Legislature:
Category:
Reset
Active:

Iż-Żebbuġ, Għawdex — Coastal defence system at Marsalforn Bay

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'sar sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, x'qiegħed isir bħalissa u x'hemm maħsub li jsir fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin dwar l-applikazzjoni PA/02106/21 ERA Reference: EA/00004/21; Project Title: Coastal defence system at Marsalforn Bay consisting of the reconstruction of Santa Marija breakwater, construction of a rubble mound berm on the Menqa site, two rubble mound groins at the valley outfall and replenishment of the beach; Location: Site at, Il-Bajja Ta' Marsalforn, Marsalforn, Żebbuġ (Gozo)?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntrattur lesta r-rapporti kollha marbuta mal-EIA, hekk skont kif inhuma stabbiliti fit-termini ta’ referenza tal-ERA. Dan ġew mgħoddija lill-Ministeru u li issa qiegħed janalizzahom biex jekk hemm xi emendi, dawn isiru qabel l-istess rapporti jintbagħtu uffiċjalment lill-ERA.

Marsalforn — Torri tal-Qbajjar - restawr

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11838 rigward x’għamlet fl-aħħar sena l-Awtorità tal-Artijiet dwar it-Torri tal-Qbajjar f’Marsalforn, Għawdex, liema fortifikazzjoni storika tinsab fi stat ħażin ħafna u fil-periklu imminenti li tiġġarraf, jista’ l-Ministru jgħid, x’beħsiebha tagħmel l-Awtorità tal-Artijiet biex tassigura li dan is-sit ma jiġġarrafx u jispiċċa darba għal dejjem? U peress li fl-istess tweġiba kien intqal li “l-Awtorità tal-Artijiet qiegħda tikkunsidra liema hu l-aħjar metodu sabiex tiddisponi minn din il-proprjetà favur il-ħarsien u r-riabilitazzjoni tagħha, u dan ġaladarba jiġu aċċertati u magħluqa b’mod definittiv il-kwistjonijiet legali”, jista’ l-Ministru jgħid x’għad irid jiġi aċċertat, meta ser jiġi aċċertat u x’inhuma l-kwistjonijiet legali li għadhom mhux magħluqa? Jista’ jgħid ukoll jekk il-kawżi tal-Qorti ġewx konklużi kollha u jekk iva meta ġew konklużi u x’kien l-eżitu tagħhom?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11838.

Ministeru għal Għawdex — 'The Connecting Europe Facility 2021-2027' - Applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti f’Għawdex li l-Ministeru għal Għawdex applika sabiex isiru mill-programm ‘The Connecting Europe Facility 2021-2027’ u jgħid liema minnhom ġew aċċettati, liema ma ġewx aċċettati, kemm ingħataw flus s’issa u kemm se jingħataw flus lill-Ministeru għal Għawdex minn dan il-fond għal dawn il-proġetti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadhom qed jiġu diskussi l-possibilitajiet tal-applikazzjonijiet li għalihom jista’ japplika l-Ministeru għal Għawdex taħt dan il-Programming Fund, peress li dawn jagħlqu s-sena d-dieħla (2024).

Xewkija — Ġnien Ulysses Grove - xogħol

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22727 tat-13-il Leġiżlatura, li ngħatat fis-16 ta’ Novembru 2021, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fil-Ġnien Ulysses Grove fix-Xewkija, Għawdex, peress li dan issemma f’diversi baġits ta’ dan il-Gvern iżda issa jidher li x-xogħol fuqu waqaf u ma reġax issemma? Jista’ jgħid ukoll jekk ix-xogħol tkompliex f’dawn l-aħħar sena u nofs, x’tip ta’ xogħol sar u meta hu maħsub li jkun lest (xahar u sena) u jibda jitgawda mill-pubbliku?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej ix-xogħol mill-ħaddiema tal-Gvern fuq ir-railing ta’ barra li jagħti fuq in-naħa tal-ground, filwaqt li l-kuntrattur imqabbad biex jgħaddi d-dawl, qed jistenna l-ordni tasal minn barra. Għax-xogħolijiet l-oħra intefgħet applikazzjoni għall-fondi Ewropej taħt il-programm ‘Rural Development Programme - European Agricultural Fund for Rural Development’. Għalkemm din l-applikazzjoni għaddiet, tqiegħdet fuq reserve list għal meta jkun hemm il-fondi.

