Legislature:
Category:
Reset
Active:

Avviż nru. 752 li deher fil-Gazzetta tal-Gvern

Question

B’referenza għall-avviż numru 752 li deher fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern tas-6 ta’ Ġunju 2023, jista’ l-Prim Ministru jgħid min hu responsabbli għal ħatriet li saru skont dan l-avviż u a bażi ta’ liema liġi jew awtorizzazzjoni saru dawn il-ħatriet, peress li skont l-imsemmi avviż la jirriżulta min hu responsabbli għal ħatriet u lanqas a tenur ta’ liema poter saru l-istess ħatriet?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Prim’Awla (Sede Kostituzzjonali) — kawżi pendenti kontra l-entitajiet regolatorji tal-Ministeru għall-Ekonomija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx kawżi pendenti kontra l-entitajiet regolatorji li jaqgħu taħt id-dekastru tiegħu quddiem il-Prim’ Awla (Sede Kostituzzjonali) li jitrattaw kontestazzjoni dwar l-allegat non-konformità mal-artikolu 39(1) tal-Kostituzzjoni? Jekk hemm, jista’ jgħid liema huma u f’liema stadju tal-proċeduri waslu quddiem il-Qorti?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Prim’Awla (Sede Kostituzzjonali) – kawżi pendenti kontra l-MFSA

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx kawżi pendenti kontra l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) quddiem il-Prim’Awla (Sede Kostituzzjonali) li jitrattaw kontestazzjoni dwar l-allegat non-konformità mal-artikolu 39(1) tal-Kostituzzjoni u/jew l-Artikolu 6 tal-European Convention of Human Rights and Fundamental Freedom? Jekk hemm, jista’ jgħid liema huma u f’liema stadju tal-proċeduri waslu quddiem il-Qorti?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Il-kawżi li hemm pendenti kontra l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (“MFSA”), u li qegħdin jinstemgħu quddiem il-Prim’Awla (Sede Kostituzzjonali) jammontaw għall-erbgħa. Dawn il-kawżi huma: L-okkju tal-kawża Stadju tal-proċeduri Phoenix Payments Limited vs L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta et (272/2021) Provi tas-soċjetà rikorrenti. Clayton Formosa vs L-Avukat tal-Istat et (23/2023) Provi tal-intimati. Iosif Galea vs L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta et (49/2022) Sentenza fuq eċċezzjoni preliminari mqajma mill-intimati. Carmel Cortis et vs L-Onor. Prim Ministru et (21/2019) Għas-sentenza.

Sentenzi tal-Qorti kontra penali maħruġa mill-FIAU

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9221 u tenut kont ukoll tal-fatt li fl-intervall fil-5 ta’ Ġunju 2023 ġiet mogħtija sentenza oħra tal-Prim Awla (sede Kostituzzjonali) fl-ismijiet Lombard Bank plc v Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) et fl-istess vena tas-sentenzi diġà ċitati fl-imsemmija mistoqsija, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx bżonn urġenti li jiġu riveduti l-liġijiet li jirregolaw l-ħidma u poteri tal-FIAU biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn il-FIAU tkompli timponi penalitajiet sostanzjali li probabbilment se jiġu lkoll kontestati b’suċċess quddiem il-Qrati bir-riżultat li effettivament il-FIAU tispiċċa f’qagħda li ma tistax tiżgura li jiġu mposti penalitjiet qabel ma jiġu emendati l-liġijiet applikabbli biex dawn ikunu konformi mal-interpretazzjoni tal-qrati mogħtija fil-konfront tal-artikolu 39(1) tal-Kostituzzjoni?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif diġa weġibt għall-mistoqsija parlamentari 9221, jien infurmat li fir-rigward tas-sentenzi tal-Prim Awla (sede Kostituzzjonali), li għalihom qed issir riferenza fil-mistoqsija, diġa ddaħħal, u fejn t-terminu tal-appell għadu ma skadiex, se jiddaħħal appell kemm mill-Avukat tal-Istat u kif ukoll mill-FIAU. Nirrepeti li kull deċizjoni li tittieħed, tkun dejjem fl-aħjar interess tal-Pajjiz wara li nieħdu konjizzjoni tas-sentenzi finali tal-Qorti Kostituzzjonali.

