Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qala Għawdex – Triq iż-Żewwieqa — Belveder

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13551 tat-13-il Leġiżlatura, li ngħatat fl-20 ta' April 2020, rigward Triq iż-Żewwieqa fil-Qala Għawdex, fejn kien ġie mwieġeb “il-Ministeru għal Għawdex qed jevalwa jistax isir Belvedere fuq art pubblika li tista’ tintuża għal dan l-iskop” u li “matul din it-triq se jitħawlu ammont sostanzjali ta’ siġar u arbuxelli fil-ġimgħat li ġejjin kif ukoll ser jiġu restawrati l-ħitan tas-sejjieħ”, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex evalwat jekk jistax isir Belvedere fuq art pubblika u jekk iva x' kien l-eżitu? Jista jgħid ukoll jekk tħawlux ammont sostanzjali ta' siġar u arbuxelli u jekk ġewx restawrati il-ħitan tas-sejjieħ f’din l-imsemmija triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex irrestawra diversi ħitan tas-sejjieħ fi Triq iż-Żewwieqa. Rigward l-art pubblika, idderiġejt lid-dipartiment sabiex tiġi identifikata liema hi art tal-Gvern u liema hi tal-privat.

Għawdex – bini ta’ fire station għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul din il-Leġiżlatura hemmx ħsieb li jinstab post ġdid u tinbena fire station għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġewwa Għawdex, sabiex ilaħħaq mal-ħtiġijiet u bżonnijiet preżenti u futuri tal-gżira Għawdxija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivilli huwa wieħed proattiv u dejjem iħares li l-imkejjen kollha tal-pajjiż ikunu milħuqa bl-aħjar mod. F’Għawdex, apparti l-istazzjon tat-tifi tan-nar preżenti, qed jintuża wkoll sit ieħor biswit il-pitkalija b’mod temporanju. Deċiżjonijiet dwar it-tieni stazzjon b’mod permanenti jittieħdu abażi ta’ studji u skont in-neċessitajiet.

Għawdex – Xewkija – Triq il-Pitkalija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li Triq il-Pitkalija, fix-Xewkija Għawdex, ilha għal aktar minn sentejn u nofs b'kisja waħda ta' asfalt? Meta hi ppjanata li tingħata l-aħħar kisja ta' asfalt lil din it-triq u b'hekk tkun lesta minn kollox?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt lid-dipartiment ikkonċernat sabiex tali kisja tingħata.

Għawdex – Port tal-Imġarr – Rilokazzjoni għall-membri tal-AFM

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7812 li ngħatat fil-25 ta' April 2022 dwar fiex waslet ir-rilokazzjoni, u meta se sseħħ, għal post aħjar li minnu joperaw is-suldati tal-komponent marittimu u tal-EOD fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) fil-Port tal-Imġarr, Għawdex, fejn kien ġie mwieġeb li “possibbilment identifikat post alternattiv ta’ rilokazzjoni. Dan l-aħħar ġiet stabbilita ta’ min hija l-art u issa se jibda proċess ta’ diskussjoni bejn id-dipartimenti konċernat”, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra site plan tal-post alternattiv ta' rilokazzjoni li ġie identifikat? Jista’ wkoll jaġġorna lill-Kamra dwar l-aħħar żviluppi u xi jmiss issa u meta hu maħsub, xahar u sena, li ssir ir-rilokazzjoni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi fil-jiem li ġejjin hemm meeting skedat ma’ Transport Malta għal aktar diskussjonijiet.

Ministeru għal Għawdex – Intervention Unit — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7704 kollha kemm hi (intera) u jgħid x’inhu l-grad ta' kull ħaddiem fl-Intervention Unit fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-gradi tal-ħaddiema fi ħdan l-Intervention Unit ivarjaw minn Chief Scientific Officer sa Motor Transport Driver III, kif muri fit-tabella ta’ hawn taħt. Numru ta’ Ħaddiema Grad 1 Chief Scientific Officer 1 Senior Principal 1 Senior Economics Officer 1 Scientific Officer 2 Senior Foreman 1 Assistant Foreman 1 Senior Tradesman 5 Supervisor 2 Tradesman 1 Motor Transport Driver III

Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) – talba għal interim measures

