Triq li twassal għall-Bajja tal-Ħondoq – xogħlijiet
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7574 li ngħatat fl-1 ta' Novembru 2022 dwar meta se jitkompla x-xogħol fuq Triq Papa Piju XII fil-Qala, Għawdex, u dwar meta hu mistenni li x-xogħol f'din it-triq ikun lest għal kollox fejn kien ġie mwieġeb li “ix-xogħol fuq Triq Papa Piju XII fil-Qala tlesta, fil-ġimgħat li ġejjin mistenni li jingħata l-wearing course”, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-wearing course ngħatax u jekk le, x'inhuma r-raġunijiet għaliex għaddew iktar minn seba’ xhur u nofs u għadu ma ngħatax il-wearing course?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol mistenni jsir fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti ambjentali u infrastrutturali hemm ippjanati li jsiru ġewwa Kemmuna mill-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2024 u fiex jikkonsistu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 14140.
Għawdex — In-Nadur u r-Rabat - Xogħlijiet fuq triq
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li tinbena mill-ġdid it-triq li twassal minn Nadur għar-Rabat stante li l-aħħar li saret din it-triq kien fl-1988 u issa waslet biex tiġi mibnija mill-ġdid? Jista' jgħid jekk hemmx pjanijiet li din issir fis-sena 2024? Jekk le, jista' jgħid jekk sarux rapporti dwar l-istat ta' din it-triq u jekk iva min għamilhom u jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qiegħed iħejji l-pjanijiet biex Triq it-Tiġrija, Triq il-Qala u parti minn Triq Daħlet Qorrot li kollha huma fin-Nadur, jerġgħu jinbnew mill-ġdid.
Ministeru għall-Ekonomiija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi – Chairpersons u membri ta’ entitajiet pubbliċi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12017 u 13492 u jgħid min huma ċ-Chairpersons u l-membri ta’ kull entità pubblika - irrispettivament mill-mod kif deskritti - li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, u f’kull każ jgħid:
(a) kull persuna kemm ilha fil-ħatra, u
(b) meta tiġi fi tmiemha l-ħatra attwali ta’ kull persuna?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba it-tibdil li kien hemm riċenti, jeħtieġ iktar ħin biex tiġi mwieġba din il-mistoqsija Parlamentari, biex nkunu żgurati li nkunu qed nagħtu risposta preċiża.
Jista’ l-Ministru, b'referenza għad-donazzjoni ta' 25 mine detectors lill-Ukrajna, jgħid meta u għalfejn Malta akkwistat numru ta’ mine detectors u kemm kienet in-nefqa ta’ dawn id-detectors?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Malta kontinwament għażlet li tibgħat għajnuna umanitarja lil popli oħra fi żmien diffiċli, inkluż lill-poplu Ukren. Malta bagħtet din l-għajnuna wara li rċeviet korrispondenza mir-Rappreżentant Għoli tal-UE, Josep Borrell, u mill-Kummissarju Għoli għal Ġestjoni ta' Kriżijiet, Janez Lenarčič, li kienet tiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri għat-talba, li saret mill-Ukrajna, għal assistenza ta’ demining. It-talba għall-mine detectors kienet saret permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE u Stati parteċipanti dwar il-protezzjoni ċivili, biex itejjeb il-prevenzjoni, it-tħejjija, u r-rispons għad-diżastri. Filfatt, il-mine detectors intbagħtu minn Malta lill-Ukrajna permezz ta’ dan il-Mekkanizmu. In-nefqa totali kienet ta’ €104,444.75. It-trasport sar permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 775 li ngħatat fis-seduta ta’ nhar it-30 ta’ Mejju 2022, jista' l-Ministru jgħid għaliex ma jqisx li hemm ħtieġa urġenti li jiġu riveduti r-Regolamenti Dwar id-Drittijiet li Jitħallsu fid-Dipartimenti tal-Gvern, L.S.35.01, meta wieħed iqis li l-ħlas tad-drittijiet li hemm elenkati jirreferu għall-Ministeri li ħafna minnhom ma għadhomx jeżistu?
MCCAA — Postijiet vakanti fil-karigi ta’ Direttur Ġenerali jew Direttur
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur jgħid jekk attwalment hemmx postijiet vakanti fil-karigi ta’ Direttur Ġenerali jew Direttur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)? Jekk hemm, jista’ jgħid liema huma u kemm ilhom vakanti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kariga ta’ Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) bħalissa hija vakanti. Din il-pożizzjoni ilha vakanti mill-11 ta’ Ottubru 2023.
Jista’ l-Ministru jgħid liema siti storiċi jew arkeoloġiċi f'Għawdex u Kemmuna huma protetti u kemm ilhom protetti? Jista’ jgħid ukoll liema siti oħra għaddejjin mill-proċess u huma mistennija li jiġu ddikjarati bħala protetti matul is-sena 2024?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat illi skond artikolu 3 tal- Att dwar il-Patrimonju Kulturali, kull oġġett li eżista f’Malta għal tal-inqas ħamsin sena, jitqies li jagħmel parti mill-patrimonju kulturali li għandu jiġi protett skont artikolu 49 tal-istess Att.
