Legislature:
Category:
Reset
Active:

Att dwar is-Sigurezza tal-Prodotti (Kap. 427) — Irtitar ta’ Prodotti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fl-ambitu tal-Att dwar is-Sigurezza tal-Prodotti, Kap. 427, kemm il-prodott ġie irtirat mis-suq u għaliex, għax mhux konformi man-normi tal-istess Kap 427 u/jew mar-regolamenti magħmula skont dik il-liġi mill-2016 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Tista’ tgħid ukoll f’kull każ, x’kien il-prodott u x’passi regolatorji ttieħdu apparti l-irtirar tal-prodott mis-suq?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-2016 u l-aħħar ta’ Settembru 2023 ġew irtirati 678-il prodott minn fuq is-suq wara l-intervent tal-MCCAA, maqsuma sena b’sena skont it-tip ta’ prodott kif indikat fid-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea, Membri Stati oħrajn u l-awtoritajiet ikkonċernati ġew innotifikati bil-miżuri regolatorji meħuda bl-għan li tiġi pprevenuta l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ dawn il-prodotti fis-suq Ewropew.

Marsalforn, Għawdex — Ġnien it-Tliet Għoljiet - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema xahar u sena huwa ppjanat li Ġnien it-Tliet Għoljiet f’Marsalforn, Għawdex, li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Ministeru għal Għawdex, se jiġi rranġat u meta se ssir il-manutenzjoni meħtieġa peress li l-playing field tinsab fi stat ħażin ħafna u hija ta' periklu kbir għal min jiffrekwentaha? Jista’ jgħid jekk tħejjewx is-sejħiet għal offerti u jekk ġewx ippubblikati? Jista’ jgħid ukoll preżentement kemm hemm ħaddiema jaħdmu f'dan il-ġnien u x'tip ta’ xogħlijiet għamlu jew qed jagħmlu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed jitħejjew is-sejħiet għall-offerti. Il-pjan huwa li x-xogħlijiet jitwettqu matul is-sena d-dieħla. Il-ħaddiema li hemm jagħmlu xogħol ta’ ġardinaġġ u tindif taħt it-tmexxija ta’ supervisor.

Xagħra, Għawdex — Ċentru Ċiviku - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-proġett tal-bini mill-ġdid taċ-Ċentru Ċiviku ġewwa x-Xagħra, Għawdex, liema proġett kien tħabbar sentejn ilu? Jista' jgħid ukoll meta huma ppjanati li jibdew ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett u meta hu mistenni li jkun lest?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Ottubru 2021, il-Ministeru għal Għawdex iffirma kuntratt mal-Kunsill Lokali tax-Xagħra sabiex il-Kunsill ikun jista' jwettaq il-proġett tat-twaqqif ta’ Ċentru Ċiviku ġdid. Il-Kunsill Lokali tax-Xagħra ħareġ it-tender għax-xogħlijiet fit-23 ta’ Awwissu 2022 u għalaq fit-28 ta’ Settembru 2022. Il-kuntratt ġie awarded fit-13 ta’ Marzu 2023. Infurmat li dan ix-xogħol mistenni jibda’ fil-jiem li ġejjin.

MCCAA — Lista ta’ deċiżjonijiet regolatorji meħuda mid-Direttur Ġenerali

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista ta’ deċiżjonijiet regolatorji maħruġa mid-Direttur Ġenerali, Kompetizzjoni f’ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), sena b’sena mill-2016 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fejn telenka fir-rigward ta’ liema settur inħarġet id-deċiżjoni? F’kull istanza, tista’ tgħid jekk id-deċiżjoni ġietx ikkontesta u x’kien l-eżitu finali?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba rigward deċiżjonijiet regolatorji maħruġa mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni mill-2016 u li tinkludi s-settur konċernat, jekk id-deċiżjoni ġietx ikkontestata u x’kien l-eżitu finali.

