B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13551 tat-13-il Leġiżlatura, li ngħatat fl-20 ta' April 2020, rigward Triq iż-Żewwieqa fil-Qala Għawdex, fejn kien ġie mwieġeb “il-Ministeru għal Għawdex qed jevalwa jistax isir Belvedere fuq art pubblika li tista’ tintuża għal dan l-iskop” u li “matul din it-triq se jitħawlu ammont sostanzjali ta’ siġar u arbuxelli”, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex evalwat jekk jistax isir belvedere fuq art pubblika u jekk iva x'kien l-eżitu? Jista jgħid ukoll jekk tħawlux ammont sostanzjali ta' siġar u arbuxelli f’din l-imsemmija triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena il-Kunsill Lokali tal-Qala għamel xogħlijiet ta’ tisbiħ fil-belveder li jinstab fi Triq iż-Żewwieqa fil-Qala. Dan ix-xogħol kien jinkludi tħawwil ta’ arbuxelli. Ninsab infurmat li maġġor parti tar-raba’ l-ieħor huwa tal-privat.
Għawdex — Port tal-Imġarr - Rilokazzjoni għall-membri tal-AFM
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10781 li ngħatat fil-11 ta' Lulju 2023, fejn kien ġie imwieġeb illi “fil-jiem li ġejjin hemm meeting skedat ma’ Transport Malta għal aktar diskussjonijiet”, jista’ l-Ministru jgħid x' kien l-eżitu ta' dan il-meeting? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra site plan tal-post alternattiv ta' rilokazzjoni li ġie identifikat? Jista’ jaġġorna wkoll lill-Kamra dwar l-aħħar żviluppi u xi jmiss issa u meta hu maħsub, xahar u sena, li ssir ir-rilokazzjoni?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi d-diskussjonijiet imsemmija kienu relatati mal-art li hija assenjata lil Transport Malta. Is-site plan mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Bħalissa qed jitfasslu pjanijiet għall-approvazzjonijiet eventwali tal-permessi.
Jista’ l-Ministru jagħti l-lista tat-toroq arterjali u distributorji f’Għawdex, lokalità b'lokalità?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li din l-informazzjoni tista' tinkiseb mill-Planning Authority. Id-dokument jinsab fis-site tal-Planning Authority taħt policy maps 6.2.1 - Gozo Road Hierarchy, li kopja tiegħu qed inpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra.
Attachments:PQ 11490 Għawdex – Toroq arterjali u distributorji.pdf
Għawdex — Skejjel Primarji u Sekondarji - Xogħlijiet ta’ natura ordinarja jew straordinarja
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija palamentari 10876 u jgħid x-xogħlijiet ta’ natura ordinarja jew straordinarja li saru fl-iskejjel primarji u sekondarji ġewwa Għawdex matul dan is-sajf li għadu kemm għadda? Jista’ jgħid ukoll minn min sar ix-xogħol u kemm kienet in-nefqa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:Tabella - PQ 11491 Għawdex Skejjel Primarji u Sekondarji Xogħlijiet ta natura ordinarja jew straordinarja.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-bini u xogħol ieħor tal-Gozo Museum, kemm intefqu flus s’issa u x'sar f' dawn l-aħħar ġimgħat? Jista’ jgħid ukoll x' hemm ippjanat li jsir u jitlesta fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi tlesta x-xogħol maġġuri relatat mal-bini u restawr tal-Gozo Museum. Baqa’ xogħol relatat ma’ snags li ser jiġi indirizzat fil-ġimgħat li ġejjin. B’hekk meta titlesta din il-fażi jibda x-xogħol relatat mal-M&Es u Finishes minn kuntrattur differenti. Intant, il-pagamanti li saru s’issa fuq dan il-proġett jammontaw għal €4,086,649.
