Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex — Ta’ Dbiegi Crafts Village - Tender

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol tat-tender li ħarġet għat-tieni darba ‘TENDER FOR UPGRADING AND EMBELLISHING IN AN ENVIRONMENTALLY FRIENDLY MANNER THE EXISTING BOUNDARY WALL AREA AT TA’ DBIEGI CRAFTS VILLAGE, GOZO’ li għalqet fit-10 ta’ Marzu 2023 u meta se jitlesta x-xogħol mitlub minn din l-imsemmija sejħa?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti msemmija ġiet kanċellata skont it-termini tal-artikolu 18.3(b) tal-General Rules Governing Tenders, u dan stante illi l-offerti riċevuti kienu jeċċedu l-valur massimu tal-imsemmi tender.

Għawdex — Casino

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex f'Għawdex jinfetaħ l-ewwel casino u dan in vista tal-fatt li din kienet wegħda elettorali għal Għawdex? Jista’ jgħid ukoll meta hu mistenni li jibda jopera dan il-casino?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Yacht Marina u Cruise Liner Passenger Terminal – Espressjoni ta’ interess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-aħħar żviluppi dwar il-bini ta’ Yacht Marina u Cruise Liner Passenger Terminal li l-Gvern Laburista kien ħareġ espressjoni ta’ interess għalihom eżatt wara li tela’ fil-Gvern f’Marzu 2013 u dan peress li issa għaddew aktar minn disa' snin u ma ssemma xejn iżjed dwarhom? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn il-proġetti hux ser isiru u jekk l-espressjoni ta’ interess li kienet inħarġet, għadhiex għaddejja jew jekk ġietx imwaqqfa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet minħabba l-kumplessità ta’ diversi fatturi biex tali proġett ikun jista’ jimmaterjalizza.

Qorti tal-familja – Kwalifiċi tal-Medjaturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi kwalifiċi jrid ikollhom il-persuni li qed jinħatru bħala medjaturi fil-Qorti tal-Familja? Jista' jgħid ukoll kemm huma twal (bħala sigħat jew xhur) il-korsijiet li qed ikunu mitluba jipproduċu ċertifikat tagħhom? Kif jista' jiġi assigurat li min jiġi maħtur bħala medjatur f'każijiet daqstant sensittivi jkollu l-kwalifiċi u t-training meħtieġ?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-medjaturi fil-Qorti tal-Familja jintgħażlu abbażi tal-Liġi Sussidjarja 12.20 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Kemmuna — Proġetti

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti ambjentali u infrastrutturali hemm ippjanati li jsiru ġewwa Kemmuna matul is-sena 2024 mill-Ministeru tiegħu u fiex jikkonsistu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'iniex infurmat li se jsiru proġetti ġodda min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, għajr għal tindif u manutenzjoni li jsiru b’mod perjodiku.

Għawdex – Wied il-Lunzjata u widien oħrajn – Ilma ġieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jittieħdu l-passi neċessarji u jibda x-xogħol meħtieġ biex l-ilma ġieri ta' Wied il-Lunzjata u widien oħrajn fil-qrib f'Għawdex ma jibqax jintilef fil-baħar, iżda jiġi salvat u utilizzat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qegħdin isiru t-tħejjijiet sabiex jibdew l-studji neċessarji li ħa jkunu qiegħdin jiddeterminaw x’interventi neċessarji hemm bzonn li jittieħdu minħabba n-natura sensittiva taż-żona, li hija Natura 2000.

Għawdex – Charging points għal vetturi elettriċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm charging points għal vetturi elettriċi f'Għawdex u fejn jinsabu? Tista’ tgħid ukoll kemm saru charging points ġodda matul is-sena 2023, fejn saru u kemm hemm charging points ġodda ppjanati li jsiru ġewwa Għawdex matul is-sena 2024 u fejn?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għal Għawdex – Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ġew ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern il-listi ta' direct orders dipartimentali mogħtija mid-direttorati u diviżjonijiet fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex bejn l-1 ta' Jannar 2023 u l-31 ta’ Ġunju 2023 skont l-Artikolu 111(2) tar-Regolamenti tal-2016 dwar il-Kuntratti Pubbliċi? Jista' jqiegħed kopja ta' dawn il-listi fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Master Plan tar-Ramla

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-Master Plan tar-Ramla u jgħid ukoll meta nbeda (sena u xahar) u meta hu ppjanat li jiġi konkluż? Jista’ jgħid ukoll fil-konkret x'sar matul is-sena 2023 rigward dan il-Master Plan u kemm intefqu flus matul din is-sena, għal xiex intefqu u kemm intefqu flus b'kollox fuq dan il-Master Plan sa issa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għadu għaddej il-proċess sabiex inġibu l-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ipjannar. S’issa tħallsu €2,450 lill-Awtorità tal-Ippjanar.