Tribunal għal Talbiet Żgħar — Reviżjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux lest li jikkunsidra li l-kompetenza tat-Tribunal għal Talbiet Żgħar tiżdied minn €5,000 għal €10,000, u dan meta wieħed iqis li dan l-ammont kien ġie l-aħħar rivedut fl-2016, kif ukoll fid-dawl tal-emendi li saru reċentement fir-rigward tal-kompetenza tat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm kunsiderazzjonijiet f’dan ir-rigward u kull eventwali deċiżjoni titħabbar fil-mument opportun.

Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur — Reviżjoni tad-danni morali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hiex lesta li tqis li l-ammont ta’ danni morali skont l-artikolu 21 tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378, jiżdied mill-attwali massimu ta’ €500 għal €1,000, u dan meta wieħed iqis li dan l-ammont kien ġie l-aħħar rivedut fl-2011?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament qed jiġi kkunsidrat jekk l-ammont attwali ta’ danni morali skont l-artikolu 21 tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (Kapitlu 378) għandux jiġi miżjud.

Direttiva tal-UE 2022/2555 — Implimentazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu jew huma maħsuba li jittieħdu għall-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea 2022/2555?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Ministeru qiegħed jaħdem fuq il-leġiżlazzjoni biex jittrasponi din id-Direttiva. Huwa maħsub li ssir konsultazzjoni pubblika dwar ċerti miżuri li jinsabu fid-Direttiva.

COVID-19 — Każijiet ġodda

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xahar b’xahar kemm kien hemm, jekk kien hemm, każijiet ġodda ta’ COVID-19 rapportati f’Malta mill-bidu tal-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll fid-dawl tar-rapporti ta’ żieda fil-każijiet tal-COVID-19 f’pajjiżi oħra Ewropej, x’miżuri preventivi qed jittieħdu mill-Gvern Malti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tabella mehmuza tindika kemm kien hemm każijiet ġodda ta’ COVID-19 rapportati f’Malta fil-perjodu li talab hu. Minn din il-ġimgħa beda l-programm ta’ tilqim mingħajr ħlas bil-booster tal-Covid 19. XaharNumru ta’ ka¿ijiet irrappurtati ta’ COVID-19 Jannar705 Frar421 Marzu577 April504 Mejju262 Ġunju251 Lulju411 Awissu696 Settembru (sa d-19 ta’ Settembru)230

Ħarsien għad-drittijiet tal-konsumatur

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, mis-sena 2018 sal ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fir-rigward ta’ kull liġi li saret li kienet tittratta xi aspett relatat mal-ħarsien tad-drittijiet tal-konsumatur (Kap 378), jew mal-liġijiet li jirregolaw il-kompetizzjoni (Kap 379), f’kull istanza fejn saret liġi ġdida jew ġiet emendata xi liġi, jekk kinitx ġiet inkarigata xi ditta ta’ avukati biex tassisti fit-tfassil tal-liġi u f’kull każ liema kienet id-ditta?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2018 sal-lum ma ġiet inkarigata l-ebda ditta ta’ avukati sabiex tassisti fit-tfassil tal-liġi. Dan japplika kemm għal-liġijiet relatati mal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap. 378) kif ukoll għall-Att dwar il-Kompetizzjoni (Kap. 379).

Kontestazzjonijiet ta’ penaltijiet amministattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sena b’sena mill-2020 s’issa, kienx hemm kontestazzjonijiet ta’ penaltijiet amministrattivi (irrespettivament tal-mod kid deskritti) li ma jeċċedux il-€5,000 imposti mill-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) a tenur tal-poteri tagħha skont l-Att dwar il-Money Laundering, Kap 373, u jekk hemm, jista’ jgħid, f’kull każ, x’kien l-eżitu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-2020 s’issa, ma kienx hemm kontestazzjonijiet ta’ penaltijiet amministrattivi (irrespettivament tal-mod kif deskritti), imposti mill-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU), a tenur tal-poteri tagħha skont l-Att dwar il-Money Laundering, Kap 373, li ma jeċċedux il-€5,000.

Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) – deċiżjonijiet dwar xi impożizzjoni ta’ xi sanzjoni jew penali finanzjarji

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk matul il-perjodu Mejju 2016 sa Mejju 2019, id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) kienx ħareġ xi deċiżjoni (irrispettivament tal-mod kif deskritta) a tenur tal-poteri tiegħu taħt l-Att dwar il-Kompetizzjoni (Kap 379) kif kien dak iż-żmien, inkluż deċiżjoni dwar xi impożizzjoni ta’ xi sanzjoni jew penali finanzjarja? Jekk iva, tista’ tgħid fil-konfront ta’ liema intrapriża u fiex kienet tikkonsisti d-deċiżjoni u jekk kinetx ġiet ikkontesta? Tista’ tgħid minn Ġunju 2019 s’issa, maqsuma sena b’sena, jekk sarux xi rikorsi mid-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) a tenur tal-artikolu 12A tal-Kap 379? Jekk saru, tista’ tgħid għal kull każ jekk ġewx deċiżi, u jekk le, x’inhu l-istatus attwali? Tista’ tgħid mill-2017 s’issa b’sena b’sena kemm saru ilmenti lid-Direttur Ġenerali a tenur tal-artikolu 14 tal-Kap 379? Jekk saru tista’ tgħid minn min, dwar xiex u meta ġew deċiżi?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

MCCAA – żmien għal stennija ta’ spezzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid abbażi ta’ liema kriterji hi kkunsidrat li stennija da parti tal-uffiċjali tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) hi waħda raġonevoli u dan sa kemm jasal l-avukat ta’ dik l-intrapriża li fil-konfront tagħha jkun hemm bżonn li ssir spezzjoni għal finijiet tal-art 12(11) tal-Att dwar il-Kompetizzjoni, Kap 379?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li primarjament skont il-liġi, l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni mhuwiex obbligat jistenna rappreżentant legali sabiex jagħti bidu għal spezzjoni. Madankollu l-artikolu 12(11) tal-Kap. 379, jagħti lok li jkun hemm stennija ta’ ħin raġonevoli, li fl-interpretazzjoni tiegħu, l-Uffiċċju jieħu konsiderazzjoni tan-Nota ta’ spjegazzjoni dwar il-kontrolli tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, fejn wieħed isib li l-ispetturi fi kwalunkwe każ, għandhom jaċċettaw biss dewmien qasir u li kwalunkwe dewmien għandu jinżamm strettament fil-minimu.

Entità responsabbli mit-tibdil fil-klima

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk fid-dekasteru tagħha hemmx xi entità, irrispettivament mill-mod kif deskritta, li għandha xi funzjoni marbuta mat-tibdil fil-klima? Jekk hemm, tista’ tgħid: a. liema hi din l-entità; b. xi rwol għandha; ċ. kif inhi komposta; u d. kemm hemm persuni li jaħdmu f’din l-entità, il-professjoni tagħhom u l-esperjenza ta’ kull persuna fil-qasam tat-tibdil fil-klima?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tibdil fil-klima mhuwiex qasam li jirrelata biss ma’ entità waħda jew ma’ Ministeru wieħed. Fin-natura tiegħu, dan il-fenomenu huwa wieħed mifrux għaliex l-emissjonijiet li jwasslu għalih joħorġu minn firxa wiesgħa ta’ attività umana kif ukoll għax l-impatt tiegħu jittraxxendi l-fruntieri. F’dawk li jirrigwardja l-emissjonijiet u l-inventarju tagħhom, l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi, permezz tal-Avviż tal-Gvern numru 1036 tas-27 t’Ottubru 2015, ġiet assenjata l-irwol ta’ aġenzija għall-inventarju nazzjonali dwar emissjonijiet ta’ gassijiet serra. L-Awtorità tikkompila wkoll il-komunikazzjoni nazzjonali (National Communication) u r-rapporti bjennali (Biennial Reports), kif ukoll tħejji projezzjonijiet ta’ estimi ta’ emissjonijiet minn numru ta’ setturi. L-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi fil-preżent għandha tmien ħaddiema bi kwalifiċi fix-xjenza, fl-inġinerija jew f’qasam relatat. Fiż-żmien li ġej irridu nkomplu nassiguraw li pajjiżna jkollu l-istrutturi, il-kapaċità u l-ħiliet meħtieġa sabiex nilqgħu għall-isfidi kbar li jġib miegħu it-tibdil fil-klima. Għalhekk, kif diġà ħabbar il-Prim Ministru, fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern huwa kommess li jwaqqaf awtorità ġdida li se tiffoka esklussivament fuq it-tibdil fil-klima.

