Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ix-Xewkija, Għawdex – Heliport, Helipad u Runway — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-Vot tax-Xogħol għall-proġett tal-immodernizzar tal-faċilitajiet tal-Heliport kif ukoll il-Helipad u Runway fix-Xewkija għas-sena 2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-vot tax-xogħol għall-proġetti tal-immodernizzar tal-faċilitajiet tal-Heliport huwa 7238 Regeneration of the Gozo Airfield u hemm allokati €500,000 għas-sena 2024.

Kumpanija — Fondi allokati

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena f'dawn l-aħħar ħames snin, kemm intużaw mill-flus li kien hemm allokat għall-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, f'kull baġit u għal xiex intużaw dawn il-fondi? Jista' jqiegħed kopja tal-audited accounts ta' din il-kumpanija għal dawn l-aħħar tliet snin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-infiq, tal-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, kien kif muri hawn taħt. Fir-rigward tal-audited accounts, nitlob lill-Interpellant jirreferi għad-dokumenti li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Sena 2019 - €52,591 (fond allokat €60,000) Sena 2020 - €65,442 (fond allokat €80,000) Sena 2021 - €78,506 (fond allokat €80,000) Sena 2022 - €74,090 (fond allokat €75,000) Sena 2023 - €68,753 (fond allokat €75,000) – Għadu ma huwiex awditjat

Kindergarten Educators Għawdxin li jaħdmu fi skejjel primarji f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Kindergarten Educators (KGE) Għawdxin, li fil-preżent jaħdmu fi skejjel primarji ġewwa Malta? Jista’ jgħid kemm minnhom huma relievers, u kemm ilhom relievers?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13892.

Gozo Channel (Operations) Ltd — Overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali fuq overtime fil-Gozo Channel Operations Ltd mill-1 ta' Jannar, 2022 sal-31 ta' Diċembru 2023, maqsuma xahar b’xahar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Aġenzija tal-Qrati – Preliminary Market Consultation

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-aħħar żviluppi dwar il-Preliminary Market Consultation (PMC) li ħarġet l-Aġenzija tal-Qrati ‘Proposal for Available Property or Land for Outright Acquisition in Victoria (Rabat) Gozo or in the Vicinity of Victoria (Rabat) Gozo to be Converted into Gozo Court’ li għalqet fis-6 ta’ Jannar 2023? Jista’ jgħid ukoll jekk il-proposti mitfugħa ġewx evalwati, jekk tħejjiex rapport fuq dawn il-proposti u jekk iva, jqiegħed ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8735.

Kunsilli Lokali — Segretarji Eżekuttivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm Segretarji Eżekuttivi ta' Kunsilli Lokali jew Reġjonali li preżentement qed iservu bħala Deputat jew Aġent Segretarju Eżekuttiv f'Kunsilli Lokali jew Reġjuni oħra? Jista’ jgħid ukoll min huma dawn is-Segretarji Eżekuttivi u f'liema Kunsilli jew Reġjuni qed iservu bħala Segretarju Eżekuttiv u f’liema Kunsill jew Reġjun qed iservu bħala Deputat jew Aġent?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt: Locality Name Surname Designation Il-Fontana Josianne Cassar Aġent Segretarju Eżekuttiv Il-Gżira Mandy Carly Farrugia Deputat Segretarju Eżekuttiv Ħal Luqa Karen Maria Camilleri Deputat Segretarju Eżekuttiv Il-Qrendi Anthony Bonello Deputat Segretarju Eżekuttiv San Ġilian Malcolm Agius Aġent Segretarju Eżekuttiv Santa Luċija Fabian Mizzi Deputat Segretarju Eżekuttiv Santa Venera Michael Mifsud Deputat Segretarju Eżekuttiv Tas-Sliema Pierre Portelli Aġent Segretarju Eżekuttiv Ta' Xbiex Kurt Guillaumier Aġent Deputat Segretarju Eżekuttiv Ħal Tarxien Lianne Cassar Deputat Segretarju Eżekuttiv Ix-Xewkija Chrismar Xuereb Deputat Segretarju Eżekuttiv Reġjun tal-Punent / Western Elke Sghendo Aġent Segretarju Eżekuttiv Reġjun tal-Port / Port Lianne Cassar Aġent Deputat Segretarju Eżekuttiv