Bord Konsultattiv dwar il-Bolli — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Bord Konsultattiv dwar il-Bolli (Stamp Advisory Board), meta ġew maħtura, kemm hu t-terminu tal-ħatra ta’ kull membru u abbażi ta’ liema kriterji ġew maħtura l-membri ta’ dan il-Bord?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Bord Konsultattiv dwar il-Bolli (Stamp Advisory Board) huwa kompost hakk indikat fit-tabella hawn taħt:- Title Sername Name Position on Board Start of Appointment End of appointment Dr Demajo Pascal Chairperson 17/06/2022 16/06/2025 Ms Apap Bologna Greta Member 17/06/2022 16/06/2025 Mr Zammit Tabona Kenneth Member 17/06/2022 16/06/2025 Mr Said Joseph Member 17/06/2022 16/06/2025 Mr Micallef Stephanie Member 17/06/2022 16/06/2025 Dr Marmara Vince Member 17/06/2022 16/06/2025 M Galea Clifford Member 17/06/2022 16/06/2025 Mr Bajada Clint Member 17/06/2022 16/06/2025 Mr Galea Owen Member 17/06/2022 16/06/2025 Ms Simpson M’Grace Secretary 17/06/2022 16/06/2025 Il-membri li jservu fuq dan il-Bord huma appuntati fuq kompetenzi personali u esperjenza akkumulata.

Għawdex u Kemmuna — proprjetajiet mogħtija b’encroachment

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7816 dwar il-lista ta' proprjetajiet li ngħataw b'encroachment mit-8 ta' Marzu 2013 sal-lum, inkluż lil min ingħataw, għal liema skop u kemm ġew mitlubin iħallsu ġewwa Għawdex u Kemmuna, jista’ l-Ministru jżid mal-lista tal-mistoqsija parlamentari 7816 wkoll, kull proprjetà li ngħatat b'encroachment mit-8 ta' Marzu 2013 sal-lum u jsemmi r-raħal, triq jew l-area ġewwa Għawdex u Kemmuna? Jista’ jgħid jekk hux kulħadd ħallas b'mod regolari r-rati applikabbli?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Rabat, Għawdex – Triq Santa Dminka — xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9071 dwar x’tip ta’ xogħlijiet inbdew fuq parti minn Triq Santa Dminka, fir-Rabat Għawdex, f’dawn l-aħħar ġimgħat, fiex kienu jikkonsistu, x’fadal isir u meta hu ppjanat bejn wieħed u ieħor li jitlesta x-xogħol, fejn ġie imwieġeb "li x-xogħlijiet f’din il-parti tat-triq qed isiru minħabba l-problema tal-għarar. Fil-fatt saret sistema ta’ storm water culverts ġdida u dan sabiex tittaffa l-problema tal-għarar. Barra minn hekk, se jinbidlu wkoll is-servizzi tal-ilma kif ukoll dak tad-drenaġġ. Ma' dawn ix-xogħlijiet se jingħata wkoll wiċċ ġdid lil din l-istess triq fejn qed isiru x-xogħlijiet", jista’ l-Ministru jgħid meta ġiet ippubblikata s-sejħa (tender) biex isiru dawn ix-xogħlijiet kollha li ssemmew u kemm se jiġi jiswa dan ix-xogħol kollu? Jista’ jgħid ukoll meta hu ppjanat bejn wieħed u ieħor li jitlesta x-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li s-sejħa pubblika għal-dawn ix-xogħolijiet hija MGOZ/MPU T 7/2018 - Tender for the Construction of a Storm Water Culvert including Reinstatement at Santa Domenika Street, Victoria, Gozo. Ix-xogħol ippjanat li jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.

Għawdex – water parks

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar għaxar snin kemm saru Water Parks ġewwa Għawdex, fejn saru u kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll jekk f'din il-leġiżlatura hemmx ippjanati li jsiru Water Parks ġodda ġewwa Għawdex u jekk iva, fejn u kemm hi maħsuba li se tkun l-ispiża?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qatt ma kien hemm water parks f’Għawdex, imma ma neskludix l-opportunità ’l quddiem, anke bħala parti minn proġett akbar.

Għoti ta’ kuntratti għall-provvista ta’ servizzi, ħwejjeġ u xogħlijiet lis-Servizz Pubbliku u lis-Settur Pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ingħata taħt il-proċedura negozjata għall-provvista ta’ servizzi, ħwejjeġ (goods) u xogħlijiet lis-Servizz Pubbliku u lis-Settur Pubbliku separatament kull sena minn Jannar 2019 ’il hawn? X’kienu s-servizzi, xogħlijiet eċċ. provduti f’kull każ? Kemm kien il-valur ta’ kull kuntratt? Jista’, jekk jogħġbu, iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-avviż (kuntratt taħt il-proċedura negozjata) ippubblikat?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’Seduta oħra.

Bajjiet f’Malta u Għawdex – sand renourishment fil-bajjiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8864, jista' l-Ministru jgħid x'bajjiet ġewwa Għawdex sarilhom is-sand renourishment (ramel fuq ix-xtajta) matul is-snin 2021 u 2022 u kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll liema huma l-bajjiet ġewwa Għawdex li se jsirilhom is-sand renourishment qabel u matul is-sajf 2023 u kemm hi stmata li se tkun l-ispiża?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma sar l-ebda sand renourishment fl-ebda bajja f’Ghawdex u lanqas hemm pjanat li jsir fl-2023. Madanakolllu bdiet diskussjoni anke ma' Ministeri oħra rigward tali possibilita b’mod partikulari għax-Xlendi.

Proġetti f’Għawdex u Kemmuna mill-MTA

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti saru mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) ġewwa Għawdex u Kemmuna matul l-aħħar sentejn u kemm kienet in-nefqa? Jista’ jgħid ukoll xi proġetti saru jew se jsiru mill-MTA ġewwa Għawdex u Kemmuna matul is-sena 2023 u kemm se tkun in-nefqa?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Kumpaniji privati — applikazzjonijiet għall-fondi tal-UE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’applikazzjonijiet saru minn kumpaniji privati għall-fondi tal-Unjoni Ewropea mill-Baġit 2014-2020? Jista' jgħid taħt liema programmi saru dawn l-applikazzjonijiet u f'kull każ għal xiex kellhom jintużaw il-fondi Ewropej? Jista’ jgħid f’liema stadju waslu l-applikazzjonijiet minn dawn il-kumpaniji privati u ċjoè jekk ġewx approvati jew le? Jista' jgħid dawk li ġew approvati, liema kienu u x'inhu l-persentaġġ li joħorġu mill-Fondi tal-Unjoni Ewropea u mill-Gvern Malti u jelenka f’kull każ l-isem tal-kumpanija benifiċjarja?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – xiri ta’ apparat

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’apparat mistenni jinxtara b’ko-finanzjament mill-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex matul din is-sena? Meta mistenni jinħareġ it-tender indikat fl-istess tweġiba tiegħu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għaddej ix-xogħol ta’ preparament għall-ħruġ ta’ tender għax-xiri ta’ magna tal- MRI ġdida għall-Isptar ta’ Għawdex.

Xlendi, Għawdex – tender għall-cruise liners

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16587 tal-Leġiżlatura XIII li ngħatat fid-19 ta' Ottubru 2020, dwar it-tender li kien qed jiġi abbozzat f'Ottubru 2016 għal baga akbar għall-cruise liners fix-Xlendi fejn kien ġie mwieġeb li “it-tender ma kienx ħareġ għal raġuni li ġie deċiż li dan ikun inkorporat bħala parti mill-Master Plan li tiġbor fiha proġett ħolistiku tar-riġenerazzjoni tax-Xlendi”, jista’ l-Ministru jgħid jekk f'dawn is-sentejn u nofs il-Master Plan tax-Xlendi tlestiex? Jekk tlesta, jista’ jqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid jekk is-sejħa għal baga akbar għall-cruise liners fix-Xlendi issa ġietx ippubblikata u jekk intgħażilx min se jagħmel dan ix-xogħol? Meta hu maħsub li din il-baga tkun lesta u meta hu ppjanat li jorbtu magħha l-ewwel cruise liners? Kemm hi l-ispiża totali maħsuba għal dan il-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għal baga tal-cruiseliner għadu ma ġiex ippubblikat u biex jagħmel referenza għal mistoqsija parlamentari numru 3745.

Nadur, Għawdex – Triq ir-Rabat – railings taċ-ċint tal-bankina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġu sostitwiti r-railings taċ-ċint tal-bankina ta' Triq ir-Rabat, fin-Nadur Għawdex, li jinsabu eżatt qabel id-daħla tar-raħal tan-Nadur, peress li huma kollha sadid u ta' periklu kbir?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-railings taċ-ċint tal-bankina ta’ Triq ir-Rabat, fin-Nadur se jinbidlu fil-ġimgħat li ġejjin.

Prim’Awla Sede Kostituzzjonali – kawżi pendenti kontra l-Avukat tal-Istat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti kontra l-Avukat tal-Istat quddiem il-Prim’Awla (Sede Kostituzzjonali) li jittrattaw kontestazzjoni dwar l-allegat non-konformità mal-artikolu 39(1) tal-Kostituzzjoni? Jekk hemm, jista’ jgħid liema huma u f’liema stadju tal-proċeduri waslu quddiem il-Qorti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sas-6 ta’ Ġunju 2023.

Proġetti f’Malta, Għawdex u Kemmuna permezz ta' fondi tal-UE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti taħt il-programmi Next Generation EU permezz tal-Pjan ta' Rkupru u Reżiljenza u fejn jinsabu ġewwa Malta, Għawdex u Kemmuna? Jista’ jgħid ukoll kemm hu l-valur tal-proġetti li ġew aċċettati u liema ma ġewx aċċettati u liema Ministeru applika għalihom biex isiru? Jista’ jgħid ukoll kemm se jingħata flus kull Ministeru minn dan il-fond fuq kull proġett u kemm hu l-valur globali ta’ kull proġett? Jista’ jgħid jekk hemmx proġetti pendenti li għadhom qed jiġu skrutinati u jekk humiex se jibbenefikaw minn dan il-programm jew le? Jista’ jgħid ukoll hux se jingħataw aktar flus minn dawn il-Programmi u jekk iva, kemm se jingħata minn dan il-fond u għal liema proġetti oħra? Jista’ jgħid meta jagħlaq it-terminu li wieħed jista’ japplika għall-flus taħt il-faċilità tan-Next Generation EU?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Għawdex – parks, ġonna u playing fields

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' fejn u kemm hemm parks, ġonna u playing fields li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella ta’ hawn taħt. Ġnien Ċensu Xiberras Ġnien Dawwara Nursery Ġnien Ulysses Grove Ġnien Ġnien ta’ Tliet Għoljiet Ġnien/Playing Field Villa Rundle Ġnien Qortin T’Isopu Ġnien

Għajnsielem – Dar tal-Anzjani San Ġużepp – xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-data (xahar u sena) ta’ meta d-Dar tal-Anzjani San Ġużepp, fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem, se tiġi inawgurata u tilqa' fiha l-ewwel anzjani, peress li x-xogħol fuq din id-dar issa ilu li nbeda aktar minn tmien snin u nofs imma għadha fi stat ta’ ġebel u saqaf? Jista’ jgħid kemm ser tkun qed tieħu anzjani din id-dar? Jista’ jgħid ukoll jekk il-kuntratt mal-offerent preferut ġiex iffirmat u jekk iva meta ġie ffirmat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dar ta’ San Ġużepp fi Triq l-Imġarr Għajsielem, se tibda tilqa' l-ewwel anzjani fil-bidu tas-sena d-dieħla. Il-kuntratt għadu ma ġiex iffirmat però mistenni jkun iffirmat u jitħabbar dan pubblikament fil-ġimgħat li ġejjin.

Servizz ta’ ġardinar u handyman

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm anzjani jibbenefikaw minn ġardinar u handyman fid-djar tagħhom mill-Gvern? Kemm hi l-waiting list (f’tul ta' żmien) biex jingħataw dawn is-servizzi fid-djar mill-Gvern lill-anzjani f'Għawdex? Jista’ jgħid ukoll fil-preżent kemm hemm ħaddiema impjegati mal-Ministeru li qed jagħtu s-servizz ta' ġardinar u ta' handyman fid-djar mill-Gvern lill-anzjani f’Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fil-każ taż-żewġ servizzi li qed jingħataw b’xejn lill-anzjani tagħna, l-informazzjoni relatata hi kif indikata: ĠARDINAR: Minn Jannar sal-lum kien hemm 170 residenza li bbenefikat mis-servizz, b’uħud minn dawn kienu applikanti li ħadu s-servizz qabel. Attwalment hemm 66 applikazzjoni pendenti għas-servizz, bi ftit minnhom li jridu jerġgħu jibbenefikaw għat-tieni jew it-tielet darba. Is-servizz qed jingħata minn 3 Social Assistants impjegati mal-kuntrattur. HANDYMAN: Minn Jannar sal-lum kien hemm 55 anzjan li bbenefikaw mis-servizz tal-handyman fid-dar u m'hemm l-ebda lista ta’ stennija għas-servizz, anke għax dan jingħata fl-iqsar ħin possibbli. Is-servizz ukoll qed jingħata minn Social Assistant impjegat mal-kuntrattur.