Infurmat ukoll illi artikolu 53 tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali jistabilixxi illi dik il-proprjetà kulturali inkluża fl-inventarju nazzjonali għandha tiġi mħarsa. Is-siti storiċi jew arkeoloġiċi f’Għawdex u Kemmuna li huma inkluża fl-inventarju nazzjonali u meqjusa bħala protetti huma dawk indikati fid-dokument li qieghed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Għawdex – Korsa taż-Żwiemel tax-Xħajma – Bini ta’ stallel
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-bini mill-ġdid ta' stallel taż-żwiemel u 'manure clamp' ġewwa l-Korsa taż-Żwiemel Ta’ Xħajma, fix-Xewkija?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar għadu qed jistenna l-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Jista’ l-Ministru jgħid x’works of art ġew akkwistati għall-Gozo Museum matul is-sena 2023 u kemm intefqu flus? Jista’ jgħid ukoll kemm hu l-Vot, fl-estimi tal-Baġit għas-sena 2024, għax-xiri ta' Works of Art għall-Gozo Museum?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-vot għax-xiri ta' Works of Art għall-Gozo Museum ġie kklassifikat taħt il-vot Kapitali Gozo Musuem, minħabba l-fatt li l-Gvern qaleb is-sistema minn cash-based accounting għall-accrual accounting. Spejjeż li jridu jiġu taħt il-lista tal-inventarju ma jistgħux jibqgħu jiġu kklassifikati taħt il-Vot Rikurrenti imma taħt dak Kapitali. B’hekk il-Vot 7472 – Gozo Museum ġie maqsum fit-tnejn, parti 7472A għall-infrastruttura u l-parti l-oħra 7472B għall-Works of Art għall-Gozo Musuem.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella tal-akkwisti li saru matul l-2023.
Attachments:PQ 14195 Baġit – Xiri ta’ Works of Art għal-Gozo Museum.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li ser jitkomplew isiru l-crash barriers ġewwa Triq l-Imgħallem ħdejn il-Wied tas-Salve Reġina peress li ma hemmx ilqugħ ta' protezzjoni li jifred dan il-wied mit-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed iħejji l-pjanti neċessarji biex jintbagħtu għand Transport Malta għall-approvazzjoni.
Fid-dawl li f'dawn l-aħħar ġimgħat u ġranet baqgħet tippersisti l-problema ta' ħruġ ta’ drenaġġ mill-impjant tal-Fessej għal ġol-bajja tax-Xatt l-Aħmar u ż-żoni tal-madwar, tista’ l-Ministru tgħid meta hu maħsub (xahar u sena) li tiġi solvuta din l-imsemmija problema darba għal dejjem?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-immedjat l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja b’tindif u manutenzjoni ma taqta’ xejn sabiex tiġi mtaffija din is-sitwazzjoni. Riżultat ta’ din il-ħidma, infatti preżentament m’hemm l-ebda fawran ta’ drenaġġ. Id f’id ma’ dan, il-Korporazzjoni qed tiddisinja wkoll sistema ta’ drenaġġ mill-ġdid sabiex tkun iktar robusta u tilqa’ aħjar għal eventwalità ta’ żieda fid-domanda. Din is-sistema se tkun qed tinkorpora fiha pumping station kif ukoll sistemi ta’ pajpijiet ġodda.
Fid-dawl ta' diversi inċidenti li seħħew f’dawn l-aħħar xhur u ġimgħat fil-Junction ta' Triq Ta' Sannat ma’ Triq ix-Xewkija u Triq Marziena, Sannat, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ta' traffic calming measures qed jittieħdu jew beħsiebhom jittieħdu mill-Gvern jew l-entitajiet tiegħu sabiex tiġi indirizzata l-problema ta’ sewqan eċċessiv jew abbużiv f’dawn it-toroq u l-Junction?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-snin 2019, 2022 u 2023, kien sar titjib fit-toroq u fl-inkroċju bejn Triq Ta’ Sannat kantuniera ma’ (k/ m) Triq Xewkija, k/ m Triq Marziena b’konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali tas-Sannat.
Għaldaqstant, Transport Malta ser tkompli tikkonsulta mal-Kunsill Lokali ta’ Sannat dwar miżuri addizzjonali fl-isfond tar-restrizzjonijiet li hemm minħabba li din hija triq fejn isiru t-tlielaq taż-żwiemel.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13501, fejn intlabt biex nirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat, ġaladarba t-tender inħareġ mill-Kunsill Lokali tal-Qala, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol fuq Triq 28 ta' April 1688, fil-Qala, Għawdex huwiex qed isir mill-istess kunsill? Jekk iva, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13501 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12870, jista' l-Ministru jgħid sal-lum kemm huwa proġettat li ġie jiswa x-xogħol fuq Triq 28 ta' April 1688 fil-Qala, Għawdex u jekk għal dawn ix-xogħlijiet hux se jħallas il-Kunsill Lokali waħdu jew jekk hux se jħallas parti l-Kunsill u parti l-Ministeru u/jew entitajiet governattivi oħra? Jekk mhux il-Kunsill Lokali waħdu jista’ jgħid x'ser jitħallas minn entitajiet oħra governattivi skont il-Kunsill Lokali u kemm hu l-ammont li l-Kunsill għandu allokat għal dan ix-xogħol?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant ghat-twegiba li nghatat ghad-domanda parlamentari bin-numru 14190.
