Ministeru għal Għawdex — Strategic & Priorities Unit
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema proġetti u inizjattivi qed taħdem l-iStrategic & Priorities Unit (SPU) fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex f'dawn l-aħħar xhur u fil-preżent?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-SPU fi ħdan l-Ministeru għal Għawdex jaħdem fuq diversi proġetti u inizjattivi li jvarjaw minn żmien għal żmien. Fost l-oħrajn il-proġetti u l-inizjattivi jinkludu amministrazzjoni, turiżmu, affarijiet legali, ppjanar u infrastruttura, xogħlijiet pubbliċi u komunikazzjoni.
Għawdex — Servizzi ta' riabilitazzjoni għall-anzjani
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8997, li oriġinarjament saret lill Ministeru għal Għawdex, jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija u jgħid x'servizzi ta' riabilitazzjoni għall-anzjani hemm f'Għawdex bħalma jingħata fl-Isptar Karin Grech, f'Malta?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10780 li ngħatat fil-11 ta' Lulju 2023, dwar x'inhuma r-raġunijiet li Triq il-Pitkalija, fix-Xewkija Għawdex, ilha għal aktar minn sentejn u nofs b'kisja waħda ta' asfalt u meta hi ppjanata li tingħata l-aħħar kisja sabiex din tkun lesta u fid-dawl li t-tweġiba kienet “tlabt lid-dipartiment ikkonċernat sabiex tali kisja tingħata”, jista’ l-Ministru jgħid għaliex għaddew iktar min tliet xhur u din it-triq għadha b' kisja waħda asfalt u jgħid ukoll meta ser tingħata t-tieni kisja?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-parti tat-triq qiegħda nkluża fil-programm tax-xogħlijiet tal-Ministeru għal Għawdex.
Ix-Xlendi – Proġett ta’ Riġenerazzjoni tal-Parkeġġ
Question
B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10132 dwar il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi, tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu l-istudji tekniċi meħtieġa sabiex tiddisinja l-pumping station adekwata u jinbidlu wkoll il-pajpijiet li jwasslu għas-sentina', Tista’ l-Ministru tgħid kemm se tkun l-ispiża u kemm se jieħu żmien dan ix-xogħol biex jitwettaq?
Response (DALLI, MIRIAM)
Kif spjegajt fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10132, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma mhix responsabbli mill-proġett tar-riġenerazzjoni tal-parkeġġ fit-totalità tiegħu, iżda mill-infrastruttura tas-sistema tad-drenaġġ kif ukoll il-pumping station. Ninsab infurmata li l-istudji ġeoloġiċi u d-disinni kemm tal-pumping station kif ukoll tan-network tal-madwar tlestew u qed titħejja l-applikazzjoni sabiex tiġi sottomessa lill-Awtorità tal-Ippjanar. Dawn ix-xogħlijiet huma stmati li ser jiswew madwar €2.5 miljun u mistennija jieħdu madwar sena minn meta jinbdew biex jitlestew.
Ta’ Ċenċ — Xogħlijiet mill-Water Services Corporation
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fiex jikkonsistu u ser ikunu jikkonsistu x-xogħlijiet li nbdew f'dawn l-aħħar ġranet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fit-triq li twassal għall-ġibjuni tal-WSC ġewwa Ta' Ċenċ, Għawdex? Tista’ tgħid kemm hu stmat li ser jiġu jiswew dawn ix-xogħlijiet kif ukoll tagħti timeframes ta' meta ħa jitlestew?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-proġett huwa maħsub biex jintegra ż-żewġ ġibjuni prinċipali t’Għawdex. L-għan ewlieni tiegħu huwa sabiex il-konsumatur igawdi minn kwalità ta’ ilma aħjar, jiġi ffaċilitat it-taħlit tal-ilma fil-ġibjuni, kif ukoll tissaħħaħ il-pressa tal-ilma madwar Għawdex kollu. Dan il-proġett huwa ppjanat li ser jieħu madwar sena biex jitlesa u stmat li se jiswa madwar €500,000.
