Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tribunal Amministrattivi — lista

Question

B’referenza għall-Ewwel Skeda tal-Att dwar il-Ġustizzja Amministrattiva, Kap. 490 tal-Liġijiet ta’ Malta, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn fil-lista tat-Tribunali Amministrattivi għad hemm imsemmija diversi tribunali li llum ma jeżistux?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-aġġornar ta’ liġijiet, inklużi l-iskedi li hemm magħhom, jifforma parti minn eżerċizzju li qed isir mill-Kummissjoni tal-Liġijiet.

Għajnsielem – Impjant għat-Trattament tal-Ilma f’Tal-Fessej

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'tip ta’ investimenti saru f'dawn l-aħħar ħames snin u kemm kienet in-nefqa fl-Impjant għat-Trattament tal-Ilma ġewwa Tal-Fessej f'Għajnsielem, Għawdex? Tista’ tgħid ukoll x'tip ta' investimenti hemm ippjanati li jsiru f'dan l-impjant fix-xhur li ġejjin u kemm se tkun l-ispiża? Tista’ tgħid jekk hemmx il-ħsieb li dan l-impjant jitkabbar biex ilaħħaq mal-popolazzjoni Għawdxija li dejjem qed tiżdied?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul dawn l-aħħar ħames snin saru investimenti sostanzjali, li laħqu d-€900,000, sabiex it-tisfija tad-drenaġġ tilħaq il-livelli mixtieqa. Ġie installat apparat ġdid li jservi kemm biex jilqa’ għall-influss tas-solidi kif ukoll biex tiżdied l-effiċjenza fil-proċess. Ninsab infurmata li bħalissa qegħdin isiru wkoll studji sabiex isir investiment ieħor meħtieġ biex eventwalment jiġi modernizzat l-impjant sabiex ilaħħaq maż-żieda fid-domanda futura.

Ministeru għal Għawdex – Negotiated Procedure

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti n-Negotiated Procedure (Direct Order) li ħareġ reċentement il-Ministeru għal Għawdex 'MGOZ NP 04/2023 - NEGOTIATED PROCEDURE FOR THE MAINTENANCE OF FOTON 100 PER CENT ELECTRIC BUSES' u kemm hu l-valur tagħha? Jista’ jgħid għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika? Jista’ jgħid ukoll minn meta bdew jintużaw dawn l-Electric buses, min kien jagħmel u qed jagħmel il-manutenzjoni fuqhom? Jista’ jagħti break down dettaljat minn meta bdew joperaw dawn l-electric buses sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari ta’ kemm kienet in-nefqa fuq manutenzjoni u spejjeż oħra u min ġie mqabbad biex jagħmilhom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din n-Negotiated Procedure mal-istess fornitur tas-sitt karozzi tal-linja elettriċi tkopri s-servizzi ta’ manutenzjoni li huma meħtieġa għat-tħaddim sikur tal-karozzi tal-linja skont l-istandards mitluba mill-operatur. Minħabba t-teknoloġija nnovattiva l-ġdida tal-batteriji li dawn il-karozzi tal-linja joperaw biha, il-Ministeru ħtieġlu li jiżgura li kwalunkwe manutenzjoni mwettqa ma tannullax il-garanzija li hemm bħalissa. Ma ħarġitx sejħa pubblika għal fatt li, l-akkwist ta' dawn is-servizzi minn fornitur ieħor (jew inhouse permezz tal-garaxx tal-manutenzjoni tal-Ministeru) inevitabbilment jipperikola l-garanzija u jżid il-probabbiltà ta’ kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu relatati ma’ responsabbiltajiet kondiviżi. Dan minbarra l-fatt, li l-offerent ippreferut f’sejħa pubblika, mhux neċessarjament ikollu aċċess għad-dejta teknika tal-karozzi tal-linja elettriċi FOTON peress li dawn jistgħu ma jkunux disponibbli faċilment minħabba drittijiet proprjetarji jew peress li dawn jistgħu jkunu disponibbli biss għal negozjanti/fornituri fdati. Din in-negotiated procedure li tkopri servizzi ta’ manutenzjoni għal 60 xahar ta’ operat tas-sitt karozzi tal-linja tiswa Euro 184,275.00 esklużi l-ispejjeż tal-VAT. In-nefqa fuq minor repairs s’issa kienet ta’ Euro 19,515.92 u saret mill-istess fornitur.