CSIRT – Impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fi ħdan il-Computer Security Incident Response Team (CSIRT)? Jista’ jgħid x’inhi l-kariga ta’ kull impjegat?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi r-reklutaġġ f'dan l-uffiċċju huwa kontinwu u fi ħdan il-Computer Security Incident Response Team bl-isem ta CSIRTMalta, l-impjegati jikkonsistu minn Direttur, Manager I Security Management u kuntrattur speċjalizzat fil-forensika diġitali. Fil-preżent ħarġu żewġ sejħiet għaż-żewġ pożizzjonijiet vakanti, apparti li ġew identifikati fondi tal-UE għal kofinanzjament biex jimtlew tliet postijiet vakanti oħra.

L.S. 460.35 – Miżuri dwar allegat ksur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, sena b’sena, kemm ittieħdu miżuri regolatorji minħabba allegat ksur tal-Ordni dwar Miżuri għal Livell Għoli Komuni ta’ Sigurtà tan-Netwerks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni (L.S. 460.35)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi skont l-informazzjoni miġbura mill-uffiċċju CIPD, l-ammont irrappurtat fuq allegat ksur tal-Ordni dwar Miżuri għal Livell Għoli Komuni ta’ Sigurtà tan-Netwerks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni (L.S. 460.35) qiegħda tiġi prodotta fit-tabella ta’ hawn taħt. 2020 0 2021 2 2022 5 2023 3 Ir-rapporti fis-sena 2023 jistgħu jiżdiedu peress li għad hemm inċidenti li qed jiġu investigati.

Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) — talba għal interim measures

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10746, li ngħatat fis-Seduta 145 tal-10 ta’ Lulju 2023, tista’ l-Ministru tipprovdi kopja tad-deċiżjoni tal-Qorti fejn ġiet miċħuda t-talba għal ħruġ ta’ interim measure da parti tad-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur)?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kopja tad-digriet tal-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Kummerċ) fl-atti tar-Rikors Numru 23/2019 fl-ismijiet “id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) Vs Borg Christian Et” tal-25 ta’ Settembru, 2019 qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MFSA — Enforcement Decisions Committee - kompożizzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqisja parlamentari 10748 li ngħatat fis-Seduta 145 tal-10 ta’ Lulju 2023, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn l-Enforcement Decisions Committee mhux kompost? Jista’ jispjega l-proċedura li qed tiġi segwita da parti tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) dwar deċiżjonijiet maħruġin minnha fejn dawn jikkonċernaw l-impożizzjoni ta’ penalitajiet finanzjarji (irrispettivament tal-mod kif deskritti) jew ta’ sanzjonijiet oħrajn?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-MFSA għadha qiegħda tieħu fil-konsiderazzjoni tagħha deċiżjonijiet meħuda fl-aħħar ftit xhur mill-Qorti Ċivili u Kostituzzjonali, fuq sanzjonijiet amministrattivi, u qiegħda tistenna deċizjonijiet oħra li l-Qorti ta’ l-Appell Kostituzzjonali mistennija tieħu, sabiex umbagħad l-MFSA tikkonsidra kif ser timxi f’dan ir-rigward. Deċizjonijiet ta’ impożizzjoni ta’ penalitajiet finanzjarji u sanzjonijiet oħra qed jiġu meħuda mill-Kumitat Ezekuttiv kif stabbilit mill-liġi.