Għawdex — Bajja tax-Xatt l-Aħmar - Ħruġ tad-drenaġġ
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x' inhuma r-raġunijiet għala f' dawn l-aħħar ġimgħat f' diversi ġranet kien hemm ħrug ta’ drenaġġ mill-impjant tal-Fessej għal ġol-bajja tax-Xatt l-Aħmar u ż-żoni tal-madwar fejn anki jgħumu n-nies? Tista’ tgħid fil-konkret x' inhu jsir biex din il-problema tissolva darba għal dejjem?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi preżentament qiegħda ssir manutenzjoni fis-sistema tad-drenaġġ li twassal l-ilma mill-Imġarr għall-impjant tat-trattament. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qiegħda wkoll tfassal pjan sabiex din is-sistema tiġi mibdula għal waħda iktar moderna.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tobba assenjati lill-bord biex jiċċertifikaw nies li japplikaw għall-pensjoni tal-invalidità mis-sena 2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll min kienu dawn it-tobba u għal kemm żmien servew?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Pensjoni tal-invalidità – Persuni ċertifikati bħala ‘invalidi’
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ċertifikati persuni bħala ‘invalidi’ u ħadu l-pensjoni tal-invalidità mis-sena 2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni f’kull kategorija mal-Air Malta mis-sena 2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex għas-snin 2014-2021 jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsjia parlamentari 24273 tal-Leġiżlatura XIII.
Għas-snin 2022 u 2023 in-numru ta’ impjegati hu skont it-tabella hawn taħt:
SenaImpjegatiTerminati
2022174611
20237085
Għoti ta’ kuntratti għall-provvista ta’ servizzi, ħwejjeġ u xogħlijiet lis-Servizz Pubbliku u lis-Settur Pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9545 u jgħid kemm-il kuntratt ingħata taħt il-proċedura negozjata għall-provvista ta’ servizzi, ħwejjeġ (goods) u xogħlijiet lis-Servizz Pubbliku u lis-Settur Pubbliku separatament kull sena minn Jannar 2019 ’il hawn? X’kienu s-servizzi, xogħlijiet eċċ. provduti f’kull każ? Kemm kien il-valur ta’ kull kuntratt? Jista’, jekk jogħġbu, iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-avviż (kuntratt taħt il-proċedura negozjata) ippubblikat?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9759 u jgħid xi proġetti saru mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) ġewwa Għawdex u Kemmuna matul l-aħħar sentejn u kemm kienet in-nefqa? Jista’ jgħid ukoll xi proġetti saru jew se jsiru mill-MTA ġewwa Għawdex u Kemmuna matul is-sena 2023 u kemm se tkun in-nefqa?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ħadmet fuq dawn il-proġetti:
· Scuttling tal-vapur Hephaestus sabiex issir sikka artifiċjali. Dan il-proġett sar bħala parti mid-Diving Master Plan għal Malta u Għawdex b’nefqa ta’ madwar €600,000.
· Preżenza ta’ lifeguards f’numru ta’ bajjiet f’Għawdex u Kemmuna b’nefqa ta’ madwar €420,000 kull sena.
· Restawr tat-Torri tad-Dwejra flimkien ma’ Din l-Art Ħelwa b’nefqa ta’ madwar €260,000.
· Festival tan-nar b’nefqa ta’ madwar €100,000.
Għal din is-sena, l-MTA qed terġa’ tkopri l-ispiża ta’ madwar €420,000 għal-lifeguards fil-bajjiet, filwaqt li qegħdin jaħdmu sabiex jgħinu lil Din l-Art Ħelwa f’xogħol ta’ restawr tat-Torri ta’ Kemmuna bi spiża ta’ madwar €250,000. Ser ikunu qed jagħtu għajnuna fil-proġett ta’ restawr ta’ żewġ pitturi ta’ Michele Busuttil ġewwa l-Katidral t’Għawdex għal nefqa ta’ madwar €35,000.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' klieb, qtates u annimali oħrajn (f'dak il-każ jispeċifika x' annimali kienu) li ttieħdu mingħand sidhom ġewwa Għawdex mill-Animal Welfare (AW) minn Jannar 2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm minn dawn l-annimali ngħataw lura lil sidhom u x'kienet ir-raġuni li ngħataw lura?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.