Ċentru tal-Università — Ix-Xewkija - xogħlijiet fuq l-estensjoni
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4372, 6381, 7410, 9266, 10032 u 10461 li issa ilhom pendenti diversi xhur, u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2543 dwar ix-xogħlijiet fuq l-estensjoni taċ-Ċentru tal-Università fix-Xewkija, Għawdex, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija kollha kemm hi (intiera) u jgħid din l-estensjoni meta hu maħsub li tkun lesta minn kollox u tibda tintuża? Jista’ jgħid ukoll meta nbeda x-xogħol fuqha?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm Headship Positions (DGs u Diretturi) fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex fil-preżent li skadielhom it-terminu ta’ erba snin u kemm ilu li skadielhom?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li ma hemm ebda Headship Positions (DGs u Diretturi) fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex fil-preżent li skadielhom it-terminu ta’ erba' snin.
Tender għall-provvediment ta’ oġġetti użati minn anzjani u persuni b’diżabilità
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3714 li ngħatat fil-21 ta’ Novembru 2022 dwar it-tender ‘Framework agreement for the provision of incontinence diapers, pull-ups, pads and inco-sheet for senior citizens and persons with special needs for the Ministry for Gozo’ CfT ID: SPD3/2022/045 li ġiet ippubblikata fis-7 ta’ Lulju 2022 fejn kien ġie mwieġeb li “dwar dan it-tender qiegħda tinstema’ kawża ta’ Appell quddiem il-Qorti”, u b’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10571 li ngħatat fis-6 ta’ Lulju 2023 fejn kien ġie imwieġeb “li t-tender għalqet nhar is-17 ta’ Marzu 2023 u ġiet awarded fil-5 ta’ Ġunju 2023. Madankollu, ġiet sottomessa oġġezzjoni oħra u għaldaqstant il-proċess reġa’ ġie sospiż”, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bl-aħħar żviluppi dwar din is-sejħa u jekk din is-sejħa ġietx awarded?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess tat-tender huwa sospiż peress li għadha qiegħda tinstema’ l-kawża ta’ Appell quddiem il-Qorti.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex toħroġ is-sejħa pubblika għall-bini ta’ ITS Campus ġdid ġewwa SmartCity? Jista’ jgħid ukoll meta bejn wieħed u ieħor hu ppjanat li jibda x-xogħol ta’ kostruzzjoni u li jitlesta dan il-proġett biex ikun jista’ jilqa’ fih l-ewwel studenti? Jista’ jgħid jekk dan il-proġett huwiex se jkun iffinanzjat minn xi programm tal-Unjoni Ewropea u jekk iva, minn liema programm u minn liema baġit?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess biex toħroġ is-sejħa pubblika għall-bini tal-ITS Kampus ġdid ġewwa Smart City, għadu għaddej. Għaldaqstant, dettalji fuq tali proġett jingħataw f’seduti oħra.
Jista’ l-Prim Ministru jagħti informazzjoni dwar is-sejħa MSPP/02/2022 li għalqet fit-28 ta’ April 2023 ‘Concession for the regeneration and design, management, operation, maintenance and transfer back of the Evans building (Valletta) site as a superior quality tourism accommodation establishment’ u jgħid fiex wasal il-proċess ta’ aġġudikazzjoni ta’ din l-istess sejħa u meta hu maħsub li jingħalaq?
Response (ABELA, ROBERT)
Fir-rigward tas-sejħa MSPP/02/2022 li għalqet fit-28 ta’ April 2023 ‘Concession for the regeneration and design, management and transfer back of the Evans building (Valletta) site as a superior quality tourism accommodation establishment’ ninsab infurmat li l-proċess jinsab fi stadju ta` evalwazzjoni, liema evalwazzjoni hija f’idejn il-kumitat indipendenti maħtur għall-evalwazzjoni tas-sejħa, skont il-proċeduri stabbiliti.