Traineeship Scheme

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6630, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, u jgħid x’irriżulta mit-Traineeship Scheme? Kemm mill-parteċipanti li kienu qed jitħarrġu b’din l-iskema sabu xogħol permanenti mal-Gvern (Servizz Pubbliku), u mal-privat fi tmiem din l-iskema? Kemm mill-parteċipanti għadhom sal-lum jirreġistraw għax-xogħol? Kemm mill-parteċipanti reġgħu ġew impoġġija f’xi skema oħra simili?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-iskema tat-Traineeship li kienet attiva bejn Jannar 2016 u Mejju 2021 kien hemm 660 parteċipant. Minnhom 547 sabu xogħol mas-settur privat wara li temmew l-iskema. 74 oħra sabu xogħol mas-servizz jew settur pubbliku wara li spiċċaw l-iskema u 39 ma kienux jidhru f’impjieg wara li temmew l-iskema. Dawn iċ-ċifri jindikaw il-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol wara li temmew l-iskema u ma jfissirx li sal-lum il-ġurnata għadhom fl-istess impjieg. Skont l-aħħar cifri t’Ottubru 2023 jidher li hemm 12-il persuna mit-total tal-parteċipanti tal-iskema ta' Traineeship fil-perjodu imsemmi li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol full-time jew part-time. Mill-parteċipanti kollha, matul is-snin jidher li 91 ħadu sehem fi skemi oħra amministrati minn Jobsplus. Dawn jinkludu Bridging the Gap; Community Inclusive Employment Scheme; LSF Headstart; Intercept; Sheltered Employment Training; Work Exposure Scheme; Work Training Exposure Scheme Gozitan Registering Clerks; Youth Guarantee.

Tribunal għas-Servizzi Finanzjarji – Appelli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux appelli minn deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizzi Finanzjarji quddiem il-Qorti tal-Appell, maqsuma sena b’sena mill-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk saru jista’ f’kull każ jagħti l-ismijiet tal-partijiet fl-appell, u jekk l-appell ġie deċiż, jgħid id-data ta’ meta ġie deċiż?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Artikolu 13A(6) tal-Kap. 373 — Att kontra Money Laundering

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn skont l-artikolu 13A(6) tal-Att kontra Money Laundering, Kap. 373, hi r-regola u mhux l-eċċezzjoni li biex titħares il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u ta’ dokumenti li jistgħu jiġu sottomessi fl-appell quddiem il-Qorti tal-Appell (Ġurisdizzjoni Inferjuri) minn deċiżjoni tal-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) fir-rigward ta’ impożizzjoni ta’ piena amministrattiva mill-istess FIAU, il-każ f’kull istanza quddiem il-Qorti jinstema’ bil-magħluq u s-sentenza ma tiġix ippubblikata? Jista’ jgħid jekk din għandhiex tkun l-eċċezzjoni u mhux ir-regola?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ħsieb wara l-artikolu 13A(6) kien illi, filwaqt li l-operat superviżorju u ta’ infurzar tal-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (‘il-Korp’) jkun sindikabbli mill-Qrati u l-persuna suġġetta jkollha rimedju fejn din tħoss ruħha aggravata minn deċizjoni tal-Korp, l-eżerċizzju ta’ tali dritt ma jippreġudikax la l-operat tal-Korp, la l-persuna suġġetta stess u wisq inqas il-klijenti ta’ din tal-aħħar. U dan għaliex l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni li tiġi ppreżentata jew diskussa waqt l-imsemmija appelli, fost oħrajn: (a) ikun fiha tagħrif li huwa kummerċjalment sensittiv; (b) tinkludi data personali jew dettalji sensittivi tal-klijenti tal-persuna suġġetta li tkun intavolat l-appell bħalma huma kontijiet, bilanċi, trasferimenti eċċ.; (ċ) jaf tirrigwarda sitwazzjonijiet ta' nies jew entitajiet li jew il-persuna suġġetta naqset milli tirraporta suspett ta' ħasil ta’ flus jew iffinanzjar tat-terroriżmu lill-Korp; u (d) tkun tirrigwarda talbiet għall-informazzjoni li jixħtu dawl dwar xi analisi finanzjarja tal-Korp jew xi investigazzjoni kriminali. Ta’ min jgħid ukoll li dan il-provvediment ġie addottat wara l-iskrutinju da parti ta’ din il-Kamra u li waqt il-laqgħat li jkun hemm ma’ istituzzjonijiet bħalma huma l-Kummissjoni Ewropea, il-MONEYVAL u l-FATF fejn jiġi diskuss il-qafas ta’ infurzar taħt l-Att kontra Money Laundering dan il-provvediment dejjem tqies bħala miżura importanti.

Proprjetajiet/artijiet li ngħataw b’konċessjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8734 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' proprjetajiet/artijiet li ngħataw b'konċessjonijiet jew saret estensjoni tal-konċessjoni mit-8 ta' Marzu 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż lil min ingħataw, fejn ingħataw (indirizz sħiħ), għal liema skop u kemm ġew mitluba jħallsu, ġewwa Għawdex u Kemmuna?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fit-talba tiegħu peress li kif inhi tirrikjedi ammont konsiderevoli ta’ ħin u riżorsi sproporzjonati sabiex tinġabar, anke peress li l-maġġoranza tar-rekords huma manwali.

Ministeru għal Għawdex — Animal Welfare Officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex toħroġ is-sejħa ta' Animal Welfare Officers fis-Sezzjoni tal-Animal Welfare fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, sabiex meta jkun hemm bżonn ta’ infurzar ġewwa l-gżira ta' Għawdex ma joqogħdux jiġu uffiċjali mill-Animal Welfare ta’ Malta sabiex jagħtu l-għajnuna ġewwa Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex m’għandux rwol regolatorju iżda rwol operattiv.

Gozo Channel — Proċess ta’ aġġudikazzjoni - 'for the hire of one ropax vessel under a time charter agreement' (bimco ropaxtime)'

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' aġġudikazzjoni dwar l-aħħar sejħa li nħarġet mill-Ministeru għal Għawdex 'for the hire of one ropax vessel under a time charter agreement' (bimco ropaxtime)' biex jinkera r-raba’ vapur għall-Gozo Channel?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sejħa nħarġet mill-Gozo Channel Operations Ltd u mhux mill-Ministeru għal Għawdex. Il-proċess ta’ aġġudikazzjoni dwar l-aħħar sejħa biex jinkera r-raba’ vapur - 'for the hire of one ropax vessel under a time charter agreement' (bimco ropaxtime)' - ġiet magħluqa għax ħadd ma ssottometta offerta għal dan it-tender.

Toroq f'Għawdex — fondi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8727 u jgħid liema huma t-toroq (isem tat-triq u r-raħal) ġewwa Għawdex li l-Ministeru għal Għawdex applika għalihom biex isiru matul is-snin 2022 u 2023 mill-programm 'Rural Development Programme - European Agricultural Fund for Rural Development' u jgħid liema minnhom ġew aċċettati u liema ma ġewx aċċettati u kemm se jingħata flus il-Ministeru għal Għawdex minn dan il-fond għal dawn it-toroq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex applika għall-fondi mill-programm 'Rural Development Programme - European Agricultural Fund for Rural Development' biex isiru t-toroq li hemm indikati fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Rabat, Għawdex – Ċentru tas-saħħa ġdid

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex wasal il-proġett ta’ ċentru tas-saħħa ġdid fir-Rabat, Għawdex, li ilu jiġi mwiegħed diversi snin u meta hu ppjanat li jinfetaħ uffiċjalment għall-pubbliku? Jista’ jgħid ukoll jekk dan iċ-ċentru hux ser ikun miftuħ għall-pubbliku l-ġurnata kollha (erba u għoxrin siegħa kuljum) bħal ma jinfetħu ċentri oħra simili f'Malta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ċ-ċentru tas-saħħa ġdid fir-Rabat, Għawdex se jiġi nawgurat fil-ġranet li ġejjin.

Inċidenti tat-traffiku — Miżuri

Question

Fid-dawl tal-inċidenti anki serji li seħħew f’dawn l-aħħar xhur u ġimgħat fi Triq Borg Għarib u Triq il-Qala, Għawdex, fejn saħansitra anki faċċati tad-djar spiċċaw imġarrfa, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu jew beħsiebhom jittieħdu mill-Gvern jew l-entitajiet tiegħu sabiex tiġi indirizzata l-problema ta’ sewqan eċċessiv jew abbużiv f’dawn it-toroq?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta bħalissa qiegħda tiddisinja ‘traffic calming measures’ għal din iz-zona, bl-intenzjoni li dejjem jitnaqqas ir-riskju ta’ inċidenti kif imsemmija.

Statistika dwar Imwiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni ta' nazzjonalità Maltija li mietu f’dawn l-aħħar erba’ snin, maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li n-numru ta' persuni ta' nazzjonalità Maltija li l-mewt tagħhom kienet irreġistrata mar-Reġistru Pubbliku ta’ Malta jew mar-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex fl-aħħar erba’ snin huma kif ġej: MALTA GĦAWDEX TOTAL 2020 3,663 268 3,931 2021 3,680 311 3,991 2022 3,711 281 3,992 2023 2,699 215 2,914

Qala — Triq it-28 ta' April 1688 - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta nbdew ix-xogħlijiet mill-Kunsill Lokali Qala fuq Triq it-28 ta' April 1688 ġewwa l-Qala, Għawdex? Jista’ jagħti timeframes ta' meta ħa jitlestew ix-xogħlijiet kollha fuq din it-triq u jgħid meta se terġa’ tinfetaħ għall-pubbliku?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Qala li x-xogħolijiet fi Triq it-28 ta’ April 1688 bdew fil-25 ta’ Awwissu 2023. Intant infurmat li fir-rigward tal-iskadenzi, huwa previst illi dawn ix-xogħolijiet jiġu fi tmiemhom sal-ewwel kwart tas-sena 2024.

Qala — Tender for culvert and asphalt road works at Triq il-Kuncizzjoni, Qala, Gozo QLLC/04/2019

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm kienet ġiet awarded it-tender 'Tender for culvert and asphalt road works at Triq il-Kunċizzjoni, Qala, Gozo' QLLC/04/2019 mill-Kunsill Lokali Qala? Jista’ jgħid ukoll meta tlestew ix-xogħlijiet relatati ma’ din is-sejħa u kemm kienu jammontaw il-varjazzjonijiet fuq din is-sejħa u min approvhom? Jista’ jgħid ukoll jekk fadalx kontijiet pendenti fuq din it-tender u jekk iva meta u kif ħa jitħallsu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Qala li t-Tender relattiv (Ref QLLC/04/2019) ġie awarded għas-somma ta’ €223,914.36 (VAT eskluż). Intant infurmat ukoll illi dawn ix-xogħlijiet intemmu fil-bidu tas-sena 2022 u jirrizulta li għad fadal xi kontijiet li jridu jiġu verifikati mill-Perit inkarigat mill-proġett.

Ministeru għal Għawdex — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema (kemm tal-Gvern, skema, kuntrattur jew b'kuntratt) li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, li jaħdmu fuq it-tindif u ż-żamma ta’ stat tajjeb tal-bajjiet ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-grad ta’ dawn il-persuni u kif inhuma mqassmin f’kull bajja li hemm f’Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 119 ħaddiem li jagħmlu xogħol ta’ tindif u li jżommu fi stat tajjeb 13-il bajja madwar Għawdex u Kemmuna. Qed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex — Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali - Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fl-uffiċċju tal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali ġewwa Għawdex u f’liema grad huma?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.

Pjanijiet Lokali ta’ Malta u Għawdex – proċess ta’ reviżjoni

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 6083 (tat-Tlettax-il Leġislatura li ġiet imwieġba fit-13 ta' Ġunju 2018) u 8737 dwar fiex wasal il-proċess biex jiġu riveduti l-Local Plans ta’ Malta u Għawdex, fejn dakinhar kien ġie mwieġeb li "x-xogħol fuq ir-reviżjoni komprensiva tal-Pjanijiet Lokali kollha għal Malta u Għawdex kompla għaddej u issa qed ikun hemm focus fuq numru ta’ issues li huma ta’ natura aktar strateġika u li jinħtieġ ġbir ta’ aktar informazzjoni u evalwazzjoni ta’ options differenti u li l-Awtorità tal-Ippjanar għaddejja bi studji varji, meħtieġa għal reviżjoni tal-Local Plans", jista’ l-Ministru jgħid x'sar f'dawn is-snin u jekk il-Local Plans ta' Malta u ta' Għawdex humiex se jiġu riveduti matul is-sena 2023/2024?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq ir-reviżjoni komprensiva tal-Pjanijiet Lokali kollha għal Malta u Għawdex għadu għaddej.

Għasri Għawdex — Triq Wied Sara - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew u jkunu finalizzati x-xogħlijiet kollha fi Triq Wied Sara, fir-Rabat Għawdex, peress li tinsab fi stat ħażin ħafna u ta' periklu għas-sewwieqa li jgħaddu minn din it-triq? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx fondi vvotati għal dan ix-xogħol u jekk iva, għal kemm jammontaw dawn il-fondi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tal-Għasri ħareġ it-tender ‘Tender for the resurfacing of Triq Wied Sara with asphalt’ fl-24 ta’ Marzu 2020 u għalqet fit-8 ta’ Mejju 2020. Din it-tender ġiet awarded fit-30 ta’ Lulju 2020 lil Road Structures Ltd għal ammont ta’ Euro 808,820.00 (excl. VAT).