Malta, Għawdex u Kemmuna — applikazzjonijiet għall-ħruġ ta’ liċenzji għal kiri ta’ umbrelel u/jew deckchairs
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10037 u jgħid, sena b' sena f dawn l-aħħar għaxar snin, kemm kien hemm applikazzjonijiet ġodda minn operaturi u kemm ingħataw permessi u fejn mill-Awtorità tal-Artijiet ġewwa Malta, Għawdex u Kemmuna għal-liċenzja biex jikru umbrelel u/jew deckchairs fuq jew ħdejn il-bajjiet? Jista’ jgħid kemm minn dawn ġew milqugħa jew inkella rifjutati? Jista’ jgħid ukoll fil-preżent kemm hemm talbiet pendenti? Globalment kemm hemm operaturi li għandhom il-permessi mill-Awtorità tal-Artijiet ġewwa Malta, Għawdex u Kemmuna u fejn jinsabu għal-liċenzja biex jikru umbrelel u/jew deckchairs fuq jew ħdejn il-bajjiet?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Operaturi li għandhom liċenzja biex jikru umbrelel u/jew deckchairs ħdejn il-bajjiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10038, rigward operaturi li għandhom liċenzja biex jikru umbrelel u/jew deckchairs ħdejn il-bajjiet kollha, jista’ l-Ministru jgħid kemm hi u kif jinħarġu dawn il-liċenzji, kull meta jiġu mħallsa u kif jiġi determinat l-ammont dovut għal din il-liċenzja?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għal-Għawdex – Sejħa għal Medical Practitioner/s
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jispjega fiex tikkonsisti l-espressjoni ta' interess li ħareġ reċentament il-Ministeru għal-Għawdex 'for Medical Practitioner/s to serve in Gozo as may be directed by the Ministry for Gozo' MGOZ EOI 01/2023? Jista’ l-Ministru jgħid għala inħasset il-ħtieġa li tinħareġ din l-espressjoni ta' interess u kemm hu l-baġit allokat? Jista’ jgħid f' dawn l-aħħar xhur u snin, min kien qed jipprovdi dan is-servizz u kemm kienet l-ispiża biex ġie pprovdut dan is-servizz?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rapport tal-Awditur Ġenerali li ħareġ f’Novembru tal-2022, kien hemm rakkomandazzjoni biex is-sezzjoni tal-kura tal-anzjani tagħmel aktar monitoraġġ rigward is-servizzi residenzjali mogħtija lill-anzjani. Dan it-tip ta’ monitoraġġ jista’ jsir biss minn xi ħadd tekniku u professjonali fis-saħħa. Peress li fil-Ministeru għal Għawdex m’hemmx persuna professjonali li tista’ tagħmel dan it-tip ta’ monitoraġġ, inħasset il-ħtieġa li tinħareġ din is-sejħa.
Marsalforn, Għawdex – xogħol ta’ bini fi Triq Santa Marija u Triq Qbajjar
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8382 li ngħatat fil-15 ta' Mejju 2023 dwar xogħol ta' bini mill-ġdid fi Triq Santa Marija u Triq il-Qbajjar, f'Marsalforn, Għawdex, fejn kien ġie imwieġeb “li l-Ministeru bħalissa qed jaħdem fuq tender (DPS) ibbażat fuq kunċett li tinħoloq pjattaforma li twassal sabiex ikun hemm pool ta’ kuntratturi li wara mini-competitions jaqdu l-esiġenzi tal-Ministru għal Għawdex fejn tidħol l-infrastruttura. Dan il-pass qed isir sabiex tkompli tiżdied l-effiċjenza u l-ispeditezza tax-xogħlijiet li jkun hemm bżonn isiru”, jista’ l-Ministru jgħid:
i. jekk dan it-tender (DPS) tlestiex;
ii. jekk ħariġx u kemm hu l-valur tiegħu u għal-kemm-il sena ser ikun;
iii. meta ħa jibdew ix-xogħlijiet marbuta ma’ dan it-tender (DPS); u
iv. u liema toroq hemm ippjanati li jsiru permezz ta’ dan it-tender (DPS)?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninsab infurmat li t-tender imsemmi għadu ma ħarigx. Bħalissa għaddejjin bl-abbozz finali b’konsultazzjoni mad-dipartiment tal-kuntratti, fejn id-dettalji relatati mal-valur u għal kemm -il-sena ser ikun, għadhom m’humiex definiti. Ix-xogħlijiet marbuta ma’ din it-tender żgur li ma jistgħux jibdew qabel jigi awarded dan it-tender. Fir-rigward tat-toroq, il-Ministeru qed iżomm flessibilità sħiħa, bit-toroq l-aktar ta’ prijorità ser ikunu qed jiġu mibnija mil-ġdid jew irranġati.
