Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Chairpersons u membri ta’ entitajiet pubbliċi

Question

Tista’ l-Ministru, twieġeb il-mistoqsija parlamentari 12016 u tgħid min huma ċ-Chairpersons u l-membri ta’ kull entità pubblika - irrispettivament mill-mod kif deskritti - li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, u f’kull każ tgħid: (a) kull persuna kemm ilha fil-ħatra, u (b) meta tiġi fit-tmiem il-ħatra attwali ta’ kull persuna?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

MTA — talba għal miżura ta’ inġunzjoni dwar liġijiet tal-UE

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 11101, 11847 u 12795 u b’referenza għall-artikolu 6(1) tal-Att dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi tal-Konsumaturi, Kap. 635, jista’ l-Ministru jispjega kif l-istess artikolu jirrelata mal-irwol tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) meta skont il-Kap. 635 l-awtorità kompetenti, għall-finijiet tal-artikolu 6(1), huwa l-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur fejn allura l-artikolu 6(1) jittratta biss dwar tagħrif fuq entitajiet kwalifikati li jkunu ġew imwaqqfa bil-għan li jressqu azzjonijiet rappreżentattivi transfruntiera li l-istess Kunsill għandu jagħti lill-Kummissjoni Ewropea?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f'seduta oħra.

Qala — Triq it-28 ta' April 1688 – Xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12870, jista' l-Ministru jgħid sal-lum kemm huwa proġettat li ġie jiswa x-xogħol fuq Triq 28 ta' April 1688 fil-Qala, Għawdex u jekk għal dawn ix-xogħlijiet hux se jħallas il-Kunsill Lokali waħdu jew jekk hux se jħallas parti l-Kunsill u parti l-Ministeru u/jew entitajiet governattivi oħra? Jekk mhux il-Kunsill Lokali waħdu jista’ jgħid x'ser jitħallas minn entitajiet oħra governattivi skont il-Kunsill Lokali u kemm hu l-ammont li l-Kunsill għandu allokat għal dan ix-xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tieghu lill-Ministeru kkonċernat.

Kunsilli Lokali – Allokazzjoni għas-sena 2024

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ser tkun l-allokazzjoni għal kull kunsill lokali għas-sena 2024 u jekk iż-żieda li ser jieħu kull kunsill hux ser tkun biżżejjed biex tkopri ż-żieda tal-għoli tal-ħajja kif ukoll l-għoli fil-prezzijiet tas-servizzi u materjal? Jista' jgħid ukoll matul dawn l-aħħar għaxar snin kemm kienet l-allokazzjoni ta' kull kunsill lokali maqsuma sena b'sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li t-tagħrif għadu qed jinġabar u dan minħabba li l-informazzjoni mitluba hi voluminuża.

Rabat, Għawdex – Triq il-Papa Ġwanni Pawl II — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jibda x-xogħol fuq l-arkata li hemm fi Triq il-Papa Ġwanni Pawl II fir-Rabat, Għawdex peress li din issa ilha bil-ħadid għal dawn l-aħħar sentejn u ma jidher li sar l-ebda xogħol ieħor fuqha? Jista' jgħid ukoll meta hu mistenni li jkun lest ix-xogħol u meta ser jitneħħa l-ħadid li hemm mal-arkata?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li nħarġet tender CT3047/2023 - Tender for the structural consolidation and conservation of the aqueduct in triq Papa Gwanni Pawlu II, Rabat, Gozo using environmentally friendly measures. Wara li jiġi aġġudikat it-tender jibda x-xogħol skont il-permessi maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar.

GOZO Channel – Audited Accounts

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-audited accounts għas-sena 2022 tal-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-audited accounts għas-sena 2022 tal-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd għadhom m’għaddewx mill-proċessi neċessarji biex jiġu approvati u eventwalment ippublikati mill-MBR. Għaldaqstant il-kumpanija għadha mhix f’pożizzjoni li tippublika dawn l-accounts.