Financial Services Tribunal — appelli

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mill-2019 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kien hemm appelli quddiem il-Financial Services Tribunal fejn ġew ikkontestati deċiżjonijiet tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) dwar l-impożizzjoni ta' penali finanzjarja (irrispettivament tal-mod kif deskritta) da parti tal-MFSA? Kemm minn dawn l-appelli ġew finalment deċiżi mit-Tribunal u minn dawk deċizi kemm minnhom ikkonformaw il-penali imposta? Jista' jgħid ukoll jekk hux qed jiġi kkonsidrat li l-forum ta' appell attwali, ċjoè l-Financial Services Tribunal, jiġi mibdul dwar kontestazzjonijiet ta' penalitajiet finanzjarji sostanzjali fid-dawl ukoll tad-diversi kawżi Kostituzzjonali li saru fejn fost l-oħrajn qed isir l-argument li penalitajiet sostanzjali jistgħu biss jiġu deċiżi minn Qorti?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ appelli sena b’sena mill-2019, inkluż in-numru ta’ appelli deċizi, hi skond it-tabella ta' hawn taħt. Mill-appelli deċiżi, tnejn irrevokaw l-penali imposti mill-Awtorità. Id-deċiżjonijiet kollha tat-Tribunal għas-Servizzi Finanzjarji jiġu ppubblikati fuq is-sit web tat-Tribunal. SenaIntrodottiDeċiżi FinaliDeċiżi Preliminari 20196210 2020831 20211063 2022770 2023040 L-awtoritajiet flimkien mal-Gvern bħalissa qiegħdin jarblu kull rotta possibili li tista` tittieħed jekk l-appell quddiem il-Qorti Kostituzzjonali jingħata kontra l-Awtoritajiet rispettivi.

Consumer Claims Tribunal — kumpens lil provdituri ta’ servizz

Question

Mill-bidu tas-sena 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, tista’ l-Ministru telenka separatament skont is-servizzi msemmija f’din il-mistoqsija jekk kienx hemm xi deċiżjonijiet tal-Consumer Claims Tribunal fejn dan it-tribunal ta xi forma ta’ kumpens jew rimedju ieħor u ċjoè fil-konfront ta’ provdituri ta’ servizz: i. tad-dawl; ii. tal-gass; iii. tal-ilma; iv. tat-telekomunikazzjoni; u v. tal-internet?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2022 sas-26 ta’ Settembru 2023 kien hemm tlett deċiżjonijiet tat-Tribunal għal Talbiet ta’ Konsumaturi fejn id-deċiżjoni ma nqagħtatx favur il-konsumatur fir-rigward ta’ provdituri tad-dawl, u tat-telekomunikazzjoni. Fir-rigward ta’ provditur tad-dawl il-konsumatur kellu jħallas l-ispejjeż tal-provditur li kienu jammontaw għal €7; u fir-rigward tal-provdituri tat-telekomunikazzjoni kien hemm żewġ deċiżjonijiet fejn f’każ minnhom il-konsumatur kellu jħallas l-ispejjeż tal-provditur li kienu jammontaw għal €7, u fil-każ l-ieħor kull parti kellha tħallas l-ispejjeż tagħha. Ma kienx hemm deċiżjonijiet oħra fejn ingħata xi tip ta’ kumpens jew rimedju fir-rigward ta’ provdituri tas-servizzi tal-gass, ilma u internet. Minn barra dawn it-tlett każijiet imsemmija, ma kien hemm l-ebda kawża oħra, la favur jew kontra il-provdituri ta’ dawn is-servizzi.

MTA — talba għal miżura ta’ injunzjoni dwar liġijiet tal-UE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi rwol għandha l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fir-rigward ta' talba għal miżura ta’ inġunzjoni li ssir skont l-Att Numru XVII dwar is-segwenti liġijiet tal-UE li ġew trasposti taħt liġijiet infurzati mill-istess MTA u ċjoè: Direttiva 2008/122/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur rigward ċerti aspetti ta’ kuntratti ta’ timeshare, kuntratti dwar prodotti ta’ vaganza għal perjodu fit-tul, kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid u kuntratti ta’ skambju; u Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.