Kunsilli Lokali — Segretarji Eżekuttivi - impjieg ieħor mal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm Segretarji Eżekuttivi, Deputati Segretarji Eżekuttivi jew Aġenti Segretarji Eżekuttivi li għandhom impjieg ieħor jew xi dħul ieħor minn entitajiet jew dipartimenti oħra tal-Gvern?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, li minn dawk il-Kunsilli Lokali li bagħtu t-tweġiba tagħhom sad-data tat-tweġiba ta’ din l-interpellanza parlamentari hemm seba’ (7) Segretarji Eżekuttivi, Deputati Segretarji Eżekuttivi jew Aġenti Segretarji Eżekuttivi li għandhom impjieg ieħor jew xi dħul ieħor minn entitajiet jew dipartimenti oħra tal-Gvern. Intant infurmat li dawn ma jinkludux dawk is-Segretarji Eżekuttivi li qed jaġixxu f’xi Kunsill Lokali jew Reġjonali ieħor. Infurmat ukoll illi l-Kunsilli Lokali li sad-data tat-tweġiba ta’ din l-interpellanza parlamentari ma ssottomettewx tweġiba huma s-segwenti: Il-Marsa, Marsaxlokk, il-Mellieħa, l-Imqabba, in-Nadur, in-Naxxar, il-Qala, il-Qrendi, San Ġiljan, San Lawrenz, is-Swieqi, Ta' Xbiex, ix-Xagħra, ix-Xewkija, iż-Żurrieq, il-Kunsill Reġjonali Għawdex, il-Kunsill Reġjonali Lvant, il-Kunsill Reġjonali Port u l-Kunsill Reġjonali Nofsinhar.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex — Canteen

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ngħalaq il-canteen tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Jista’ jgħid kif qed jinqdew il-pazjenti u l-ħaddiema li jkollhom bżonn jixtru xi bżonnijiet issa li l-canteen huwa magħluq? Jista' jgħid ukoll meta hu maħsub li se jerġa’ jinfetaħ dan il-canteen?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat peress li l-canteen preċidenti ngħalaq sabiex jiffaċilita’ il-bini tal-iskola medika ta’ Barts, l-pazjenti u l-ħaddiema bħalissa jagħmlu użu minn numru ta’ vending machines li hemm mqassma mal-isptar kollu kif ukoll minn servizz ta’ food truck li jinsab fil-parking area tal-istess sptar. Ninfurmah illi l-ħaddiema jistgħu jagħmlu użu wkoll mill-canteen tal-istess skola medika ta’ Barts.

Ta’ Ċenċ — Xogħlijiet mill-Water Services Corporation

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14056 rigward fiex jikkonsistu u ser ikunu jikkonsistu x-xogħlijiet li nbdew iktar minn xahrejn ilu mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fit-triq li twassal għall-ġibjuni tal-WSC ġewwa Ta' Ċenċ, Għawdex fejn ġie mwieġeb li 'tlestiet l-ewwel fażi tal-proġett' tista’ l-Ministru tgħid għala għadha ma ġietx asfaltata t-trinka li saret numru ta' ġimgħat ilu peress li fit-tweġiba ntqal li x-xogħol fuq l-ewwel fażi tlesta? Tista’ tgħid ukoll meta ser tiġi asfaltata?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja b’komunikazzjoni mal-kuntrattur sabiex jingħata l-asfalt fil-ġimgħat li ġejjin.

Fast Ferry — Sejħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti s-sejħa għall-proposti u għala nħasset li tinħareġ: Request For Proposals For The Provision Of Temporary Services Of Scheduled Fast Ferry Between Malta And Gozo CFT CA UNIQUE ID: MTIP/139/2023? Jista’ jgħid kemm hu l-valur ta' din il-proposta u għal kemm-il xahar/sena ser tkun valida din is-sejħa għal proposti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Din l-informazzjoni tinsab ukoll pubblikament disponibbli ghall-publiku Malti u internazzjonali fuq il-portal tal-akkwist pubbliku tal-Gvern.

Għawdex — Talbiet għal kumpens rigward ħsarat fuq vetturi minħabba stat ta’ toroq ħażin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru talbiet għall-kumpens rigward ħsarat li ġarrbu vetturi minħabba l-istat ħażin tat-toroq f’Għawdex, matul is-sena 2022 u s-sena 2023 u jagħti l-informazzjoni minn liema lokalità sar kull ilment? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn it-talbiet kienu aċċettati u kemm ingħata kumpens f’kull każ?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex ircieva 8 talbiet għall-kumpens matul is-sena 2022 u 2023. L-informazzjoni mitluba mill-Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tender IMT007/2022 'tender for the provision of an HVSC and LVSC onshore power supply (OPS) system in the South Harbour Region and Lascaris Wharf, Grand Harbour, Port of Valletta Malta'

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar is-sejħa 'IMT007/2022 - Tender for the Provision of an HVSC and LVSC Onshore Power Supply (OPS) system in the South Harbour Region and Lascaris Wharf, Grand Harbour, Port of Valletta Malta', u jgħid fiex wasal il-proċess ta’ aġġudikazzjoni? Minn min huma ffurmati ż-żewġ kumpaniji li tefgħu l-offerta? Jista’ jgħid ukoll jekk dan il-proġett huwiex ser ikun iffinanzjat minn xi programm tal-Unjoni Ewropea u jekk iva, minn liema programm u minn liema baġit u meta hu ppjanat li jitlesta dan ix-xogħol?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess tal-aġġudikazzjoni ġie konkluż u beda l-proċess biex jiġi iffirmat il-kuntratt. Kien hemm żewġ offerti, offerta mingħand SNP Construction JV, ffurmat minn Bonnici Bros. Services Ltd. u Excel Sis Enerji Uretim Ltd u offerta oħra mingħand Shining Start Infrastructure and Co. Ltd. Dan il-proġett huwa eliġibbli biex ikun iffinanzjat mill-fond għal tranżizzjoni ġusta tal-UE li hemm għal perijodu 2021-2027. Ix-xogħol mistenni jieħu 104 ġimgħa minn meta tinħareġ l-ordni li jista’ jinbeda x-xogħol.