Enemalta – Rapporti ta’ undervoltage jew overvoltage

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il rapport ta’ undervoltage jew overvoltage rċeviet l-Enemalta matul is-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari lokalità b’lokalità ġewwa Għawdex, maqsuma xahar b’xahar? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx xi pjan biex titranġa s-sitwazzjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13418 u nżid li matul din is-sena, l-Enemalta diġà wettqet xogħlijiet ta’ rinfurzar li indirizzaw rapporti ta’ varjanza fil-vultaġġ f’lokalitajiet differenti f’Għawdex permezz ta’ substations ġodda, upgrades f’substations eżistenti, u feeders ġodda, fosthom fin-Nadur u Għajnsielem.

Għawdex u Kemmuna – Bejgħ u kiri ta’ art pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ artijiet pubbliċi li nbiegħu jew inkrew lil terzi mill-Awtorità tal-Artijiet ġewwa Għawdex u Kemmuna u jindika fejn mit-8 ta’ Marzu 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jindika għal kull art jekk inkrietx jew inbigħetx, permezz ta’ liema proċess sar il-kiri jew il-bejgħ u lil min ingħataw, u għall-artijiet li nkrew jgħid kemm hija l-kirja li titħallas fis-sena, u għall-artijiet li nbiegħu jgħid kemm kienet is-somma li l-Gvern irċieva għal tali bejgħ? Jista’ jgħid ukoll fil-preżent kemm hemm talbiet pendenti għall-bejgħ jew kiri u fejn jinsabu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fit-talba tiegħu peress li kif inhi tirrikjedi ammont konsiderevoli ta’ ħin u riżorsi sproporzjonati sabiex tinġabar, anke peress li l-maġġoranza tar-rekords huma manwali.

Ftehim dwar proprjetà immobbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsistu n-negozjati u għala qed isiru bejn il-Gvern u s-Santa Sede dwar ftehim ġdid li jirregola l-proprjetà immobbli li l-Knisja Kattolika għaddiet lill-Istat Malti fl-1991?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-negozjati bejn il-Gvern u s-Santa Sede dwar Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim tal-1991 bejn iż-żewġ partijiet dwar propjetà immobbli li l-Knisja Kattolika għaddiet lill-Istat Malti bdew fl-14 ta’ Frar 2023 wara t-talba min-Nunzjatura Appostolika tas-Santa Sede f’Malta. L-għan ta’ dawn in-negozjati huwa li jinstabu soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet pendenti u diffikultużi fl-implimentazzjoni tal-ftehim tal-1991. Għan ewlieni ieħor huwa li jitqiesu r-realtajiet preżenti tal-pajjiż, tletin sena wara li ġie ratifikat il-ftehim.

Construction and Extension of Marsamxett Ferry Landing Place

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10573 u 11486 u jinforma lill-Kamra dwar is-sejħa IMT014/2022 ‘Construction and Extension of Marsamxett Ferry Landing Place including the Construction of the Breakwater, Slipway, Jetty, Boat Hardstanding Area, Waiting Facilities, Gangways and Fenders’ u jgħid fiex wasal il-proċess ta’ aġġudikazzjoni? Jista’ jgħid ukoll minn min huma fformati t-tliet Joint Ventures li tefgħu l-offerta? Jista’ jgħid jekk dan il-proġett huwiex se jkun iffinanzjat minn xi programm tal-Unjoni Ewropea u jekk iva, minn liema programm u minn liema baġit u meta hu ppjanat li jitlesta dan ix-xogħol?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett m’għadux fost il-prijoritajiet tal-Gvern u għaldaqstant ma baqax fil-programm preżenti ta’ ħidma tal-Gvern.

Air Malta – Diretturi fil-Bord

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12536 u jgħid kemm kien hemm diretturi fil-bord tal-Air Malta kull sena mis-sena 2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u x’kienet ir-remunerazzjoni ta’ kull wieħed?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pensjoni tal-invalidità – Persuni ċertifikati bħala ‘invalidi’

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12534 u jgħid kemm ġew ċertifikati persuni bħala ‘invalidi’ u ħadu l-pensjoni tal-invalidità mis-sena 2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ każijiet ġodda li bdew jieħdu l-Pensjoni tal-Invalidità sena b’sena, mis-sena 2014 sal-ġurnata li qed tkun imwieġba din l-Interpellanza, huwa skont kif qed ikun elenkat fit-tabella t’hawn taħt: Sena Numru ta’ każijiet ġodda għal Pensjoni tal-Invalidità 2014 494 2015 448 2016 463 2017 449 2018 390 2019 315 2020 216 2021 305 2022 288 2023 (sal-aħħar t’Ottubru 2023) 203