Marsalforn — Ġnien tat-Tliet Għoljiet - Xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jinbidlu t-twapet u l-bandli li hemm fi Ġnien tat-Tliet Għoljiet f'Marsalforn, Għawdex u dan peress li hemm bżonn li dawn jinbidlu peress li hemm il-periklu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed tinħadem is-sejħa biex it-twapet u l-bandli li hemm fil-ġnien jinbidlu kollha, biex jiġu konformi mal-istandards li jirregolaw il-playing fields.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jsir ix-xogħol fuq bini mill-ġdid u/jew resurfacing ta' Triq il-Qbajjar, f'Marsalforn, u jikkonferma li dan ix-xogħol ser isir u jitlesta minn kollox sa tmiem is-sena 2024?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender sabiex isir ix-xogħol f’din it-triq qed tiġi abbozzata.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13501 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12870, jista' l-Ministru jgħid sal-lum kemm huwa proġettat li ġie jiswa x-xogħol fuq Triq 28 ta' April 1688 fil-Qala, Għawdex u jekk għal dawn ix-xogħlijiet hux se jħallas il-Kunsill Lokali waħdu jew jekk hux se jħallas parti l-Kunsill u parti l-Ministeru u/jew entitajiet governattivi oħra? Jekk mhux il-Kunsill Lokali waħdu jista’ jgħid x'ser jitħallas minn entitajiet oħra governattivi skont il-Kunsill Lokali u kemm hu l-ammont li l-Kunsill għandu allokat għal dan ix-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar se jkun qed jiffinanzja tali xogħolijiet. Ix-xogħol se jsir parti minn tender li ħarġet mill-kunsill lokali, parti minn tender mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u fejn tidhol istallazjoni ta’ dranagg u servizzi tal-ilma se jkunu ffinanzjati mill-Water Services Corporation.
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-latrini ġewwa Għawdex li sarilhom refurbishment matul is-snin 2021, 2022 u 2023, fiex kien jikkonsisti u x'kienet l-ispiża f'kull waħda minnhom? Jista’ jgħid ukoll liema latrini hemm ippjanati li jsirilhom refurbishment matul is-sena 2024, fejn jinsabu, fiex jikkonsisti x-xogħol u kemm hi ppjanata li tkun l-ispiża?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru refurbishments mill-qiegħ ta’ żewġ latrini – dik tal-Menqa f’Marsalforn fis-sena 2021 u dik tar-Rabat ħdejn it-Tiġrija Palazz fis-sena 2020. L-ispiża f’tar-Rabat kienet ta’ €20,852.82 u l-ispiża fil-latrina tal-Menqa kienet ta’ € 15,982.39. L-ammonti huma eskluż il-VAT. Matul l-2024 se jitlesta ix-xogħol fuq il-latrina tad-Dwejra. Li hemm ippjanati huma dawn:
1. Latrina fix-Xewkija ta’ ħdejn il-klabb tal-boċċi;
2. Latrina tar-Rabat ta’ ħdejn il-klabb ta’ Victoria Hotspurs FC
Tista’ l-Ministru tgħid kemm mis-70km ta’ cables ta’ 11-il kilovolt, li ġew imħabbra li ser isiru mill-Enemalta fil-ġranet li ġejjin, ser isiru ġewwa Għawdex u f’liema lokalità ser isiru matul is-sena 2024?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta għaddejja bi pjan aċċelerat għat-tisħiħ tas-sistema ta’ distribuzzjoni fil-gżejjer Maltin. Dan il-pjan se jwassal għal rinfurzar fuq livell ta’ 11kV billi din is-sena ser jiġu mpoġġija cables minn Nadur San Blass substation sa Nadur Buskett Substation, Xagħra St. Joseph substation sa Xagħra Ġgantija substation, u Xlendi substation sa Xlendi Ulysses substation. Aktar tisħiħ huwa ppjanat għas-sena 2025 biex in-network ta’ distribuzzjoni f’Għawdex ikompli jiġi msaħħaħ skont id-domanda futura.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10267 u 11478 u ċjoè: Peress li t-terminu tal-programm ta’ fondi Ewropej wasal biex jiġi fi tmiemu, u nbeda jew ħa jinbeda wieħed ġdid, jista’ l-Ministru jgħid liema proġetti spiċċaw u dawk li għadhom għaddejjin jew ħa jinbdew f’kull Ministeru minn dawn il-fondi? Kemm intefqu flus għal dawn il-proġetti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba minnu.
Attachments:PQ 14068 -Fondi Ewropej - Proġetti.pdf