Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex u Kemmuna — proprjetajiet mogħtija b’encroachment

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9542 u ċjoé: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7816 dwar il-lista ta' proprjetajiet li ngħataw b'encroachment mit-8 ta' Marzu 2013 sal-lum, inkluż lil min ingħataw, għal liema skop u kemm ġew mitlubin iħallsu ġewwa Għawdex u Kemmuna, jista’ l-Ministru jżid mal-lista tal-mistoqsija parlamentari 7816 wkoll, kull proprjetà li ngħatat b'encroachment mit-8 ta' Marzu 2013 sal-lum u jsemmi r-raħal, triq jew l-area ġewwa Għawdex u Kemmuna? Jista’ jgħid jekk hux kulħadd ħallas b'mod regolari r-rati applikabbli?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet tibgħat il-kontijiet relatati ma permessi ta’ encroachment b’mod regolari. Infurmat ukoll mill-Awtorità tal-Artijiet li sabiex tinġabar l-informazzjoni meħtieġa u bi preċiżjoni, hemm bżonn ta’ aktar żmien sabiex din tingħata.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Chairpersons u membri ta’ entitajiet pubbliċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min huma ċ-Chairpersons u l-membri ta’ kull entità pubblika - irrispettivament mill-mod kif deskritti - li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, u f’kull każ tgħid: (a) kull persuna kemm ilha fil-ħatra, u (b) meta tiġi fit-tmiem il-ħatra attwali ta’ kull persuna?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Ministeru għall-Ekonomiija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet — Chairpersons u membri ta’ entitajiet pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma ċ-Chairpersons u l-membri ta’ kull entità pubblika - irrispettivament mill-mod kif deskritti - li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, u f’kull każ jgħid: (a) kull persuna kemm ilha fil-ħatra, u (b) meta tiġi fit-tmiem il-ħatra attwali ta’ kull persuna?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) – deċiżjonijiet dwar xi impożizzjoni ta’ xi sanzjoni jew penali finanzjarji

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11132 u għad-dokument anness magħha, peress li fl-aħħar ta’ dan id-dokument jingħad li “Bejn Mejju 2016 u Mejju 2019 l-Uffiċċju ma impona ebda sanzjoni jew penali finanzjarja fid-dawl ta’ sentenza kostituzzjonali li ngħatat fit-3 ta’ Mejju 2016”, tista’ l-Ministru tgħid jekk għal perjodu ta’ tliet snin, u ċjoè bejn Mejju 2016 u Mejju 2019, effettivament l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ma kienx f’qagħda li jieħu passi regolatorji biex jassigura konformità mal-liġi dwar il-kompetizzjoni, billi jew jimponi sanzjonijiet jew jieħu passi għat-teħid ta’ sanzjonijiet?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4362 li ngħatat fit-tlettax-il leġiżlatura.

MCCAA — Lista ta’ Deċiżjonijiet Regolatorji

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11430, tista’ l-Ministru: (i) tipprovdi kopja tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li għaliha hemm riferenza fit-tweġiba; (ii) tipprovdi kopja tad-deċiżjoni amministrattiva mogħtija mid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) li skont it-tweġiba, ġiet maħruġa fil-2019 fir-rigward ta’ operatur tal-komunikazzjonijiet.

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11430, ngħarraf l-Onor. Interpellant li: (i) kopja tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li għaliha hemm riferenza fit-tweġiba qiegħda tiġi mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra; u (ii) kopja tad-deċiżjoni amministrattiva mogħtija mid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) li skont it-tweġiba, ġiet maħruġa fil-2019 fir-rigward ta’ operatur tal-komunikazzjonijiet, qiegħda wkoll tiġi mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra.

