B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8732 li ngħatat fit-23 ta' Mejju 2023 fejn kien ġie mwieġeb li "sabiex il-Ministeru ma jerġax jinqabad f’sitwazzjoni li ma jkollux tender/kuntratt biex jaħdem xogħol ta’ urġenża, fil-ġimgħat li ġejjin mistennija toħroġ ukoll Sejħa għal Offerti", jista’ l-Ministru jgħid jekk din is-sejħa ħarġitx u jekk iva, meta ħarġet u kemm hu l-valur ta’ din is-sejħa u għal kemm hu t-tul ta' żmien (eżekuzzjoni) ta’ din is-sejħa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender qed jiġi abbozzat.
Ministeru għal Għawdex – sejħa pubblika ta’ Headship Positions
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10035 kollha kemm hi (intera) u jgħid jekk hemmx ħsieb li fil-futur qarib jinħolqu karigi ġodda ma’ dawk li hemm diġà ta' Headship Positions (DGs u Diretturi) fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u jekk iva, kemm u liema se jkunu?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li dwar karigi ta' headship positions fis-servizz pubbliku hemm kollox fis-sejħa li nħarġet fit-2 ta' Ġunju 2023. Sejħiet oħra joħorġu fi żmienhom skont l-esiġenzi tas-servizz.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 9899, li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u ċjoè: B’referenza għall-avviż numru 752 li deher fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern tas-6 ta’ Ġunju 2023, tista’ l-Ministru tgħid min hu responsabbli għal ħatriet li saru skont dan l-avviż u abbażi ta’ liema liġi jew awtorizzazzjoni saru dawn il-ħatriet, peress li skont l-imsemmi avviż la jirriżulta min hu responsabbli għal ħatriet u lanqas a tenur ta’ liema poter saru l-istess ħatriet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li l-Engineering Resources Ltd hija kumpanija l-Bord tad-Diretturi jinħatar skont kif jipprovdu l-Memorandum u l-Artikoli tal-Assoċjazzjoni tal-kumpanija.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9899 mogħtija fl-20 ta’ Ġunju 2023, jista’ l-Prim Ministru jgħid min hu l-Ministru responsabbli għal dawn il-ħatriet peress li mill-imsemmi avviż nru 752 imkien ma hemm indikat la min hu l-Ministru responsabbli u lanqas l-istrument legali jew liġi li a tenur tagħha saru dawn il-ħatriet?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru responsabbli għal dawn il-ħatriet huwa dak għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tat-toroq ġewwa Għawdex, maqsuma skont il-lokalità, li saru mill-ġdid taħt il-wegħda tal-Gvern li jsir l-asfaltar tat-toroq kollha f'seba’ snin u flimkien mal-isem tat-triq rispettiva, iniżżel id-data ta' meta tlesta x-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22594 li ngħatat fit-8 ta' Novembru 2021 rigward Proġetti Marittimi ġewwa Għawdex mill-Ministeru tiegħu, ċjoè minn Infrastructure Malta, fejn kien ġie mwieġeb li "Fiż-żmien li ġej se jsiru wkoll tiswijiet estensivi jew jinbnew mill-ġdid l-iskall u l-moll ta’ Ħondoq ir-Rummien u l-iskall li hemm fil-Qbajjar li kollha jintużaw mill-pubbliku ġenerali, kif ukoll ser tinbidel ir-rampa minn fejn jiġu varati d-dgħajjes fid-Dwejra li tintuża anke minn kumpaniji li joffru servizzi għall-għaddasa u vjaġġi mal-kosta", jista’ l-Ministru jgħid liema minn dawn il-proġetti msemmija, beda x-xogħol fuqhom u meta nbeda, kemm minnhom tlestew u meta tlestew u kemm ġew jiswew? Jista’ jgħid ukoll meta hu maħsub (xahar u sena) li jinbdew u jitlestew dawn it-tiswijiet estensivi jew bini mill-ġdid ta' dawn il-postijiet imsemmija? Kemm huma ppjanati li jiġu jiswew kull wieħed minn dawn il-proġetti?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant l-kuntratt tax-xogħol fuq l-iskall tal-Qbajjar li hu stmat li jiswa madwar kwart ta’ miljun ewro issa huwa aġġudikat, bix-xogħol mistenni jibda wara s-sajf. Dawn wara li l-Aġenzija Infrastructure Malta għaddiet minn proċess biex ġabet il-permessi necċessarji biex jitwettaq dan ix-xogħol.