Ministeru għal Għawdex — rakkomandazzjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9272 u jgħid jekk f’kull dipartiment jew entità li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex sarux rakkomandazzjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kollha li jaħdmu fuq barra minn Marzu 2013 sal-lum u jekk iva, meta saru? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta’ tali rakkomandazzjonijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lil Onor. Interpellant li qegħdin isiru spezzjonijiet regolari fuq il-ħaddiema kollha fid-Divizjonijiet u d-Direttorati tal-Ministeru għal Għawdex li jaħdmu fuq barra. Dawn ir-rakkomadazzjonijiet qegħdin jiġu osservati u ndirizzati.
Fir-rigward tal-Gozo Channel Operations Ltd, fejn il-miżuri neċessarji kollha tas-saħħa u s-sigurtà għall-ħaddiema li jaħdmu barra jiġu implimentati bla dewmien. Il-kumpanija timplimenta l-miżuri neċessarji skont il-liġijiet tas-saħħa u s-sigurtà biex il-ħaddiema jiġu mħarsa.
Sptar Ġenerali ta’ Għawdex — Apparat li mistenni jinxtara
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’apparat huwa mistenni li jinxtara b’kofinanzjament mill-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex matul din is-sena u s-sena d-dieħla? Jista’ jgħid ukoll meta hu mistenni li jinħareġ it-tender indikat fl-istess tweġiba tiegħu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex se jkun qed jibbenefika minn REACT EU sabiex jinxtara MRI. It-tender sabiex ikun jista’ jinxtara dan l-apparat ġie pubblikat u bħalissa qiegħed jiġi evalwat.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-konsultazzjonijiet mal-entitajiet ikkonċernati biex jiġu definiti s-servizzi meħtieġa fix-Xlendi, li jkunu jirriflettu d-domanda li dejjem qed tiżdied? Jista’ jgħid meta hu maħsub li dawn jingħalqu u xi jkun jmiss wara?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed jingħalqu l-konsultazzjonijiet mal-entitajiet ikkonċernati, filwaqt li qed isir id-disinn tal-Masterplan tax-Xlendi sabiex tkun tista tiġi sottomessa applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar.
Proġetti f’Malta, Għawdex u Kemmuna permezz ta' fondi tal-UE
Question
Jista’ l-Ministru jwiegeb il-mistoqsija parlamentari 9541 u jgħid liema huma l-proġetti taħt il-programmi Next Generation EU permezz tal-Pjan ta' Rkupru u Reżiljenza u fejn jinsabu ġewwa Malta, Għawdex u Kemmuna? Jista’ jgħid ukoll kemm hu l-valur tal-proġetti li ġew aċċettati u liema ma ġewx aċċettati u liema Ministeru applika għalihom biex isiru? Jista’ jgħid ukoll kemm se jingħata flus kull Ministeru minn dan il-fond fuq kull proġett u kemm hu l-valur globali ta’ kull proġett? Jista’ jgħid jekk hemmx proġetti pendenti li għadhom qed jiġu skrutinati u jekk humiex se jibbenefikaw minn dan il-programm jew le? Jista’ jgħid ukoll hux se jingħataw aktar flus minn dawn il-Programmi u jekk iva, kemm se jingħata minn dan il-fond u għal liema proġetti oħra? Jista’ jgħid meta jagħlaq it-terminu li wieħed jista’ japplika għall-flus taħt il-faċilità tan-Next Generation EU?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-proġetti kollha li għandhom jiġu ffinanzjati permezz tal-Faċilità ta’ Rkupru u Reżiljenza ġew identifikati fl-Anness għad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-evalwazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għal Malta. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-miżuri ta’ investimenti elenkati fl-imsemmi Anness għad-Deċiżjoni, kif ukoll l-istituzzjonijiet responsabbli involuti fl-eżekuzzjoni ta’ kull investiment u l-allokazzjoni ta’ finanzjament mill-Faċilità għal kull wieħed.