Uffiċċju għal Kompetizzjoni — Investigazzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11429, tista’ l-Ministru tikkonferma li attwalment wara l-emendi li saru fl-Att dwar il-Kompetizzjoni, Kap 379 tramite l-Att Numru XVI tal-2019, id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) f’kull istanza fir-rigward ta’ ħruġ ta’ deċiżjoni regolatorja – ukoll jekk id-deċiżjoni ma tittrattax dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjoni jew xi forma ta’ penali finanzjarja – irid l-ewwel jagħmel talba lill-Qorti għal ħruġ ta’ deċiżjoni? Jekk dan hu l-każ, tista’ l-Ministru tispjega għalfejn ġiet introdotta tali proċedura wkoll f’istanzi fejn il-ħruġ ta’ deċiżjoni regolatorja mhijiex marbuta mal-impożizzjoni ta’ sanzjoni jew xi forma ta’ penali finanzjarja?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mhux f’kull istanza fir-rigward ta’ ħruġ ta’ deċiżjoni, id-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni irid jagħmel talba lill-Qorti. Skond it-termini tal-artikolu 17 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni d-Direttur Ġenerali jista’ minflok jibda proċeduri ġudizzjari joħroġ deċiżjoni ta’ rabtiet fejn jagħmel l-irbit vinkolanti fuq l-intrapriża jew l-għaqda ta’ intrapriżi.

Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry for Gozo

Question

B'referenza għas-sejħa CT2361/2022 - Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry for Gozo, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet stmata din is-sejħa meta ħarġet fis-suq? Jista’ jgħid ukoll jekk l-appell quddiem il-Public Contracts Review Board (PCRB) ġiex deċiż u x'kien l-eżitu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa CT 2361/2022 kienet stmata €2,268,903.00 (VAT eskluża). Is-sejħa għall-offerti ġiet awarded nhar it-3 ta’ Ottubru 2023 u ż-żmien tal-appell għalaq nhar it-13 ta’ Ottubru 2023.

Tribunal Amministrattivi — lista

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11125, jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni meta l-aġġornament tal-Ewwel Skeda tal-Att dwar il-Ġustizzja Amministrattiva, Kap. 490 tal-Liġijiet ta’ Malta, hu maħsub li jkun komplut?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx informazzjoni x’inżid fuq it-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 11125.

MFSA — Enforcement Decisions Committee - kompożizzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10748, li ngħatat fis-Seduta 145 tal-10 ta’ Lulju 2023, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn l-Enforcement Decisions Committee mhux kompost? Jista’ jgħid x’inhi l-proċedura li qed tiġi segwita da parti tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) dwar deċiżjonijiet maħruġin minnha fejn dawn jikkonċernaw l-impożizzjoni ta’ penalitajiet finanzjarji (irrispettivament tal-mod kif deskritti) jew ta’ sanzjonijiet oħrajn?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11098.

Sentenzi tal-Qorti kontra penali maħruġa mill-FIAU

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9950, fid-dawl tal-fatt li sussegwentement għat-tweġiba mogħtija l-qrati Maltin (ġurisdizzjonali kostituzzjonali) xorta komplew jikkonfermaw sentenzi diġà mogħtija, bl-aktar waħda riċenti dik fl-ismijiet Dr. Roderick Caruana versus il-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) et (mogħtija fit-28 ta’ Settembru 2023) fejn ripetutament il-qrati preseduti minn imħallfin differenti qed iqisu li l-normi li jirregola l-poteri u l-proċeduri tal-FIAU huma anti-kostituzzjonali, jista’ l-Ministru jgħid jekk tinħassx il-ħtieġa urġenti li jiġu riveduti l-liġijiet applikabbli biex tiġi indirizzata din sitwazzjoni fejn il-FIAU b’mod kontinwu qed tinsab li qed taġġixxi abbażi ta’ normi li huma kontra l-Kostituzzjoni?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif diġà weġibt għall-mistoqsijiet parlamentari 9221 u 9950, jien infurmat li fir-rigward tas-sentenzi tal-Prim'Awla (sede Kostituzzjonali), li għalihom qed issir riferenza fil-mistoqsija, diġà ddaħħal, u fejn it-terminu tal-appell għadu ma skadiex, se jiddaħħal appell kemm mill-Avukat tal-Istat u kif ukoll mill-FIAU. Ġaladarba jkun hemm appell minn deċiżjoni tal-Prim'Awla, din l-istess deċiżjoni tiġi sub judice pendenti d-deċiżjoni tal-appell, li jista' jikkonferma, ivarja jew iħassar id-deċiżjoni li tkun ħadet il-Prim'Awla. Nirrepeti li kull deċiżjoni li tittieħed, tkun dejjem fl-aħjar interess tal-pajjiż wara li nieħdu konjizzjoni tas-sentenzi finali tal-Qorti Kostituzzjonali.