Marsalforn, Għawdex — Proġett ta' riġenerazzjoni tal-promenade u l-Menqa - twaħħil ta’ bollards

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għaliex għaddew iktar minn sentejn mill-inawgurazzjoni tal-proġett ta' riġerazzjoni tal-Promenade u l-Menqa ġewwa Marsalforn u għadhom ma sarux u ma ġewx imwaħħla l-Bollards sabiex il-Promenade u l-Menqa jkunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku b'moħħu mistrieħ u mingħajr periklu waqt li jkun qed jimxi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li infurmat li tali proposta hija mmexxija mill-Kunsill Lokali u għaldaqstant għandu jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Qala, Għawdex – Triq l-Imġarr — xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir u x'passi qed jittieħdu biex jitneħħa l-periklu li hemm fi Triq l-Imġarr fil-Qala, Għawdex, kull darba li tagħmel ix-xita wara li kien sar xogħol fuqha fil-leġiżlatura ta’ bejn l-2013 u l-2017? X'sar u x'qed isir biex isiru water culverts f'din it-triq peress li qed jinħoloq periklu għas-sewwieqa kif ukoll għar-residenti peress li meta saret it-triq seba' snin ilu, l-ilma tax-xita ntefa' biex jgħaddi minn nofs it-triq? Jista' jiġi kkonsidrat li l-ilma tax-xita jintefa' f'Wied Biljun b'tali mod li ma jagħmilx ħsara lir-raba' li hemm fl-istess Wied?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel fażi tax-xogħlijiet sabiex tiġi indirizzata din il-problema tax-xita ser jinkludi l-immaniġjar tal-ilma tax-xita li jinżel min Triq l-Isqof Buttigieg. Dan ix-xogħol huwa nkluż max-xogħol ta’ kostruzzjoni tat-Triq 28 t’April 1688 li qed issir mil-Kunsill Lokali tal-Qala u ffinanzjat mill-Ministeru għal Għawdex. Hawnhekk huwa pjanat li l-ilma jinqabad f’culvert ġdid li ser ikun qed isir, u li imbagħad jixħet l-ilma lejn il-culvert eżistenti li jieħu sal-wied tal-Marga.

Engineering Resource Limited – ħatra ta’ membri

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10873, tista’ l-Ministru tgħid abbażi ta’ liema kriterji ġew appuntati ċ-chairperson u l-membri tal-Engineering Resources Limited u x’expertise għandu kull membru fil-qasam in kwistjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari10501, ninfurmah ukoll li l-membri jinħatru skont l-esiġenzi tal-istess bord u l-ħiliet tagħhom biex iwettqu r-responsabbiltajiet assenjati lilhom.

MFSA — Enforcement Decisions Committee - kompożizzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10748, li ngħatat fis-Seduta 145 tal-10 ta’ Lulju 2023, tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni għalfejn l-Enforcement Decisions Committee mhux kompost? Tista’ tgħid x’inhi l-proċedura li qed tiġi segwita da parti tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) dwar deċiżjonijiet maħruġin minnha fejn dawn jikkonċernaw l-impożizzjoni ta’ penalitajiet finanzjarji (irrispettivament tal-mod kif deskritti) jew ta’ sanzjonijiet oħrajn?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Djar tal-Anzjani — spiża għal pazjenti rikoverati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-medja tal-ispiża għal kull pazjent rikoverat fir-Residenza San Vinċenz de Paul jew fi djar oħrajn tal-anzjani tal-istat? Kemm qed jiswa lill-Gvern kull pazjent li qed jintbagħat fi djar tal-anzjani privati?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Sptar Mater Dei u Sptar Ġenerali — pazjenti li qed jistennew biex jiġu trasferiti fi djar tal-anzjani

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fil-preżent kemm hemm pazjenti fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li qed jistennew biex jiġu trasferiti fi djar tal-anzjani jew fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Kemm hi l-ispiża medja għal kull pazjent li qiegħed fuq din il-lista ta’ stennija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi 19-il pazjent fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u 97 pazjent fl-Isptar Mater Dei qed jistennew biex jiġu trasferiti fi djar tal-anzjani jew fir-Residenza San Vinċenz de Paul. L-ispiża għal kull pazjent tvarja skont il-kundizzjoni medika tiegħu.

Single parents li qed jirċievu għajnuna soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hu n-numru ta’ single parents li qed jirċievu xi tip ta' għajnuna soċjali? X’tip ta’ għajnuna qegħdin jirċievu, kemm fi stima finanzjarja u kemm materjali? Kemm minn dawn is-single parents huma nisa, kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma ta' ġeneru ieħor?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta’ benefiċċjarji li tħallsu benefiċċji soċjali bħala single parents fit-18 ta’ Settembru kien ta’ 1,980, li minnhom 32 kienu rġiel u l-bqija nisa. L-ispiża totali fuq dawn il-benefiċċji minn Jannar sal-pagament tat-18 ta’ Settembru 2023 kienet ta’ ftit anqas minn €9.4m.