Għawdex — Proġetti Infrastrutturali Marittimi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti Infrastrutturali Marittimi saru matul is-sena 2023 mill-Ministeru tiegħu fil-gżira Għawdxija u fejn saru? Jista’ jgħid fiex kienu jikkonsistu u kemm ġie jiswa kull wieħed minn dawn il-proġetti? Jista’ jgħid ukoll xi proġetti Infrastrutturali Marittimi hemm ippjanati li jsiru mill-Ministeru tiegħu f’Għawdex matul is-sena 2024, fiex jikkonsistu u fejn ser isiru u kemm huma ppjanati li jiġu jiswew kull wieħed minn dawn il-proġetti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2023 sar xogħol infrastrutturali u ta’ manutenzjoni fuq il-moll ta’ Ħondoq. F’dan ix-xogħol saru tiswijiet fuq il-moll ta’ Ħondoq li kien tkisser bil-maltemp, apparti xogħol ieħor fuq rampa ta’ maġenb il-moll. In-nefqa kienet tammonta għal Ewro 11365.00, VAT eskluż. Matul l-2023 baqa’ għaddej ix-xogħol ukoll fuq l-EIA tal-breakwater ta’ Marsalforn.

Xewkija, Għawdex – SME hub

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-proġett propost fid-diversi baġits passati għal SME Hub ġewwa x-Xewkija, Għawdex u jgħid x’sar matul is-sena 2023 fuq dan l-imsemmi proġett u kemm intefqu flus? Jista’ jgħid ukoll x’hemm ippjanat li jsir matul is-sena 2024 fuq dan il-proġett u kemm hi ppjanata li ser tkun in-nefqa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigward dan il-proġett għadha għaddejja l-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar.

Xagħra, Għawdex – Triq Għajn Ħosna – manutenzjoni, restawr u bini ta’ ħitan tas-sejjieħ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5986, jista’ l-Ministru jgħid x'fadal isir u x’inhu l-andament tax-xogħol ta’ manutenzjoni, restawr u bini mill-ġdid ta’ ħitan tas-sejjieħ fi Triq Għajn Ħosna, fix-Xagħra, Għawdex li twassal sal-wied tal-Bajja tar-Ramla l-Ħamra, li jinkludu wkoll Triq ir-Ramla, Triq ta' Xurdin, Triq l-Inżul tal-Franċiżi, Triq ir-Ramla l-Ħamra sad-Daħla ta' Għajn Damma u r-restawr u tindif ta' 250 metru ta' taraġ Ruman fil-Wied tar-Ramla li hu ffinanzjat minn fondi Ewropej?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Triq Għajn Ħosna fadal xogħlijiet marbutin mal-bini mill-ġdid taċ-ċint ta’ mat-triq. Ix-xogħlijiet fuq il-ħitan tas-sejjieħ f’din it-triq tlestew. Is-sejħa għax-xogħlijiet fuq il-ħitan tas-sejjieħ fit-toroq l-oħrajn imsemmija qed tinħadem u x-xogħlijiet mistennija jibdew matul l-2024.

Xagħra, Għawdex – Triq ta’ Karkar — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jindika bejn wieħed u ieħor meta se jibda x-xogħol ta' bini u rikostruzzjoni tat-Triq ta' Karkar fix-Xagħra, Għawdex, peress li f'dawn l-aħħar disa' snin sar ħafna bini fiha u din it-triq hi bla wiċċ u tinsab fi stat ħażin ħafna, peress illi din it-triq taqa’ taħt ir-responsabilità diretta tal-Ministeru għal Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tax-Xagħra ħareġ tender TXLC/04/2023 Works – Resurfacing of Triq Mannar/Għejjun Junction with Hot rolled Asphalt and resurfacing of small stretch of Triq Karkar, Xagħra (up to base course only) in a resource efficient manner. Bħalissa t-tender qed tiġi evalwata.