FIAU – penalitajiet

Question

B’referenza għad-diversi kawżi li saru mill-2017 ’il quddiem fil-qrati ġuriżdizzjoni kostituzzjonali, fejn qed jiġu kkontestati d-dispożizzjonijiet tal-liġi li allura jagħtu l-jedd lill-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) li din timponi penalitijiet finanzjarji ossia multi (irrespettivament tal-mod kif deskritti), jista’ l-Ministru jgħid kemm, b’mod komprensiv, l-FIAU s’issa inkorriet fi spejjeż legali biex twieġeb għal dawn il-kawżi? Jista’ jelenka separatament, fejn applikabbli, kemm il-FIAU inkorriet fi ħlasijiet lid-ditti legali ossia retainers biex dawn jassistuha f’dawn il-kawżi?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s’issa nfetħu wieħed u għoxrin (21) każ kostituzzjonali kontra l-Avukat tal-Istat u l-FIAU. In kwantu l-ispejjeż legali, l-FIAU, sal-aħħar ta’ Settembru 2023, komprensivament inkorra circa €147,000.00 fejn dawn jinkludu kemm l-ispejjeż tal-Qorti, tal-prokuraturi legali kif ukoll tas-servizzi legali mogħtija minn avukati esterni mqabbda mill-istess Korp. Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, l-FIAU ma tħallasx ‘retainers’ lid-ditti legali li jassistuha.

Regolament (EU) 2022/2065 — Implimentazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret s’issa fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (EU) 2022/2065? Jista' jgħid ukoll jekk għadx jonqos li titwettaq xi ħidma oħra sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-19 ta' Ġunju ta' din is-sena, il-Gvern ippubblika għal konsultazzjoni pubblika, abbozz leġiżlattiv fil-forma ta' Ordni intitolat 'The Digital Services Act (Designation and Enforcement) Order, 2023' taħt il-kappa tal-Kap. 418 (Att għat-Twaqqif ta' Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni) u l-Kap. 460 (Att dwar I-Unjoni Ewropea) li fost oħrajn qed jipproponi sett ta' normi intiżi li jindirizzaw il-partijiet tar-Regolament (UE) 2022/2065, dwar l-implimentazzjoni, kooperazzjoni, penali u infurzar. F'dan l-abozz il-Gvern kien qiegħed ukoll jipproponi li l-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) tiġi deżinjata bħala Koordinatur tas-Servizzi Digitali ('DSC'). Din l-Ordni trid issir sas-17 ta' Frar 2024, u tiddaħħal fis-seħħ dakinhar hekk kif stipulat fl-istess Regolament tal-UE. L-MCA qed tipparteċipa b'mod attiv fl-istrutturi tal-Unjoni Ewropea li qed ilaqqgħu fost oħrajn rappreżentanti ta' dawk l-entitajiet maħsuba li jkunu deżinjati bħala Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, biex jiddiskutu it-tħejjijiet li qed isiru mill-Kummissjoni Ewropea u mil-pajjiżi membri bi preparament għall-implimentazzjoni sħiħa ta' dan ir-Regolament. Biex tipprepara għall-obbligi tagħha bhala DSC kif stipulat fir-Regolament, l-MCA qed taħdem biex issaħħaħ il-kapaċità u l-proċessi interni tagħha. L-Awtorità daħlet ukoll f’Memorandi ta' Ftehim (MoUs) mad-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) fi ħdan l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u I-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), il-Kummissarju għat-Tfal, u I-Kummissarju għall-lnformazzjoni u I-Protezzjoni tad-Data (IDPC). Dawn I-MoUs qed isiru sabiex jiġi assigurat kooperazzjoni u infurzar iżjed effettiv f’oqsma ta' kompetenzi relatati. Ftehim ieħor qed jiġi żviluppat bejn l-MCA u l-Pulizija ta' Malta. Biex jiżdied l-għarfien, l-MCA bdiet ukoll twettaq inizjattivi edukattivi u ta' informazzjoni biex tinforma entitajiet pubbliċi, in-negozji, u l-pubbliku ġenerali dwar l-impatt ta' dan ir-Regolament.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — Chairpersons u membri ta’ entitajiet pubbliċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min huma ċ-Chairpersons u l-membri ta’ kull entità pubblika - irrispettivament mill-mod kif deskritti - li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, u f’kull każ tgħid: (a) kull persuna kemm ilha fil-ħatra; u (b) meta tiġi fit-tmiem il-ħatra attwali ta’ kull persuna?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Malta, Għawdex u Kemmuna — Kontribuzzjonijiet finanzjarji mingħand l-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċevew kontribuzzjonijiet finanzjarji Malta, Għawdex u Kemmuna mingħand l-Unjoni Ewropea, sena b’sena, mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u għal liema proġetti ntefqu dawn il-flus?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba, sena b’sena mill-2014 sal-lum fuq il-Mejda tal-Kamra.