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, sena b’sena mill-2019 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il talba għall-ħruġ ta’ interim measures saret da parti tad-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) a tenur tal-artikolu 12E tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378? Jekk saru, kemm minnhom ġew milqugħa mill-Qorti?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2019 saret talba għall-ħruġ ta’ interim measures da parti tad-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) a tenur tal-artikolu 12E tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378 (l-Att), liema talba ma ġietx milqugħa peress li l-Qorti kkonsidrat illi għall-ħruġ ta' tali miżuri jeħtieġ urġenza fis-sens li jekk ma jinħarġux miżuri ser ikun hemm il-potenzjalità realistika ta' ħsara kbira lill-konsumatur, u l-Qorti qieset li f'dan il-każ il-miżuri mitluba ma kinux proporzjonati għall-ilmenti magħmula. Wara dan il-każ sal-lum ma sarux talbiet oħra skont l-imsemmi artikolu 12E tal-Att.

Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) – talba għal interim measures

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, sena b’sena mill-2019 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il talba għall-ħruġ ta’ interim measures saret da parti tad-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) a tenur tal-artikolu 15 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni, Kap. 379? Jekk saru, kemm minnhom ġew milqugħa mill-Qorti?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) ma għamel l-ebda talba lill-Qorti għall-ħruġ ta’ interim measures a tenur tal-artikolu 15 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni mill-2019 sal-ġurnata tal-lum.

MFSA — Enforcement Decisions Committee - kompożizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux kompost l-Enforcement Decisions Committee fi ħdan l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA)? Jekk hu kompost, jista’ jgħid min huma l-membri tiegħu, kemm hu t-terminu tal-ħatra ta’ kull membru u abbażi ta’ liema kriterji ġew appuntati?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sal-ġurnata ta’ din ir-risposta, l-Enforcement Decisions Committee fi ħdan l-MFSA għadu mhux kompost.

Xagħra, Għawdex – proġett tal-Għar ta’ Calypso

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Għar ta' Calypso ġewwa x-Xagħra Għawdex, liema għar issa ilu magħluq għall-pubbliku għal diversi snin peress li kienet ċediet parti minnu? In vista tal-fatt li ż-żewġ Ministri ta' qablu ddikjaraw kemm-il darba li x-xogħol kien wasal biex jibda u li dalwaqt jerġa’ jinfetaħ, jista’ l-Ministru jagħti break down tal-flus li ntefqu s’issa fuq dan il-proġett? Jista’ jgħid ukoll meta hu ppjanat li jinbeda x-xogħol u meta se jitlesta u jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanti tal-proġett ġew riveduti biex il-binja proposta tokkupa spazju li kien diġà kompromess minn żvilupp preċedenti. Ingħalqu l-konsultazzjonijiet mal-entitajiet konċernati u hu mistenni li l-proċess jitkompla mal-Awtorità tal-Ippjanar. Hu ppjanat li s-sejħiet għall-offerti biex ikun jista' jinbeda x-xogħol jiġu ppubblikati hekk kif jinħarġu l-permessi neċessarji.

Ministeru għal Għawdex – fondi tal-UE għall-bini jew irranġar ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru għal Għawdex hux mistenni li jitlob finanzjament għall-bini jew irranġar ta' toroq minn fondi tal-Unjoni Ewropea għal dak li jirrigwarda toroq li jgħaqqdu rħula ma' xulxin, minkejja li dawn mhumiex toroq arterjali jew distributorji? Jekk iva, liema talbiet saru s'issa għal tali finanzjament?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru qiegħed isegwi mill-qrib is-sejħiet li joħorġu minn programmi diversi tal-Unjoni Ewropea biex jkun jista' jesplora l-possibbilità li japplika għal tali fondi fejn ikun possibbli u rilevanti kif ġara fil-programm li għadda fejn ibbenifika minn madwar 10 miljun ewro għal 30 km ta’ ħitan.

Għawdex — Triq ir-Rabat u Triq Ta' Xħajma – miżuri kontra sewqan eċċessiv

Question

Fid-dawl tal-inċidenti riċenti u ta' dawn l-aħħar xhur li seħħew kemm fi Triq ir-Rabat kif ukoll Triq Ta' Xħajma, it-triq prinċipali li twassal għar-raħal tan-Nadur, jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu jew beħsiebu jieħu l-Gvern jew l-entitajiet tiegħu biex tiġi indirizzata l-problema ta' sewqan eċċessiv jew abbużiv f'din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex – picnic areas ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar għaxar snin kemm saru picnic areas ġodda ġewwa Għawdex, fejn saru u kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll jekk f'din il-leġiżlatura hemmx ippjanati li jsiru picnic areas ġodda ġewwa Għawdex u jekk iva, fejn u kemm hi maħsuba li se tkun l-ispiża?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm ma sarux proġetti bħala picnic areas per se, sar xogħol ta’ tisbiħ u titjib f’numru ta’ ġonna kemm mill-gvern kif ukoll mill-kunsilli, sabiex ikunu jistew jintużaw mill-pubbliku anke bħala picnic areas. Eżempju ta’ dan hu l-proġett ta’ rijabilitazzjoni tal-eks miżbla tax-Xagħra fejn illum sar spazju u ġnien pubbliku li jista' jintuża ukoll għal dan il-għan.