Construction and Extension of Marsamxett Ferry Landing Place
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10573 u jinforma lill-Kamra dwar is-sejħa IMT014/2022 'Construction and Extension of Marsamxett Ferry Landing Place including the Construction of the Breakwater, Slipway, Jetty, Boat Hardstanding Area, Waiting Facilities, Gangways and Fenders' u jgħid fiex wasal il-proċess ta' aġġudikazzjoni? Jista’ jgħid ukoll minn min huma fformati t-tliet Joint Ventures li tefgħu l-offerta? Jista’ jgħid jekk dan il-proġett huwiex se jkun iffinanzjat minn xi programm tal-Unjoni Ewropea u jekk iva, minn liema programm u minn liema baġit u meta hu ppjanat li jitlesta dan ix-xogħol?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Aġenzija tal-Qrati – Proposti għal żvilupp f’Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-aħħar żviluppi dwar il-Preliminary Market Consultation (PMC) li ħarġet l-Aġenzija tal-Qrati ‘Proposal for Available Property or Land for Outright Acquisition in Victoria (Rabat) Gozo or in the Vicinity of Victoria (Rabat) Gozo to be Converted into Gozo Court’ li għalqet fis-6 ta’ Jannar 2023? Jista’ jgħid ukoll jekk il-proposti mitfugħa ġewx evalwati u jekk tħejjiex rapport fuq dawn il-proposti u jekk iva, iqiegħed ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Proposti minn Sindki Għawdxin dwar żvilupp f’Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10148 u jgħid kemm minn aktar minn 30 proposta li saru mis-Sindki kollha Għawdxin f’rapport li ppreżentaw lill-predeċessur tiegħu dwar l-iżvilupp f’Għawdex fil-bidu ta’ April 2021, fil-fatt ġew attwati sal-lum? Jista’ jgħid ukoll f’kull każ fejn wasal ix-xogħol fuq kull waħda minn dawn il-proposti u meta hu mistenni li jitwettqu? Jekk hemm minn dawn il-proposti li ma ġewx aċċettati mill-Gvern, jista’ jgħid liema huma u x’inhi r-raġuni li ma ġewx aċċettati?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin taħdidiet mar-rappreżentanti involuti.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 10265, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex, u tgħid x’qed isir biex tissolva l-problema ta’ skular ta’ ilma maħmuġ jew drenaġġ fi Triq il-Qbajjar ġewwa Marsalforn?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata illi minn investigazzjoni li wettqet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rriżulta li s-sors tal-ilma li ħiereg fl-imsemmija triq ġej minn proprjetajiet privati. Għaldaqstant, dan il-każ qed jiġi segwit mill-Awtorità konċernata.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10267 u ċjoè: Peress li t-terminu tal-programm ta’ fondi Ewropej wasal biex jiġi fi tmiemu, u nbeda jew ħa jinbeda wieħed ġdid, jista’ l-Ministru jgħid liema proġetti spiċċaw u dawk li għadhom għaddejjin jew ħa jinbdew f’kull Ministeru minn dawn il-fondi? Kemm intefqu flus għal dawn il-proġetti?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitlub ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10458 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tat-toroq ġewwa Għawdex, maqsuma skont il-lokalità, li saru mill-ġdid taħt il-wegħda tal-Gvern li jsir l-asfaltar tat-toroq kollha f’seba’ snin u flimkien mal-isem tat-triq rispettiva, iniżżel id-data ta’ meta tlesta x-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10460 u jgħid kemm-il esproprjazzjoni ta’ art jew bini sar f’Għawdex u Kemmuna sena b’sena minn Novembru 2016 sal-ġurnata li fih tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid f’kull każ x’kien l-iskop tal-esproprjazzjoni u kemm kien il-prezz li bih ġiet stmata l-istess art? Jista’ jgħid f’kemm minn dawn il-każijiet il-prezz mogħti mill-Kummissarju tal-Artijiet lis-sidien ġie aċċettat minn dawn tal-aħħar u f’kemm-il każ dan il-prezz ma ġiex aċċettat?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru 34 esproprazzjoni li ġew stmati €2,228,193.74. Minn dawn, ħamsa aċċettaw il-prezz li jammonta għal €85,063.00. Il-każijiet l-oħra għadhom fil-proċess ta’ qbil.
Tista’ l-Ministru tipprovdi kopja tal-kodiċi ta’ kondotta li tirregola kunflitti ta’ interess fir-rigward tal-uffiċċju għal kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u dan in konformi mad-Direttiva (UE) 2019/1?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kodiċi ta’ Kondotta li jirregola kunflitti ta’ interess fir-rigward tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni u li huwa riferut fi premessa 21 tad-Direttiva (UE) 2019/1 huwa l-istess kodiċi ta’ Etika li jinsab fil-Kap. 595 tal-Liġijiet ta’ Malta, jiġifieri, fl-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, li japplika għall-impjegati pubbliċi.