Twelid ta’ trabi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm twieldu trabi f’Malta u Għawdex matul dawn l-aħħar 15-il sena? Kemm minn dawn kienu ta’ ġenituri Maltin u kemm kienu ta’ ġenituri minn pajjiżi oħrajn?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-reġistru NOIS beda jirreġistra informazzjoni dwar in-nazzjonalità tal-missier fl-2018. Hawn taħt hawn il-lista ta’ twelid ta’ trabi kif mitluba minnu. Births 2018-2022 by nationality of parents Nationality of parents 2018 2019 2020 2021 2022 Both parents Maltese 3048 2902 2809 2751 2754 Both parents Non-Maltese 695 864 1067 1110 1042 Maltese Mother_Non Maltese Father 202 188 227 211 223 Non Maltese Mother_Maltese Father 239 202 209 230 199 Maltese Mother_Unknown Father 163 130 123 97 90

Interventi tal-IVF u IUI

Question

Minn kemm ilu jingħata s-servizz tal-IVF u tal-IUI mill-Istat, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm saru interventi fuq pazjenti ta’ nazzjonalità Maltija kif ukoll fuq pazjenti ta’ nazzjonalità barranija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tal-IUI illi ilu jingħata mill-Istat mis-sena 2019, saru total ta’ 367 proċedura. 304 pazjenti ta’ nazzjonalità Maltija u 63 pazjenti ta’ nazzjonalità barranija residenti Malta. IVF saru total ta’ 1968 pazjenti ta’ nazzjonalità Maltija u 222 ta’ nazzjonalità barranija residenti Malta.

Għawdex — toroq li jaqgħu taħt it-TEN-T

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li jaqgħu taħt it-TEN-T f'Għawdex? Liema minn dawn it-toroq saru b'kofinanzjament ta' fondi tal-Unjoni Ewropea u f'kull każ ta' kull triq meta nbeda u tlesta x-xogħol u kemm kien il-kofinanzjament ta' fondi tal-Unjoni Ewropea? Jista’ jgħid liema huma dawk it-toroq li jaqgħu taħt it-TEN-T u li għadhom ma sarux ġewwa Għawdex? Meta hu maħsub li se jsir ix-xogħol fuq kull triq li fadal?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-toroq li jaqgħu taħt it-TEN-T f’Għawdex huma skont il-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra (Numru 1-20). It-toroq li saru b’kofinanzjament ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea huma t-toroq Numru 1-2, 9-10, 12, 15. Il-kofinanzjament ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea kien ta’ 85% li jammonta għal €8,785,510 (eskluża l-VAT). It-toroq Numru 3-4, 8, 16-17 saru b’fondi nazzjonali. It-toroq li jaqgħu taħt it-TEN-T li għadhom ma sarux ġewwa Għawdex huma dawk bin-Numru 5-7, 11, 13-14, 18-20. Il-Ministeru għal Għawdex qed jagħmel il-preparamenti biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fuq it-toroq Numru 6, 11, 19-20.

Infrastructure Malta – spezzjoni fl-infrastruttura tat-triq qabel u wara inċident tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Infrastructure Malta tagħmilx xi tip ta' spezzjoni sabiex tara jekk kienx hemm xi ħsara/periklu fl-infrastruttura tat-triq qabel u wara inċident tat-traffiku serju, pereżempju skid test? Jista' juri evidenza ta' dawn ir-rapporti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta tispezjona ħsarat li jiġu rrappurtati fl-infrastruttura tat-toroq arterjali u distributorji u tintervjeni biex jissewwew ħsarat skont il-bżonn.