MDIA – Chairperson u membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ċ-Chairperson u l-membri attwali tal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA) ġew appuntati għall-ewwel darba, meta tiġi fi tmiem il-ħatra attwali tagħhom u abbażi ta’ liema kriterji kull membru ġie appuntat?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazjoni mitluba tinsab fit-tabella t'hawn taħt. Title Surname Name Position on Board Date of 1st Appointment Term of Appointment Mr. Grixti Wayne Chairperson 26/09/2022 25/09/2023 Mr. Ablett Daniel Board Member 26/09/2022 25/09/2023 Mr. Micallef Sandro Board Member 01/11/2020 25/09/2023 Ms. Busuttil Patrizia Board Member 01/11/2020 25/09/2023 Ms. Falzon Nicole Board Member 26/09/2022 25/09/2023 Mr. Vella Omar Board Member 01/11/2020 25/09/2023 Mr. Vella Nigel Board Member 01/11/2020 25/09/2023 Mr. Camilleri Mark Board Member 26/09/2022 25/09/2023 Mr. Galea Anthony Board Member 26/09/2022 25/09/2023 Dr. Attard Ramona Secretary 01/11/2020 25/09/2023 Dawn inħatru abbażi ta’ diversi fatturi u kwalitajiet fosthom esperjenza, u li jkollhom ħiliet ta’ tmexxija u ġudizzju meħtieġ biex iwettqu dik il-funzjoni skont l-objettivi li l-entità tkun imwaqqfa għalihom.

Tender għall-provvediment ta’ oġġetti użati minn anzjani u persuni b’diżabilità

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3714 li ngħatat fil-21 ta' Novembru 2022 dwar it-tender 'Framework agreement for the provision of incontinence diapers, pull-ups, pads and inco-sheet for senior citizens and persons with special needs for the Ministry for Gozo' CfT ID:SPD3/2022/045’ li ġiet ippubblikata fis-7 ta' Lulju 2022 fejn kien ġie mwieġeb li "dwar dan it-tender qiegħda tinstema' kawża ta’ Appell quddiem il-Qorti", jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar l-aħħar żviluppi dwar din is-sejħa u jekk din is-sejħa ġietx awarded?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għalqet nhar is-17 ta’ Marzu 2023 u ġiet awarded fil-5 ta’ Ġunju 2023. Madankollu, ġiet sottomessa oġġezzjoni oħra u għaldaqstant il-proċess reġa' ġie sospiż.

SmartCity – Bini ta’ ITS Campus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex toħroġ is-sejħa pubblika għall-bini ta' ITS Campus ġdid ġewwa SmartCity? Jista jgħid meta bejn wieħed u ieħor hu ppjanat li jibda x-xogħol ta' kostruzzjoni u li jitlesta dan il-proġett biex ikun jista’ jilqa’ fih l-ewwel studenti?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għandu jinħareġ sal-aħħar tas-sena. Ix-xogħol ta’ tħaffir jinsab fi stadju avvanzat ħafna, u l-kostruzzjoni mistennija tibda fl-ewwel nofs ta-sena d-dieħla. Qed jiġi proġettat li l-ewwel sena akkademika tibda f’Ottubru 2026.

