal-Università fix-Xewkija, Għawdex, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija kollha kemm hi (intiera) u jgħid din l-estensjoni meta hu maħsub li tkun lesta minn kollox u tibda tintuża? Jista' jgħid ukoll meta nbeda x-xogħol fuqha?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għal Għawdex – għoti ta’ kontribuzzjonijiet lill-parroċċi u istituzzjonijiet tal-Knisja
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema parroċċi u istituzzjonijiet tal-Knisja f'Għawdex ingħataw kontribuzzjonijiet, għajnuna fi flus jew għajnuna oħra mill-Ministeru tiegħu, jew xi waħda mill-entitajiet li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu minn Jannar 2020 sal-lum?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 9267– għoti ta’ kontribuzzjonijiet lill-parroċċi u istituzzjonijiet tal-Knisja.pdf
Ministeru għal Għawdex — entitajiet, dipartimenti jew awtoritajiet li applikaw għal fondi tal-Unjoni Ewropea
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7402 dwar l-entitajiet, dipartimenti jew awtoritajiet fid-dekasteru tiegħu li applikaw għal xi forma ta' fondi mill-Unjoni Ewropea matul is-snin 2021 u 2022, jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw fondi kull direttorat u entità fuq kull applikazzjoni u għal xiex ingħatat?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 9268 Ministeru għal-Għawdex - entitajiet dipartimenti jew awtoritajiet li applikaw għal fondi tal-Unjoni Ewropea Copy.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid x'għamel s'issa u x’beħsiebu jagħmel fil-futur qarib dwar parti minn Triq Mons Giuseppi De Piro ġewwa ż-Żebbuġ, Għawdex, peress li f’dawn l-aħħar xhur parti minn din it-triq bdiet iċċedi u tisfronda u f'dawn l-aħħar ġimgħat saħansitra ngħalqet kompletament bil-barriers? Jista’ jgħid jekk fil-preżent hemmx periklu għar-residenti li għandhom id-djar f'din il-parti ta’ din l-imsemmija triq? Jista’ jgħid ukoll jekk marx perit tal-Gvern fuq il-post u x'ġie deċiż?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Perit imqabbad mill-Ministeru mar fuq il-post, u qegħdin isiru l-istudji meħtieġa sabiex din it-triq terġa' tinfetaħ lura għall-pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għala f'dawn l-aħħar ġimgħat id-Dipartiment tal-Edukazzjoni ġewwa Għawdex, li mid-9 ta' Settembru 2022 kien beda jopera u jaħdem mill-Gozo Innovation Hub ġewwa x-Xewkija, ma baqax jopera? Jista’ jgħid fil-preżent fejn qed jopera dan id-Dipartiment u l-ħaddiema kollha li kien hemm?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Għawdex – użu ta’ faċilitajiet għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8730 u allura jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7810, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex, u jgħid liema faċilitajiet f’Għawdex se jintużaw għal xi parti mil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li mistennija jsiru f’Malta dalwaqt? Liema dixxiplini se jsiru f’dawn il-faċilitajiet? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm faċilitajiet oħrajn li kienu qed jiġu kkonsidrati li jintużaw għal dawn il-logħob, iżda issa mhux se jintużaw u fil-każ, x’inhi r-raġuni?
Sentenzi tal-Qorti kontra penali maħruġa mill-FIAU
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8719, u fid-dawl ta’ almenu żewġ sentenzi riċenti tal-Prim’Awla (Sede Kostituzzjonali) (ara sentenzi fil-każ tal-Phoenix Payments Limited mogħtija fit-30 ta’ Marzu 2023, u tal-Insignia Cards Limited mogħtija fl-24 ta’ Mejju 2023) kontra penalitajiet tal-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) u l-possibbiltà jew mhux probabbiltà li s-sentenzi sussegwenti fil-kawżi msemmija fl-imsemmi tweġiba jkunu fl-istess vena, jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex qed jiġu kkunsidrati emendi leġiżlattivi fil-konfront tal-liġijiet li jirregolaw il-poteri tal-FIAU biex jimponi penalitajiet sostanzjali?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fir-rigward taż-żewġ sentenzi li għalihom issir riferenza fil-mistoqsija, ninsab infurmat li diġà ddaħħal appell kemm mill-Avukat tal-Istat u kif ukoll mill-FIAU fuq il-każ ta’ Phoenix Payments Limited.
Infurmat ukoll li t-terminu tal-appell fuq il-każ ta’ Insignia Cards Limited għadu ma skadiex u għalhekk ma nistax nikkumenta fuq dan.
Però nirrimarka li kull deċiżjoni li tittieħed, tkun dejjem fl-aħjar interess tal-Pajjiż. Tajjeb li jiġi rrimarkat illi dawn id-deċiżjonijiet li ngħataw mill-ewwel Qorti huma ta' tħassib għal dak li għandu x’jaqsam il-mekkaniżmu ta’ infurzar fuq ksur tar-regolameni kontra l-ħasil tal-flus, speċjalment meta l-pajjiż għadu kemm għadda mill-process tal-greylisting tal-FATF proprju minħabba li kien hemm nuqqas ta' infurzar effettiv kontra ksur ta’ dan it-tip.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8148 u jgħid x'għamel s'issa u x’beħsiebu jagħmel fil-futur qarib rigward Triq Għajn Mhelhel li miż-Żebbug Għawdex twasslek għax-Xwejni peress li f’dawn l-aħħar xhur f'parti minn din it-triq, proprju fil-kantuniera qrib id-daħla tax-Shooting Range, it-triq bdiet iċċedi u tisfronda? Jista’ jgħid jekk fil-preżent hemmx periklu għan-nies u għall-vetturi li jgħaddu minn din l-imsemmija triq? Jista' jgħid ukoll jekk marx perit tal-Gvern fuq il-post u x'ġie deċiż?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq din it-triq huma mistennija li jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.