Illi dan ukoll skont l-artikolu 46(1) tal-Kap. 510 tal-Liġijiet ta’ Malta, jiġifieri tal-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, li jistipula illi “Uffiċjali u impjegati tal-Awtorità għandhom jimxu ma’ kull Kodiċi tal-Etika applikabbli għall-impjegati pubbliċi u għandu jkollhom, bla ħsara għal kull liġi kuntrarja, l-istess obbligi taħtu”.
Illi ssir referenza ukoll għall-artikoli 13A(a)(iii), 45, 46(2) tal-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur liema dispożizzjonijiet jirregolaw sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm attwalment l-Uffiċċju għal Kompetizzjoni qed jinvestiga każijiet dwar allegat ksur tal-artikoli 5 u/jew 9 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni, Kap. 379? Tista’ tgħid ukoll, f’kull każ, fir-rigward ta’ liema qasam qed isiru l-investigazzjonijiet, u l-istatus ta’ kull investigazzjoni?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni għandu għaxar investigazzjonijiet pendenti dwar allegat ksur tal-artikoli 5 u/jew 9 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni, Kap. 379.
L-investigazzjonijiet jikkonċernaw is-segwenti oqsma: Intrattiment, Enerġija, Telekomunikazzjoni, Saħħa, Annimali, Marittimu.
Nixtieq niċċara li din l-informazzjoni qed teskludi dawk is-sitwazzjonijiet fejn l-Uffiċċju jibgħat diversi talbiet għall-informazzjoni b’mod informali fejn l-intrapriżi jwieġbu fuq bażi volontarja u jagħmel diversi laqgħat mhux f’kuntest ta’ investigazzjoni formali sabiex jivvaluta jekk hemmx lok sabiex tinfetaħ investigazzjoni jew sabiex jieħu xi azzjoni oħra.
L-istadju tal-investigazzjonijiet quddiem l-Uffiċċju jvarjaw. Pereżempju hemm investigazzjonijiet li jkunu għadhom fi stadju inizjali tal-ġbir tal-informazzjoni, oħrajn fejn progressaw iktar u l-Uffiċċju jkun qiegħed jistenna għall-informazzjoni ulterjuri qabel ma jiddetermina l-pass li jmiss, oħrajn fejn ikunu waslu fi stadju avvanzat fejn l-Uffiċċju jkun beda jabbozza r-riżultanzi proviżorji tiegħu. Hemm investigazzjonijiet oħra li jkunu fi stadju aktar avvanzat fejn l-Uffiċċju jkun ħareġ riżultanzi proviżorji u jkun qiegħed jeżamina r-risposti riċevuti.
Tista’ l-Ministru tagħti lista tad-deċiżjonijiet regolatorji maħruġa mid-Direttur Ġenerali għal Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), fejn telenka fir-rigward ta’ liema settur inħarġet id-deċiżjoni, mill-2016 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari maqsuma sena b’sena? Tista’ tgħid ukoll f’kull istanza, jekk id-deċiżjoni ġietx ikkontestata u x’kien l-eżitu finali?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2018 inħarġu żewġ deċiżjonijiet amministrattivi: waħda fir-rigward ta’ operatur ta’ online dating website li ġiet appellata, fejn waqt l-appell l-operatur istitwixxa kawża kostituzzjonali li ġiet akkolta mill-Qorti u għalhekk ċeda l-imsemmi appell peress li l-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat id-deċiżjoni amministrattiva bħala nulla peress li tilledi d-drittijiet fondamentali tal-operatur li jinsabu fl-artikolu 39 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta; u oħra fir-rigward ta’ operatur tal-komunikazzjonijiet li minnha ma sarx appell.
Fl-2019 inħarġet deċiżjoni amministrattiva fir-rigward ta’ operatur tal-komunikazzjonijiet li minnha ma sarx appell.
Sussegwentement il-liġi ġiet emendata permezz tal-Att XVI tal-2019 sabiex tkun il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Kummerċ) li toħroġ deċiżjonijiet u mhux id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur).