Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Ħaddiema Għawdxin li jaħdmu f'dipartimenti, awtoritajiet, aġenziji u entitajiet governattivi f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm u kemm hemm preżentement ħaddiema Għawdxin jaħdmu Għawdex f'dipartimenti, awtoritajiet, aġenziji u entitajiet governattivi li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, maqsuma sena b’sena mis-sena 2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll preżentement dawn il-ħaddiema ma' liema dipartimenti, awtoritajiet, aġenziji u entitajiet governattivi qed jaħdmu mal-Ministeru tiegħu, xi grad huma u x' tip ta xogħol jagħmlu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.

Persuni impjegati mal-Gvern, mal-kumpaniji parastatali u aġenziji tal-Gvern permezz tal-kumpaniji privati

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12537 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u jgħid kemm persuni ġew impjegati mal-Gvern, mal-kumpaniji parastatali u aġenziji tal-Gvern permezz tal-kumpaniji privati mis-sena 2013 sas-sena 2017, mis-sena 2017 sal-2022, u mill-aħħar elezzjoni sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li biex tiġi kkompilata l-informazzjoni kollha kif mitlub, jinqabeż l-advisory cost limit.

Servizz ta’ physiotherapy fid-djar — Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12681 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Anzjanità Attiva u jgħid kemm hi l-waiting list (f'tul ta' żmien) biex jingħata servizz ta' physiotherapy fid-djar mill-Gvern lill-anzjani f'Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm tnax-il persuna jistennew biex jieħdu s-servizz tal-fiżjoterapija fid-dar. Żewġ applikanti applikaw f’Settembru 2023, tmienja applikaw f’Ottubru 2023 u tnejn oħra f’Novembru.

Ministeru għal Għawdex — Ħaddiema stazzjonati f’Kemmuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu li huma stazzjonati f’Kemmuna u minn liema dipartiment ġejjin dawn il-ħaddiema? Jista’ jgħid ukoll x’inhu x-xogħol ta’ kull wieħed minn dawn il-ħaddiema f’Kemmuna matul is-sena u kemm minnhom huma ħaddiema tal-Gvern u kemm minnhom ma humiex ħaddiema tal-Gvern?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex għandu 18-il ħaddiem u Senior Foreman li jagħmlu xogħol ta’ tindif fil-bajja ta’ Santa Marija u fil-bajja tal-Blue Lagoon. Ix-xogħol huwa ta’ Beach Cleaners. Minn dawn id-dsatax-il ħaddiem, disgħa minnhom huma Community Workers u l-oħrajn huma ħaddiema tal-Gvern.

Għawdex — Aġenzija Maltija għall-Ikel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Ministeru tiegħu, permezz tal-Aġenzija Maltija għall-Ikel, jibda jopera s-suq tal-bdiewa ġewwa l-gżira ta' Għawdex fil-ġimgħat li ġejjin bħalma qed isir f'diversi postijiet f’Malta f'dawn l-aħħar snin?

Response (REFALO, ANTON)

Il-Malta Food Agency taċċetta kull talba li tiġi mill-Kunsilli kemm Maltin u anke Għawdxin. Jekk il-proġett tal-Farmers Market ikun wieħed sostenibbli, dan ikun jista’ jiġi organizzat bil-kollaborazzjoni tal-kunsill lokali rispettiv.

Triq li twassal għall-Bajja tal-Ħondoq — xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 3651 u 7574 li ngħataw fl-14 ta' Novembru 2022 u fis-17 ta' April 2023 rispettivament dwar x'qed isir fil-parti tat-triq li twassal għall-Bajja ta' Ħondoq li bdiet tisfronda, peress li din it-triq kien sar xogħol fuqha fi żmien il-Ministru preċedenti iżda ftit wara bdiet tisfronda, fejn ġie mwieġeb li x-xogħlijiet huma ppjanati li jsiru ladarba jiġi pproċessat it-tender, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tender ġiex ipproċessat u jindika meta, bejn wieħed u ieħor, hu maħsub li jibda x-xogħol meħtieġ fuq l-imsemmija triq, x'se jkun jikkonsisti x-xogħol u kemm hu stmat li se jiġi jiswa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għall-bini mill-ġdid ta’ din il-parti tat-triq qiegħda tiġi vvettjata u sussegwentament nistennew li tiġi ppubblikata.

Għawdex u Kemmuna — Tħawwil ta’ siġar u arbuxelli

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f'dawn l-aħħar għaxar xhur ta' din is-sena kemm intefqu flus minn Project Green fi tħawwil ta’ siġar u arbuxelli fil-gżira ta' Għawdex u fil-gżira ta' Kemmuna? Tista’ tgħid ukoll kemm tħawlu siġar u arbuxelli, ta' liema speċi u fejn tħawlu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Għawdex, Project Green hija involuta f’għadd ta’ proġetti li anke jinvolvu t-tħawwil ta’ bosta siġar u arbuxelli. Fost dawn hemm il-proġett propost mill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem fejn qed jiġu investiti kważi €600,000 b’finanzjament mill-Community Greening Grant. Proġett ieħor huwa dawk tar-riġenerazzjoni ta’ Ġnien il-Kunsill, fix-Xewkija, fejn, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali, se jinfetaħ l-ewwel ġnien carbon neutral f’Għawdex li fih se jintużaw tekonoloġiji innovattivi li jiġġeneraw l-enerġija rinnovabbli. L-aġenzija se tkun qed twettaq ukoll r-riabilitazzjoni tal-Wied tal-Grixti kif diġà spjegajt fit-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari 8151 u 9142. Ninsab infurmata wkoll li Project Green qed tikkollabora mal-Ministeru għal Għawdex anke sabiex isiru investimenti konġunti f’aktar spazji miftuħa u proġetti ambjentali oħrajn madwar Għawdex li jagħmlu differenza pożittiva fil-lokalitajiet. Fejn jirrigwarda Kemmuna, l-interventi ta’ tħawwil ta’ siġar u arbuxelli qegħdin isiru minn Ambjent Malta. Matul din is-sena, fuq din il-gżira s’issa tħawlu 1,400 siġra li jikkonsistu f’1,300 tal-ispeċi Pinus Halepensis, 50 tat-tip Vitex Agnus-castus u 50 Tamarix Africana.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex — 'Emergency Ambulance Responder Trainee / Emergency Ambulance Responder 1'

Question

B'referenza għas-sejħa li ħarġet reċentement biex jiddaħħlu persuni fil-grad ta' 'Emergency Ambulance Responder Trainee / Emergency Ambulance Responder 1 at the Gozo General Hospital', jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fil-ġimgħat li ġejjin kemm hemm ippjanati li jiddaħħlu ħaddiema f'dan il-grad skont il-Capacity Building?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-riżultat huwa validu għal sena u jidħlu skont l-esiġenza tas-servizz f‘dan il-perjodu.

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema sekondati jew on loan

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 5397 u 7821 u jgħid kemm kien hemm u kemm hemm ħaddiema seconded jew on loan mal-Ministeru għal Għawdex, sena b'sena u xahar b’xahar mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid x'tip ta’ xogħol qed jagħmlu mal-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid x’kien ix-xogħol tagħhom (il-grad jew job description) u ma’ liema Ministeru, entità, awtorità, korporazzjoni, aġenzija jew kumpanija tal-Gvern kienu jaħdmu qabel ġew seconded jew ġew on loan mal-Ministeru għal Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din il-leġiżlatura kien hemm total ta’ erba' ħaddiema li ġew seconded jew on loan. Minn dan in-numru msemmi, attwalment hemm tliet ħaddiema. Aktar dettalji jinsabu fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ir-Rabat, Għawdex — Konservazzjoni tal-Akwadott

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi iktar informazzjoni dwar il-proġett ta’ konsolidazzjoni strutturali tal-pedamenti u l-konservazzjoni tal-akwadott fir-Rabat, Għawdex, li ilu jiġi mwiegħed f’diversi baġits f’dawn l-aħħar snin? Jista’ jgħid jekk inħarġitx sejħa għal xogħol ta' konsolidazzjoni strutturali tal-pedamenti u l-konservazzjoni tal-akwadott u jekk ġietx awarded? Jista’ jgħid ukoll, bejn wieħed u ieħor, meta hu ppjanat li jinbeda x-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti, referenza: ‘CT3042/2023 Tender for the structural consolidation and conservation of the aqueduct in triq Papa Ġwanni Pawlu II, Rabat, Gozo using environmentally friendly Measures’, ġiet ippubblikata u se tagħlaq fit- 12 ta’ Diċembru.

Ir-Rabat, Għawdex — Ċimiterju ta’ Santa Marta - Manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ manutenzjoni u xogħol ieħor sar fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marta fir-Rabat f’dawn l-aħħar sitt snin, maqsuma sena b’sena u kemm ġie jiswa? Jista’ jgħid ukoll x’hemm ippjanat bħala manutenzjoni u xogħol ieħor li jsir minn issa sal-aħħar tas-sena 2024 f’dan iċ-ċimiterju u kemm hi ppjanata li tkun l-ispiża?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena (2023) saru spezzjonijiet f’dan iċ-ċimiterju u li ser jibdew studji dwar ix-xogħol ta’ manutenzjoni u restawr li jeħtieġ li jsiru.

Ix-Xewkija — Triq Ta' Ħamet - Zebra Crossing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għaddew diversi xhur u fi Triq Ta' Ħamet, ix-Xewkija (it-triq prinċipali ħdejn il-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu) għadha ma saritx zebra crossing kif kien hemm qabel ma’ din it-triq ġiet asfaltata? Fid-dawl li dan in-nuqqas serju issa ilu diversi xhur u hemm periklu kbir għal min irid jaqsam f'din l-imsemmija triq, jista’ l-Ministru jgħid min minn naħa tal-Ministeru ser jerfa’ r-responsabbiltà jekk iseħħ inċident?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li d-dipartiment responsabbli qiegħed f’diskussjoni ma’ Transport Malta sabiex jinstab l-aħjar post fejn tista’ ssir zebra crossing li tkun koperta bil-permessi meħtieġa.

Għawdex — Skejjel Primarji tal-Gvern, tal-Knisja u Indipendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm skejjel primarji f'Għawdex, kemm dawk tal-Gvern, kemm dawk tal-Knisja kif ukoll dawk Indipendenti u fejn jinsabu? Jista' jgħid ukoll kemm kien hemm studenti f'kull skola fl-aħħar ta' Ottubru 2023 u kemm minn dawn kienu ta' nazzjonalità barranija? Jista' jgħid kemm kien in-numru ta' għalliema f'kull skola primarja kif ukoll in-numru ta' LSAs f'kull skola?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella t'hawn taħt: Skola (Primarja) Studenti Maltin Studenti Barranin Total ta’ studenti Numru ta’ Għalliema LSEs Gozo College Għajnsielem Primary 165 23 188 8 17 Gozo College Għarb Primary 102 13 115 5 9 Gozo College Kerċem Primary 105 4 109 6 6 Gozo College Nadur Primary 192 33 225 11 20 Gozo College Qala Primary 94 22 116 6 7 Gozo College Rabat Primary 262 55 317 16 32 Gozo College San Lawrenz Primary 25 10 35 5 6 Gozo College Sannat Primary 201 21 222 9 42 Gozo College Xagħra Primary 227 31 258 12 32 Gozo College Xewkija Primary 124 29 153 7 13 Gozo College Żebbuġ Primary 61 49 110 6 7 Skola (Knisja) Studenti Maltin Studenti Barranin Total ta’ studenti Numru ta’ Għalliema LSEs Bishop’s Conservatory Junior School – Victoria Gozo 199 2 201 11 12 Laura Vicuna School – Għasri Gozo 196 2 198 7 12 St. Francis School – Victoria Gozo 196 / 196 8 13 St. Theresa school – Ta’ Kerċem, Gozo 190 1 191 7 14

Ministeru għal Għawdex — Applikazzjonijiet għall fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk l-entitajiet, dipartimenti jew awtoritajiet fid-dekasteru tiegħu li applikaw għal xi forma ta' fondi mill-Unjoni Ewropea matul l-ewwel għaxar xhur tas-sena 2023? Jista’ jgħid ukoll għal liema fondi applikaw u x’kien l-eżitu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 12691.

Għawdex — Kindergarten Educators

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Kindergarten Educators (KGE) Għawdxin, li jaħdmu fi skejjel primarji, ġewwa Malta maqsuma sena b'sena mit-8 ta’ Marzu 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll f’liema lokalità (lokalità b' lokalità) u x'etajiet għandhom dawn il-ħaddiema, u kemm ilhom snin jaħdmu ġo skejjel primarji ġewwa Malta? Jista’ jgħid kemm minnhom huma relievers, f'liema skola huma relievers u kemm ilhom?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Belt Valletta – Miżuri ta’ bon ordni

Question

Fid-dawl ta’ diversi inċidenti fil-Belt Valletta, l-aktar filgħaxija u matul il-weekends, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri effettivi qed jittieħdu mill-Pulizija biex tiġi assigurata l-bon ordni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12925.

Għawdex – Sejħa għall-offerti għal tindif ta’ widien

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5760 li ngħatat fis-7 ta' Frar 2022 dwar kemm u fejn tnaddfu widien f’Għawdex matul is-snin 2020, 2021 u 2022, peress li f’din it-tweġiba jingħad “li matul dawn is-snin tħejjew il-permessi neċessarji biex isir it-tindif tal-widien. Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena se jkunu qed jinħarġu s-sejħiet għall-offerti għat-tindif ta’ 12-il wied madwar Għawdex. It-tindif ta’ dawn il-widien għandhom allokat kofinanzjament tas-somma ta’ €2,316,736.00, li minnhom 80% huma ffinanzjati minn fondi Ewropej filwaqt li l-20% l-oħra huma ffinanzjati minn fondi nazzjonali”, jista’ l-Ministru jgħid jekk inħarġux is-sejħiet għall-offerti fl-ewwel kwart tas-sena 2022? Jekk iva, jista’ jgħid meta ħarġu u meta ġew awarded kif ukoll meta nbeda u tlesta x-xogħol kollu mitlub mis-sejħiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn is-sejħiet mistennija joħorġu lejn il-bidu tas-sena 2024.

Nadur, Għawdex – Triq it-Tiġrija u Triq il-Qala – Xogħlijiet

Question

Jista' l-Minsitru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq Triq it-Tiġrija u Triq il-Qala, fin-Nadur? Jista' jgħid x’tenders ħarġu s’issa u liema minnhom ġew awarded? Jista' jgħid kemm hu l-vot għax-xogħol fuq dawn it-toroq għas-sena 2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex ħareġ sejħa għall-offerti ‘Tender for the provision of consultancy and construction management services for the reconstruction of several arterial roads between the boundaries of Nadur and Qala’. Din it-tender ġiet awarded fit-8 ta’ Mejju 2023. Il-Ministeru talab lill-periti inkarigati sabiex sal-aħħar ta’ din is-sena jippreżentaw il-pjanti preliminari ħalli wara l-analasi nkunu nistgħu noħorġu t-tender għax-xogħolijiet tat-tali triq.

Ċirkewwa and Imġarr passenger ferry terminals — sejħa għal e-ticketing project

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar is-sejħa SPD3/2022/065, CFT Title ‘Construction, finishing works and commissioning of an e-ticketing project at Ċirkewwa and Mġarr passenger ferry terminals’ u kemm ġie awarded dan it-tender? Jista’ jgħid ukoll meta se jkunu lesti l-affarijiet mitluba minn din is-sejħa u meta se tibda topera s-sistema ta' e-ticketing?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Is-sejħa SPD3/2022/065, CFT Title ‘Construction, finishing works and commissioning of an e-ticketing project at Ċirkewwa and Mġarr passenger ferry terminals’ ġiet awarded u qedgħa fil-fażi li tinħareġ il-“commencement notice” lill-kuntrattur li rebaħ it-tender għall-valur ta’ €472,137.52. Dawn ix-xogħlijiet qed ikunu ppjanati mill-kumpanija Gozo Channel skont l-esiġenzi tas-servizz. Il-kumpanija se tikkoordina mal-kuntrattur kif meħtieġ. L-ewwel fażi tas-sistema ta’ e-ticketing diġà bdiet topera mill-24 ta’ Jannar 2023, fejn il-kumpanija bidlet is-software l-antik tat-ticketing system ma’ programm ġdid.

Qorti ta’ Għawdex – subbasti pendenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5763 u jgħid kemm hemm subbasti pendenti fil-Qorti ta' Għawdex? Jista' jgħid kemm minnhom huma appuntati u kemm minnhom għad iridu jiġu appuntati? Jista' jgħid f'kull każ kemm ilhom pendenti dawn is-subbasti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Waqt li ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mistoqsija parlamentari 5763 kienet twieġbet fil-mistoqsija parlamentari 6682, ninfurmah li sal-14 ta’ Novembru 2023 kien hemm 27 subbasti pendenti fil-Qorti t’Għawdex li minnhom 2 jinsabu appuntati u 25 għad iridu jiġu appuntati. It-tabella ta’ hawn taħt tindika kemm ilhom pendenti dawn is-subbasti. Sena 2012 2013 2016 2017 2019 2020 2022 2023 Ammont 1 1 3 1 1 2 12 6