Tempji tal-Ġgantija – nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' investiment infrastrutturali u xogħol ta' restawr sar fit-Tempji tal-Ġgantija fix-Xagħra Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet in-nefqa għal kull xogħol li sar, sena b'sena u xahar b'xahar, minn Frar 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-ispejjeż ewlenin fil-Ġgantija minn Frar 2020 sa Ġunju 2023 jammontaw għal madwar €86,800, kif deskritt hawn taħt. Dan l-ammont jeskludi x-xiri ta’ affarijiet ta’ kuljum, kif ukoll il-pagi ta’ kuraturi, restawraturi u l-ħaddiema u uffiċjali kollha l-oħra sabiex sar ix-xogħol imsemmi hawn taħt u ħafna xogħol ieħor sabiex jiġi amministrat il-park arkeoloġiku tal-Ġgantija. Data Description Spiza cirka Marzu 2020 Xiri ta’ pjanċi ggalvanizzati ta’ Cor-ten għall-bibien tal-bini tal-ħruġ mill-park €3,000 2020 Stallazzjoni ta’ għamara ġdida u xiri ta’ hardware fir- reception €5,000 Marzu 2020 Stallazzjoni ta’ Automatic Changeover Switch ġdid għaċ-Ċentru tal-Viżitaturi €1,900 Nov 2020 – Marzu 2021 Materjal meħtieġ għar-restawr ta’ ħitan tas-sejjiegħ €500 Novembru 2020 Xiri u stallazzjoni ta’ bieb prinċipali ġdid għaċ-Ċentru tal-Viżitaturi €9,000 Marzu 2022 Stampar ta’ pannelli ta’ interpretazzjoni ġodda €500 Lulju 2022 Xiri ta’ materjal għal tiswijiet fil-walkway tal-Ġgantija €400 Frar 2022 - Gunju 2023 Xiri u stallazzjoni ta’ għadd ta’ showcases ġodda ta’ kwalità muzeali għaċ-Ċentru tal-Viżitaturi €66,000 Gunju 2023 Stampar ta’ pannelli ta’ interpretazzjoni ġodda €500

Engineering Resource Limited – ħatra ta’ membri

Question

B’referenza għall-Avviż Nru 752 tal-Gazzetta tal-Gvern, tista’ l-Ministru tgħid liema kien l-istrument legali li abbażi tiegħu ġew maħtura l-membri ta’ Engineering Resources Limited u x’kienu l-kriterji użati biex dawn ġew maħtura?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 10501.

Ir-Rabat, Għawdex – Triq ta’ Wara s-Sur — proġett

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23112 li ngħatat fl-14 ta' Diċembru 2021 dwar il-proġett propost fid-diversi baġits passati ta' bini mill-ġdid tat-Triq ta' Wara s-Sur, fir-Rabat Għawdex, fejn kien ġie mwieġeb li "x-xogħol fuq it-Triq ta’ Wara s-Sur fir-Rabat Għawdex ser jinbeda meta jinkisbu l-permessi neċessarji", jista’ l-Ministru jgħid jekk il-permessi nkisbux u jekk iva, jista' jagħti d-data ta' meta inkisbu? Jista’ jgħid f’liema xahar u sena hu ppjanat li jinbeda x-xogħol fuq din l-imsemmija triq peress li tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru tal-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar ta’ Triq ta’ Wara s-Sur huwa PA/03826/21. Ix-xogħol fuq l-imsemmija triq mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif isir l-esproprju tal-junction kif approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Għawdex – toroq arterjali u distributorji

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista u jgħid liema huma t-toroq arterjali u distributorji f’Għawdex lokalità b'lokalità?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Għawdex – Skejjel Primarji u Sekondarji – xogħlijiet ta’ natura ordinarja jew straordinarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ta’ natura ordinarja jew straordinarja se jsiru tul dan is-sajf fl-iskejjel primarji u sekondarji ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid ukoll minn min se jsir ix-xogħol u kemm hi stmata li se tkun in-nefqa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Xogħol ta’ back office f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema xogħol ta' back office taċ-Ċivil ġdid inġab f'Għawdex matul l-aħħar 12-il xahar? Kemm hemm ħaddiema jaħdmu f'dan ix-xogħol ġdid ta' back office f'Għawdex u minn fejn qed joperaw? Kemm minn dawn il-ħaddiema kienu jaħdmu f'Malta sa meta nġab dan ix-xogħol f'Għawdex u issa, per konsegwenza ta' dan ix-xogħol, bdew jaħdmu f'Għawdex? X’inhu l-grad ta' dawn il-ħaddiema? Minn fejn qed isir dan ix-xogħol ta' back office ġdid f'Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed ikompli bil-ħidma biex iħeġġeġ u jgħin Ministeri u Entitajiet jespandu l-operat eżistenti tagħhom jew jintroduċu servizzi ġodda li jingħataw minn Għawdex kemm fil-Back Office kif ukoll fil-Front Office. Wara s-suċċess li kellna bil-ftuħ tal-uffiċċji tal-MCCAA, MFSA, is-CPSU, id-Dipartiment tad-Dwana u d-Dental Teaching Clinic, bħalissa għaddejja ħidma biex l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika u l-Aġenzija tar-Reġistru tal-Artijiet jingħataw uffiċċji akbar u jkunu jistgħu jkabbru l-operat tagħhom f’Għawdex. Dan kollu qed isir biex jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol ta’ kwalità f’Għawdex.