Marsalforn — Torri tal-Qbajjar - restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għamlet fl-aħħar sena l-Awtorità tal-Artijiet dwar it-Torri tal-Qbajjar f'Marsalforn, Għawdex liema fortifikazzjoni storika tjinsab fi stat ħażin ħafna u fil-periklu imminenti li jiġġarraf? X'beħsiebha tagħmel l-Awtorità biex tassigura li dan is-sit ma jiġġarrafx u jispiċċa darba għal dejjem? Għaliex l-Awtorità qed tkaxkar saqajha fuq dan is-sit storiku u ma tgħaddix dan is-sit lil Din l-Art Ħelwa, hekk kif kien il-ħsieb li jsir?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet qiegħda tikkunsidra liema hu l-aħjar metodu sabiex tiddisponi minn din il-proprjetà favur il-ħarsien u r-riabilitazzjoni tagħha, u dan ġaladarba jiġu aċċertati u magħluqa b’mod definittiv il-kwistjonijiet legali.

Għawdex — proġett tas-second class water għall-bdiewa

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3722 li ngħatat fit-22 ta' Novembru 2022, dwar il-proġett tas-second class water għall-bdiewa ġewwa Għawdex fejn ġie imwieġeb 'li d-dispensing points fil-fatt għadhom ser jiġu installati, u din il-fażi tax-xogħlijiet ippjanata titnieda u tiġi konkluża fl-ewwel tliet kwarti tas-sena 2023 permezz ta’ kuntratt separat', għaldaqstant tista’ l-Ministru tgħid jekk dan il-kuntratt separat ħariġx u jekk iva meta ħareġ u meta ġie awarded? Tista’ tgħid ukoll jekk id-dispensing points ġewx installati kollha fl-ewwel tliet kwarti tas-sena 2023 hekk kif kien ġie mwieġeb fit-tweġiba parlamentari 3722?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali kuntratt ġie ffirmat u x-xogħol inbeda minnufih. Biex tassigura li s-sistema tkun iktar robusta u kapaċi għall-bżonnijiet li sejra sservi, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ddeċidiet li ttejjeb id-disinn tal-water dispensers minn kif oriġinarjament kien ippjanat. Għaldaqstant, iż-żmien tat-tlestija kellu jittawwal. Ninsab infurmata li l-prototipi saru u ġew anke ttestjati, waqt li l-installazzjonijiet huma ppjanati li jsiru fiż-żmien li ġej.

Ilma li hu tajjeb għax-xorb

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-ilma li qiegħed jasal fid-djar kollha tal-familji ġewwa Għawdex huwiex tajjeb għax-xorb? Tista’ tgħid kif il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fil-preżent u anki fil-futur qarib qed taħdem u x'inhi tagħmel ġewwa Għawdex biex jibqa’ jasal prodott ta' ilma dejjem aħjar fid-djar tal-familji f’Għawdex?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilma li jasal fid-djar kemm f’Għawdex kif ukoll f’Malta huwa tajjeb għax-xorb u jaqa’ sew fil-parametri Ewropej applikabbli. Madankollu l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħasset li dan jista’ jittejjeb iktar, u għaldaqstant investiet, implimentat u qed tkompli timplimenta numru ta’ proġetti li jtejbu kemm il-kwalità kif ukoll il-kwantità ta’ ilma f’Għawdex. Dawn jinkludu proġetti ewlenin fosthom l-impjant state of the art f’Ħondoq ir-Rummien, tibdil ta’ mejnijiet antiki kif ukoll proġett li permezz tiegħu jingħaqdu ż-żewġ ġibjuni prinċipali ta' Għawdex li huma Ta’ Ċenċ 3 u 4.