Rabat, Għawdex — Skola ġdida primarja u l-estensjoni tal-Middle School

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru pagamenti fuq xogħlijiet ta’ eskavazzjoni u kostruzzjoni fuq l-iskola ġdida primarja u l-estensjoni tal-Middle School fir-Rabat, Għawdex, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll lil min sar kull pagament u kemm kien?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pagamenti fuq xogħlijiet ta’ eskavazzjoni u kostruzzjoni fuq l-iskola ġdida Primarja u l-estensjoni tal-Middle School fir-Rabat, Għawdex huma kif indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex – Xogħol ippjanat fl-iskejjel

Question

In vista ta' fuljett li kien intbagħat fid-djar kollha ta' Għawdex dwar xogħol ippjanat fi skejjel f'Għawdex jista’ l-Ministru jgħid matul is-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm kienet in-nefqa: a. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja ta' Kerċem; b. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja taż-Żebbuġ; ċ. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja tal-Għarb; d. fuq it-tisbiħ ta' diversi faċċati ta' diversi skejjel f'Għawdex; u f'kull każ, jagħti data meta se jkun lest ix-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed jiġu ppreparati d-dokumenti tal-offerti, b’dak dwar l-iskola taż-Żebbuġ mistennija li jiġu ippubblikati fil-bidu tas-sena 2024. Madanakollu xogħlijiet ta’ manutenzjoni qed isiru mill-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex matul is-sena fl-iskejjel kollha kif ikun meħtieġ.

Għawdex – Tindif ta’ widien

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u fejn tnaddfu widien f’Għawdex matul is-sena 2023, fiex kien jikkonsisti t-tindif u kemm kienet l-ispiża fuq kull wied li tnaddaf? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom kienu ffinanzjati minn fondi Ewropej u kemm kien l-ammont ta' finanzjament?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2023 tnaddaf b’mod regolari il-Wied ta’ Marsalforn mill-iskart li ta’ sikwit jintefa f’dan il-Wied. Apparti hekk, inqata' l-ħaxix ħażin li jitla’ fil-Wied. Dan minbarra l-qtugħ regolari ta’ qasab fil-parti ta’ fuq tal-wied tax-Xlendi. Is-sejħa għat-tindif tal-widien - li hi ikkofinanzjata minn fondi Ewropej – se tkun ippublikata fil-bidu tas-sena 2024.

Public Service Agreement għat-trasport ta' passiġġieri, karozzi u merkanzija bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema xahar u sena hu maħsub li tiġi ppubblikata s-sejħa għall-Public Service Agreement għat-trasport ta' passiġġieri, karozzi u merkanzija bejn Malta u Għawdex, peress li dan il-ftehim issa ilu bosta snin li skada?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed naħdmu fuq is-sejħa għall-Public Service Agreement għat-trasport ta' passiġġieri, karozzi u merkanzija bejn Malta u Għawdex. Din is-sejħa mistennija toħroġ fix-xhur li ġejjin.

Ħatra tal-membri tal-Bord tat-Trasport Malta — Avviż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn l-avviż għall-ħatra tal-membri tal-Bord tal-Awtorità għat-Trasport f’Malta deher tant tard fil-Gazzetta tal-Gvern u ċjoè fil-ħarġa tal-24 ta’ Novembru 2023 meta skont l-istess avviż il-ħatra ta’ dan il-Bord hi effettiva mit-2 ta’ Awissu 2023 – jiġifieri kważi erba’ xhur qabel ma deher dan l-avviż?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiż-żmien imsemmi kien hemm nuqqas sinifikanti ta’ riżorsi umani fil-Ministeru. Għaldaqstant ir-rapporti kienu qed jiġu indirizzati f’lottijiet.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — CT2247/2023

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex tikkonsisti u għala nħasset il-ħtieġa li tinħareġ is-sejħa li ħareġ reċentement il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża CT2247/2023 - SERVICES - FRAMEWORK AGREEMENT FOR THE UPKEEP IN AN ENVIRONMENTALLY FRIENDLY MANNER OF VARIOUS WATER RESERVOIR SITES IN MALTA AND GOZO USED BY THE WATER SERVICES CORPORATION? Tista’ tgħid ukoll min kien jagħmel dan ix-xogħol li hemm mitlub f'din is-sejħa f'dawn l-aħħar xhur u f’dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sejħa tikkonsisti f’xogħol ta’ manutenzjoni ta’ diversi siti ta’ ġibjuni li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha mferrxin madwar Malta u Għawdex. Sal-lum dan ix-xogħol kien isir mill-Korporazzjoni nnifisha, fejn ix-xogħol ma jiqafx biss mal-manutenzjoni ta’ dawn l-imsemmija siti iżda jkopri wkoll numru kbir ta’ siti oħrajn li tamministra. Il-Korporazzjoni temmen bi sħiħ fiż-żamma ta’ dawn il-ġibjuni iżda preżentament mhux possibbli li dan ix-xogħol jitwettaq minnha stess minħabba li qed tiffoka u tinvesti dejjem aktar fuq l-operatur ewlieni tagħha li kulma jmur dejjem jikber. Inħasset il-ħtieġa li tinħareġ din is-sejħa pubblika bil-għan ewlieni li l-Korporazzjoni tkompli tinvesti fiż-żamma ta’ dawn l-assi tagħha, bl-aħjar mod possibbli.