Construction and Extension of Marsamxett Ferry Landing Place

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar is-sejħa IMT014/2022 'Construction and Extension of Marsamxett Ferry Landing Place including the Construction of the Breakwater, Slipway, Jetty, Boat Hardstanding Area, Waiting Facilities, Gangways and Fenders' u jgħid fiex wasal il-proċess ta' aġġudikazzjoni? Jista’ jgħid ukoll minn min huma fformati t-tliet Joint Ventures li tefgħu l-offerta? Jista’ jgħid jekk dan il-proġett huwiex se jkun iffinanzjat minn xi programm tal-Unjoni Ewropea u jekk iva, minn liema programm u minn liema Baġit u meta hu ppjanat li jitlesta dan ix-xogħol?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

FIAU – Compliance Monitoring Committee

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema hu l-istrument legali li jirregola l-ħatra, il-kompożizzjoni u l-funzjonijiet tal-Compliance Monitoring Committee fi ħdan il-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU)?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Compliance Monitoring Committee mhux kumitat statutorju iżda kumitat imwaqqaf skont il-politika tal-Bord tal-Gvernaturi tal-FIAU. L-artikolu 18(2) tal-Att Kontra Money Laundering (Kapitlu 373 tal-Liġijiet ta’ Malta) jgħid li “Il-Bord ikun responsabbli ghall-politika li għandha tiġi adottata mill-Korp u li għandha tiġi esegwita u mwettqa mid-Direttur…”. L-artikolu 13(2) tal-istess Att jgħid li l-pieni amministrattivi għandhom jiġu imposti mill-Korp konformement ma’ kull politika u proċedura stabbilita mill-Bord tal-Gvernaturi. Għaldaqstant, il-Compliance Monitoring Committee huwa kumitat intern imwaqqaf skont proċeduri stabbiliti mill-Bord tal-Gvernaturi dwar kif il-Korp għandu jiddeċiedi u jimponi il-pieni u miżuri oħra amministrattivi għal xi kontravvenzjoni, ksur jew nuqqas ta’ tħaris ta’ regoli, regolamenti, proċeduri jew direttivi.

Għawdex – Bini ta’ ħitan tas-sejjieħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq (isem tat-triq u r-raħal) ġewwa Għawdex li l-Ministeru għal Għawdex applika jew qed jaħdem biex japplika fuqhom biex jinbnew mill-ġdid jew jitranġaw ħitan tas-sejjieħ mir-Rural Development Programme 2021-2027 - European Agricultural Fund for Rural Development u kemm hu previst li l-Ministeru għal Għawdex jieħu flus minn dan il-programm għal dan il-għan? Jista’ jgħid kemm minnhom huma maħsubin li jsiru matul din is-sena u fis-sena 2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru talab lill-Kunsilli Lokali sabiex jindikawlu liema sezzjonijiet ta’ toroq fil-lokalitajiet tagħhom jixtiequ li jaraw li jitranġaw il-ħitan tas-sejjieħ. Għaxar Kunsilli Lokali wieġbu l-informazzjoni li ntalbet bin-numru ta’ toroq indikati jitla’ għal tmintax-il triq. B’konjizzjoni ta’ informazzjoni li għandu dwar il-fondi li bħalissa hemm allokati fuq il-miżura 4.4, il-Ministeru ser ikun qiegħed japplika għal fondi għar-restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ ta’ Triq San Niklaw li tagħmel mal-Kunsill ta’ Kerċem għal ammont li jaqbeż il-575 elf ewro. Jekk jinkisbu dawn il-fondi, il-ħitan tas-sejjieħ f’din it-triq ikunu lesti sal-aħħar tas-sena 2024.

Għawdex – zebra crossing, pelican lights, belisha lights u traffic lights

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta’ zebra crossings, pelican lights, belisha lights u traffic lights, raħal b'raħal u triq triq, ġewwa Għawdex li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid ukoll fil-preżent u f'dawn l-aħħar ġimgħat kemm kien hemm pelican lights, belisha lights u traffic lights u fejn huma, ġewwa Għawdex, li ma humiex jiffunzjonaw kif suppost jew mhux jaħdmu u x' inhu jagħmel il-Ministeru tiegħu biex dawn jissewwew mil-aktar fis u b'hekk jiġu evitati inċidenti tat-traffiku?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Toroq li jaqgħu taħt it-TEN T f’Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li jaqgħu taħt it-TEN T f’Malta u liema huma t-toroq li jaqgħu taħt it-TEN T f'Għawdex? Liema minn dawn it-toroq saru b'kofinanzjament ta' fondi tal-Unjoni Ewropea u f'kull każ ta' kull triq meta nbeda u tlesta x-xogħol u kemm kien il-kofinanzjament ta' fondi tal-Unjoni Ewropea? Jista’ jgħid liema huma dawk it-toroq li jaqgħu taħt it-TEN T u li għadhom ma sarux ġewwa Malta u Għawdex? Meta hu maħsub li se jsir ix-xogħol fuq kull triq li fadal?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika għal liema perjodu qed jirreferi f’din il-mistoqsija parlamentari.