Animal Welfare Gozo – Pożizzjoni ta’ Manager 1

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu inkarigat mit-taqsima tal-Animal Welfare Gozo fil-preżent u f’dawn l-aħħar ġimgħat u jekk is-sejħa li ħareġ il-Ministeru għal Għawdex sena ilu biex jimtela post vakanti ta’ Manager 1 fi ħdan l-istess sezzjoni ingħalqitx? Jista’ jgħid ukoll kemm mill-ħaddiema li jaħdmu f’din it-taqsima huma fil-grad ta’ Animal Welfare Officer?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kif ingħad fid-diversi risposti li ngħataw, din is-sezzjoni taqa’ taħt ir-responsabiltà diretta tad-direttur EkoGħawdex. Dik is-sejħa kienet ingħalqet fi Frar iktar kmieni din is-sena u mit-tnax-il applikant, ma kien hemm ħadd eliġibbli. Bħalma ngħad fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6679 u anke dik aktar riċenti 12876, il-ħaddiema tax-xift jaqdu l-funzjonijiet ta’ Animal Welfare Handlers f’termini ta’ ħidma però dawn m’għandhomx il-grad t’Animal Welfare Officers.

Għawdex u Kemmuna — Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom permess għal negozju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom permess għal negozju ġewwa Għawdex u Kemmuna u x’tip ta’ negozju?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Għawdex – Trasport pubbliku — Rotot

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju dwar it-trasport pubbliku ġewwa Għawdex biex jiġu stabbiliti rotot u frekwenza aħjar tat-trasport pubbliku sabiex ikun aktar effiċjenti u jekk iva, jista’ jqiegħed dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta bħala regolatur tagħmel eżercizzju kontinwu dwar kif se tkompli ttejjeb is-servizz tat-trasport pubbliku kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Lil hinn minn dan, l-operatur, jiġifieri l-Malta Public Transport, mexxiet u kkonkludiet studju dwar il-ħtiġijiet kurrenti, demografiji u xejriet ġodda oħra fosthom id-domanda u għaldaqstant kif is-servizz tat-trasport pubbliku jista’ jitjieb. Abbozz ta’ dan l-istudju ġie mfassal f’Jannar ta’ din is-sena u jiġi reviżjonat b’mod kontinwu skond l-esiġenzi. Kif spjegajt dan l-studju sar mill-operatur tat-trasport pubbliku flimkien ma’ Transport Malta. Għal dan il-għan, saru numru ta’ laqgħat ma’ numru t’entitajiet u korpi kostitwiti biex ikunu inklużi f’dan l-eżerċizzju. Fost dawn, wieħed jinnota l-parteċipazzjoni ta’ stakeholders varji bħall-MCESD u l-Kamra tal- Kummerċ. Ninsab infurmat li f’dan l-istadju, id-“data” ta’ dan l-istudju hija meqjusa bħala kummerċjalment sensittiva, iżda wieħed jista’ jieħu nota li r-rapport jinkludi reviżjoni tan-network. Fost dawn ta’ min isemmi: - Varjazzjoni fuq ċerti rotot li tradizzjonalment jibdew minn ċertu lokalitajiet bħalma huma l-Belt Valletta u l-Isptar Mater Dei. Fil-fatt qed jiġu proposti numru ta’ ‘hubs’ reġjonali b’rotot diretti lejn destinazzjonijiet partikolari u li fl-istess waqt ikunu interkonnessi ma’ lokalitajiet addizzjonali. - Reviżjoni u mmodernizzar tat-terminals sabiex jiġi faċilitat u espedit l-imbark u l-iżbark tal-passiġġieri. - Proposti b’miżuri li jagħtu prijorità lit-trasport pubbliku f’ċertu żoni, u esplora numru ta’ possibilitajiet sabiex jiġu introdotti ‘Bus Rapid Transits’ fuq ċertu rotot.