Iż-Żebbuġ, Għawdex — Triq Mons. Ġiuseppi De Piro

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9144 li ġiet imwieġba fil-5 ta' Ġunju 2023 dwar x’beħsiebu jagħmel fil-futur qarib il-Ministeru għal Għawdex li huwa responsabbli mit-toroq ta' Għawdex dwar parti minn Triq Mons. Ġiuseppi De Piro ġewwa ż-Żebbuġ, Għawdex, peress li f’dawn l-aħħar xhur parti minn din it-triq bdiet iċċedi u tisfronda u f'dawn l-aħħar xhur saħansitra ngħalqet kompletament bil-barriers, fejn kien ġie mwieġeb li 'l-Perit imqabbad mill-Ministeru mar fuq il-post, u qegħdin isiru l-istudji meħtieġa sabiex din it-triq terġa' tinfetaħ lura għall-pubbliku',jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta' dawn l-istudji, kif ukoll ir-rapport li ħejja il-perit? Jista’ jgħid jekk fil-preżent hemmx periklu għar-residenti li għandhom id-djar f'din il-parti ta’ din l-imsemmija triq? Jista’ jgħid meta hu ppjanat (xahar u sena) li jibda x-xogħol fuq din il-parti tat-triq, fiex ħa jkun jikkonsisti u kemm hu stmat li ħa jiġi jiswa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-ġimgħa ser isiru l-istudji ġeoloġiċi neċessarji.

MTA — talba għal miżura ta’ inġunzjoni dwar liġijiet tal-UE

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 11101, ġaladarba l-MTA - Awtorità Maltija għat-Turiżmu - taqa’ taħt ir-responsabilita tal-Ministeru tiegħu u peress li l-mistoqsija espressament isaqsi dwar ir-rwol tal-istess MTA, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija 11101 u jgħid xi rwol għandha l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fir-rigward ta' talba għal miżura ta’ inġunzjoni li ssir skont l-Att Numru XVII dwar is-segwenti liġijiet tal-UE li ġew trasposti taħt liġijiet infurzati mill-istess MTA u ċjoè: Direttiva 2008/122/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur rigward ċerti aspetti ta’ kuntratti ta’ timeshare, kuntratti dwar prodotti ta’ vaganza għal perjodu fit-tul, kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid u kuntratti ta’ skambju; u Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu mhijiex f’pożizzjoni li tista’ tirrispondi din il-mistoqsija parlamentari, dan peress dan l-att jipprovdi li tiġi kkompilata lista ta’ entitajiet kwalifikati sas-26 ta’ Diċembru 2023. Meta tiġi finalizzata tali pożizzjoni mill-MCCAA, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tkun f’qagħda li tista’ tirrispondi.

Għawdex — Triq ir-Rabat u Triq Ta' Xħajma - miżuri kontra sewqan eċċessiv

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10751, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex, u jgħid fid-dawl tal-inċidenti riċenti u ta' dawn l-aħħar xhur li seħħew kemm fi Triq ir-Rabat kif ukoll Triq Ta' Xħajma, it-triq prinċipali li twassal għar-raħal tan-Nadur, jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu jew beħsiebu jieħu l-Gvern jew l-entitajiet tiegħu biex tiġi indirizzata l-problema ta' sewqan eċċessiv jew abbużiv f'din it-triq?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-aħħar xhur, Transport Malta għamlet ‘network-wide road safety assessment’ li kien jinkludi evalwazzjoni tat-toroq arterjali u distributorji u Triq ir-Rabat inkluż l-area ta’ Xħajma, tagħmel parti min din l-evalwazzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet għall-immaniġġjar ta’ sigurtà aħjar fuq din it-triq ser jiġu pprovduti lill-Ministeru ta’ Għawdex. Inoltre’, Transport Malta ma rċeviet l-ebda talbiet għal ‘fixed speed camera’, madankollu ser tkun qed tevalwa il-kriterji meħtieġa skond kif imniżżel fl-Speed Management Policy - Annex 3C. Ninnota ukoll li Transport Malta toħroġ statistika ta’ aċċidenti tat-toroq minn fuq ir-rapporti tal-Pulizija, però Transport Malta ma tkunx provduta bid-dettalji tal-post eżatt fejn ikun seħħ l-aċċident u lanqas fuq il-kawża ta’ l-aċċident innifsu per eżempju jekk il-karozzi nvoluti kienux qed isuqu b’veloċità eċċessiva.