Ix-xogħol preparatorju għax-xogħlijiet f’Ħondoq u d-Dwejra għaddej ġmielu, bl-Aġenzija mistennija toħrog is-sejħa għall-offerti ta’ dawn ix-xogħlijiet fix-xhur li ġejjin, b’investiment li jilħaq kważi nofs miljun ewro.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il esproprjazzjoni ta' art jew bini sar f'Għawdex u Kemmuna sena b'sena minn Novembru 2016 sal-ġurnata li fih tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid f'kull każ x'kien l-iskop tal-esproprjazzjoni u kemm kien il-prezz li bih ġiet stmata l-istess art? Jista’ jgħid f'kemm minn dawn il-każijiet il-prezz mogħti mill-Kummissarju tal-Artijiet lis-sidien ġie aċċettat minn dawn tal-aħħar u f'kemm il-każ dan il-prezz ma ġiex aċċettat?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.
Ċentru tal-Università — Ix-Xewkija – xogħlijiet fuq l-estensjoni
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4372, 6381, 7410, 9266 u 10032, li issa ilhom pendenti diversi ġimgħat, u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2543 dwar ix-xogħlijiet fuq l-estensjoni taċ-Ċentru tal-Università fix-Xewkija, Għawdex, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija kollha kemm hi (intiera) u jgħid din l-estensjoni meta hu maħsub li tkun lesta minn kollox u tibda tintuża? Jista' jgħid ukoll meta nbeda x-xogħol fuqha?
Response
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-Università ta’ Malta għadhom ma ppubblikawx it-tender rigward ix-xogħlijiet konċernati.
Ir-Rabat, Għawdex – Triq Ġuże Ellul Mercer — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għala f'dawn l-aħħar xhur saret parti biss minn Triq Ġuże Ellul Mercer, fir-Rabat Għawdex, u ma saritx it-triq kollha kemm hi peress li tinsab fi stat ħażin ħafna? Jista’ jgħid meta bejn wieħed u ieħor hu ppjanat li ssir il-parti tat-triq li għadha ma saritx?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li sar ma jinkorporax ix-xogħol tat-triq kollha imma biex jindirizza żona partikolari fl-istess triq.
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-iktar ħames ilmenti frekwenti li ġew irreġistrati fis-sistema jew sistemi li tintuża mill-customer care tal-Ministeru tiegħu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru jirċievi talbiet għal informazzjoni dwar xogħol u sigurtà soċjali, informazzjoni dwar skemi, għajnuniet u regoli ta' awtoritajiet differenti tal-Gvern u informazzjoni marbuta ma' bżonnijiet f'lokalitajiet differenti.
Rabat Għawdex — triq l-Ewropa - problema ta' drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta ser isolvi b'mod permanenti l-problema ta' drenaġġ jew ilma maħmuġ li qed jiskula u ilu jiskula għal xhur sħaħ lejl u nhar fi Triq l-Ewropa, quddiem il-Gozo Sports Complex, ġewwa r-Rabat Għawdex, b'inkonvenjent kbir għar-residenti u l-persuni li jgħaddu minn din it-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan l-ilma mhuwiex drenaġġ u ġej minn culvert minn Triq Fortunato Mizzi u ilu ġej għal snin twal. Dan il-culvert iwassal għal storm water culverts ħdejn is-sixth form.
Peress li t-terminu tal-programm ta’ fondi Ewropej wasal biex jiġi fi tmiemu, u nbeda jew ħa jinbeda wieħed ġdid, jista’ l-Ministru jgħid liema proġetti spiċċaw u dawk li għadhom għaddejjin jew ħa jinbdew f'kull Ministeru minn dawn il-fondi? Kemm intefqu flus għal dawn il-proġetti?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx imposti penalitajiet finanzjarji (irrispettivament mill-mod kif deskritti) da parti tal-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) mill-bidu ta’ din is-sena, maqsuma xahar b’xahar? Jekk fl-affermattiv, jista’ f’kull każ jgħid:
a. kemm kien l-ammont tal-penali imposti;
b. jekk deċiżjoni tal-FIAU fejn imponiet il-penali, ġietx appellata; u
ċ. jekk fil-konfront tal-istess deċiżjoni sarx rikors kostituzzjonali minħabba allegazzjoni li d-deċiżjoni meħuda kienet bi ksur tal-artikolu 39(1) tal-Kostituzzjoni u/jew l-artikolu 6(1) tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR)?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitblua qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx imposti penalitajiet finanzjarji (irrispettivament mill-mod kif deskritti) da parti tal-Malta Gaming Authority (MGA) mill-bidu ta’ din is-sena, maqsuma xahar b’xahar? Jekk fl-affermattiv, jista’ f’kull każ jgħid:
a. kemm kien l-ammont tal-penali imposti;
b. jekk deċiżjoni tal-MGA fejn imponiet il-penali, ġietx appellata; u
ċ. jekk fil-konfront tal-istess deċiżjoni sarx rikors kostituzzjonali minħabba allegazzjoni li d-deċiżjoni meħuda kienet bi ksur tal-artikolu 39(1) tal-Kostituzzjoni u/jew l-artikolu 6(1) tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR)?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
L-Awtorità ta’ Malta dwar il-Logħob enforzat ħdax-il multa (11) amministrativa minn Jannar tas-sena għelfejn u tlieta u għoxrin (2023) sa Ġunju tal-istess sena.
L-ammonti relattivi qegħdin jiġu mqassmin skont ix-xahar meta ġew maħruġa:
Xahar
Total għal kull xahar
Jannar
€33,000
Frar
€66,000
Marzu
€11,200
April
-
Mejju
€12,000
Ġunju
€4,500
L-ebda multa amministrativa ma ġiet appellata quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva.
L-ebda multa ma tat lok għal kawża kostituzzjonali b’allegat ksur tal-artikolu 39(1) tal-Kostituzzjoni u l-artiklu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
Għawdex – anzjani li qegħdin fuq il-lista ta’ stennija biex jidħlu f’dar tal-anzjani
Question
Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm anzjani rġiel u nisa li jixtiequ jidħlu f'xi dar tal-anzjani ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid kemm hi l-waiting list (f’tul ta' żmien) biex ikollhom dan is-servizz mill-Gvern lill-anzjani f'Għawdex li jixtiequ jgħixu f’dar tal-anzjani?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 14 fuq il-waiting list, 5 irġiel u 9 nisa. Ilhom jistennew inqas minn sena.
Iż-żmien biex jidħlu jiddependi skont is-sodod vakanti. Peress li d-dar tinsab mimlija, irid jiġi nieqes resident biex jidħol ieħor. F’dak il-każ fi żmien ħmistax-il ġurnata, l-applikazzjoni tiġi proċessata, jsir l-assessment neċessarju u l-persuna tidħol fid-dar residenzjali.
F’każ ta’ respite f’inqas minn ġimgħa kull applikazzjoni tiġi proċessata u l-anzjan/a jista’/tista’ t/jqatta 9 ġimgħat respite fid-dar tal-anzjani.
Għawdex — anzjani li jibbenefikaw minn servizz ta’ hairdresser f’darhom
Question
Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm anzjani rġiel u nisa li qed jibbenefikaw minn hairdresser fid-djar tagħhom mill-Gvern u kemm ilu jingħata dan is-servizz? Kemm hi l-waiting list (f’tul ta' żmien) biex jingħataw dawn is-servizzi fid-djar mill-Gvern lill-anzjani f'Għawdex?
Jista’ jgħid ukoll fil-preżent kemm hemm ħaddiema impjegati mal-Ministeru li qed jagħtu s-servizz ta' hairdresser fid-djar mill-Gvern lill-anzjani f’Għawdex? Jista’ jgħid kemm hemm anzjani rġiel u nisa fil-preżent li b' mod regolari jużaw dan is-servizz?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru għal Għawdex hemm uffiċjal waħda impejgata bħala hairdresser. Permezz ta’ dan is-servizz, sa issa bbenefikaw 326 anzjan, u attwalment hemm 59 anzjan/a li qed jużaw dan is-servizz b’mod regolari. Waiting list ma hemmx.
Dan is servizzi ilu jingħata għal dawn l-aħħar seba’ snin lil dawk l-anzjani li huma home bound u hu parti mis-servizzi li l-Ministeru għal Għawdex joffri lill-anzjani.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema Master Plans u inizjattivi qed taħdem bħalissa l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex (GRDA)? Jista’ jgħid ukoll kemm ilhom li nbdew dawn l-inizjattivi u l-Master Plans, kemm ilu jsir xogħol fuqhom, għal liema raġuni kienu meħtieġa u għal xiex se jintużaw? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew jiswew s’issa dawn l-inizjattivi u l-Master Plans u jekk ix-xogħol hux qiegħed isir kollu mill-ħaddiema tal-GRDA jew jekk tqabbdux nies oħrajn?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Proposti minn Sindki Għawdxin dwar żvilupp f’Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm minn aktar minn 30 proposta li saru mis-Sindki kollha Għawdxin f'rapport li ppreżentaw lill-predeċessur tiegħu dwar l-iżvilupp f'Għawdex fil-bidu ta' April 2021, fil-fatt ġew attwati sal-lum? Jista' jgħid ukoll f'kull każ fejn wasal ix-xogħol fuq kull waħda minn dawn il-proposti u meta hu mistenni li jitwettqu? Jekk hemm minn dawn il-proposti li ma ġewx aċċettati mill-Gvern, jista' jgħid liema huma u x’inhi r-raġuni li ma ġewx aċċettati?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Ir-Rabat Għawdex — Triq Mro Giuseppe Giardini Vella - xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ xogħlijiet inbdew f’dawn l-aħħar ġranet f'parti mit-Triq Mro Giuseppe Giardini Vella fir-Rabat Għawdex fid-daħla għall-foss taċ-Ċittadella, u fiex jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet? Jista’ jgħid x’fadal isir u meta hu ppjanat bejn wieħed u ieħor li jitlesta x-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar ġranet beda xogħol ta’ emerġenza fid-daħla għall-foss taċ-Ċittadella. Dan ix-xogħol jikkonsisti fit-tneħħija tat-terrapien u knaten li kienu waqgħu wara maltempata li seħħet fil-bidu ta’ Frar 2023, u fl-istabbilizzazzjoni tal-bqija tal-ħajt u entratura għall-foss bi blokok tal-konkrit. Tneħħa wkoll il-pont li kien qed jaqsam minn parti għal oħra tal-covert-way biex jiġi evitat kull periklu. Ix-xogħol seta’ jibda wara konsultazzjoni sħiħa mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u nġab il-permess mill-Awtorità tal-Ippjanar. Ix-xogħol kollu qed isir taħt il-monitoraġġ ta’ arkeologu, li qed jinvestiga t-terrapien kollu mneħħi mis-sit. L-ewwel fażi tax-xogħol hu mistenni li jitlesta sal-aħħar ta’ Ġunju sabiex l-attivitajiet kulturali skedati fiż-żona tal-Foss taċ-Ċittadella għal dan is-sajf ikunu jistgħu jsiru kif ippjanat.