Għawdex u Kemmuna — Distribution centres u substations

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm ippjanati li jsiru distribution centres u substations ġodda, u kemm se jitqiegħdu cables tat-33kV, tal-11kV, u tal-low-voltage, u fejn ġewwa Għawdex u Kemmuna matul is-sena 2024 u kemm hi stmata li ser tkun l-ispiża?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta għaddejja bi pjan aċċellerat għat-tisħiħ kontinwu tas-sistema ta’ distribuzzjoni fil-gżejjer Maltin. Ix-xogħlijiet jiġu mfassla skont il-ħtiġijiet ta’ kull żona. F’Għawdex, il-pjanijiet għas-sena 2024 jinkludu, iżda mhux limitati għal substations ġodda fix-Xlendi, fin-Nadur u Marsalforn, kif ukoll feeders ġodda minn għadd ta’ substations, sabiex tissaħħaħ is-sistema ta’ vultaġġ baxx. Ser isir ukoll rinfurzar fuq livell ta’ 11kV billi jissaħħu ċ-ċirkwiti bejn San Lawrenz u r-Rabat, kif ukoll iċ-ċirkwit fin-Nadur. Dan ix-xogħol ser jagħmel in-network tal-Enemalta aktar flessibbli u reżiljenti. Aktar tisħiħ qed jiġi studjat biex in-network ta’ distribuzzjoni f’Għawdex ikompli jiġi msaħħaħ fis-snin li ġejjin, skont il-ħtiġijiet tad-domanda futura.

Għawdex — LIFE Integrated Project - Proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea taħt il-programm LIFE Integrated Project tal-baġit il-ġdid tal-Unjoni Ewropea 2021-2027 li applika għalihom il-Ministeru għal Għawdex u fejn jinsabu f’Għawdex, liema ġew aċċettati u liema ma ġewx aċċettati sa issa? Jista’ jgħid ukoll kemm se jingħata flus il-Ministeru għal Għawdex minn dan il-fond fuq kull proġett? Jista’ jgħid jekk hux se jingħata aktar flus u jekk iva, kemm se jingħata minn dan il-fond u għal liema proġetti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa l-Ministeru għal Għawdex għadu ma bbenefikax minn tali programm.

Xagħra Għawdex — Għar ta' Calypso

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Għar ta' Calypso fix-Xagħra Għawdex, liema għar issa ilu magħluq għall-pubbliku għal diversi snin peress li kienet ċediet parti minnu u fid-dawl tal-fatt li ż-żewġ Ministri ta' qablu ddikjaraw kemm-il darba li x-xogħol kien wasal biex jibda u li dalwaqt jerġa’ jinfetaħ? Jista’ jgħid ukoll xi progress sar f' dawn l-aħħar seba’ xhur u meta hu maħsub li bejn wieħed u ieħor, ikunu jistgħu jinkisbu l-permessi meħtieġa biex eventwalment ikun jista’ jibda x-xogħol meħtieġ?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni sottomessa lill-Awtorità tal-Ippjanar miexja bil-proċess u wara li ntemm l-proċess ta' konsultazzjoni, qiegħda tipprepara r-rakkomandazzjonijiet tagħha.

Rabat, Għawdex – Triq San Anard – inċidenti kawża ta’ sewqan eċċessiv jew abbużiv

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7817 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għal Għawdex u ċjoè: Fid-dawl tal-inċidenti riċenti li seħħew fi Triq San Anard, ir-Rabat Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu jew beħsiebu jieħu l-Gvern jew l-entitajiet tiegħu biex tiġi indirizzata l-problema ta' sewqan eċċessiv jew abbużiv f'din it-triq?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-aħħar xhur, Transport Malta għamlet ‘network-wide road safety assessment’ li kien jinkludi evalwazzjoni tat-toroq arterjali u distributorji u Triq San Anard, Rabat, Għawdex tagħmel parti minn din l-evalwazzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet għall-immaniġġar ta’ sigurtà aħjar fuq din it-triq ser jiġu pprovduti lill-Ministeru għal Għawdex malli jitlesta r-rapport. In oltre , Transport Malta ma rċeviet l-ebda talba għal ‘fixed speed camera’, madankollu ser tkun qed tevalwa l-kriterji meħtieġa skont kif imniżżel fl-iSpeed Management on Maltese Roads Policy and Technical Guidance Manual - Annex 3C.