Għawdex — Proġett ta' pixxina terapewtika

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jibda l-proġett ta' pixxina terapewtika li ġiet mwiegħda mill-Gvern li ser issir fl-iSpecial Unit, fl-Iskola tas-Sannat, Għawdex? Jista jgħid ukoll jekk inħariġx tender u jekk iva, lil min ingħata? X'sar f'din l-aħħar sena rigward dan il-proġett u kemm intefqu flus f'din l-aħħar sena fuq dan il-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 4369.

Il-Fontana, Għawdex – Triq Mons. Mikiel F. Buttigieg — xogħol

Question

B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8739 li ġiet imwieġba fl-24 ta' Mejju 2023 dwar meta se jsir ix-xogħol fi Triq Mons Mikiel F. Buttigieg fil-Fontana Għawdex, peress li parti sostanzjali minn din it-triq għadha sal-lum bla wiċċ, fejn kien ġie mwieġeb " li l-Ministeru qed jistenna d-deċiżjoni tal-PCRB fuq sejħa għall-offerti għal xogħlijiet fuq toroq biex ikun jista' jkompli x-xogħlijiet fuq din it-triq kif ukoll spjegat fil-mistoqsija parlamentari numru 8732", jista' l-Ministru jgħid kemm-il xahar ilu li nbeda x-xogħol? Jista’ jgħid f'liema xahar se jitkompla u meta se titlesta minn kollox din it-triq u kemm huma stmati li se jiġu jiswew ix-xogħlijiet fuq din l-imsemmija triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nkun nista’ nagħtik din l-informazzjoni aktar ‘l quddiem.

Xewkija – Ta’ Xħajma — Park and Ride

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur jgħid mil-liema programm/progammi tal-Unjoni Ewropea qed ikun u ser ikun iffinanzjat il-proġett tal-Park and Ride f’Ta’ Xħajma fix-Xewkija Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm ser ikun l-ammont globali ta' flus li ser jiġu mill-programm/programmi tal-Unjoni Ewropea għal dan il-proġett u kemm tħallsu sa issa u kemm għad baqa’ biex jitħallsu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet tal-Park and Ride f’Ta’ Xħajma fix-Xewkija Għawdex jagħmlu parti mill-proġett tal-iSMITHS (ERDF.07.091 Sustainable Multi modal Intelligent Transport Hubs across Malta and Gozo). Dan il-proġett ġie ffinanzjat permezz tal-Fond Ewropew għall-izvilupp Reġjonali (FEŻR) taħt il-programm tal- 2014-2020. L-ispiża li tħallset sa issa fuq dan il-Park and Ride taħt il-FEŻR sal-llum tammonta għal €5,084,786.15.

Is-Sannat – Triq il-Kbira — Ġibjun tal-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta’ xogħlijiet inbdew f'dawn l-aħħar ġranet mill-Kunsill Lokali Sannat fuq il-ġibjun tal-ilma li hemm fi Triq il-Kbira ġewwa s-Sannat, Għawdex, kemm ser jiġi jiswa dan ix-xogħol u jekk ingħatatx għajnuna mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar biex isir dan ix-xogħol? Jekk iva, jista’ jgħid fiex kienet tikkonsisti u tammonta din l-għajnuna? Jista’ jgħid ukoll meta hu maħsub li jitlesta dan ix-xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Sannat illi x-xogħlijiet relattivi jikkonsistu f’pavimentar, dwal, bankijiet u qsari bi xtieli ġodda. Infurmat ukoll mill-istess Kunsill Lokali li l-proġett, li sar mill-Kunsill Lokali ta’ Sannat, gie jiswa €33,090.98. Finalment infurmat li x-xogħol tlesta lejn l-aħħar tas-sena 2023.

Is-Sannat — SNTLC/07/2023 - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jibda u jitlesta x-xogħol relatat mas-sejħa 'WORKS – ROADWORKS IN TA’ SANNAT, IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER CFT CA UNIQUE ID: SNTLC/07/2023' li nħarġet mill-Kunsilli Lokali Sannat? Jista’ jgħid ukoll fiex tikkonsisti din is-sejħa u kemm kien il-valur li biha ġiet awarded din is-sejħa biex isiru x-xogħlijiet mitluba minn din is-sejħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ta’ Sannat illi x-xogħlijiet huma mistennija li se jibdew fil-gimgħat li ġejjin. Intant infurmat illi s-sejha li qed issir referenza għaliha mill-Onor. Interpellant, kienet tikkonsisti f’toroq bl-asfalt u l-valur li biha ġiet awarded kien ta’ €640,057.44 (VAT eskluż).

Ix-Xewkija, Għawdex — estensjoni taċ-Ċentru tal-Università

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'sar matul is-sena 2023 fuq l-estensjoni taċ-Ċentru tal-Università fix-Xewkija, Għawdex, u kemm intefqu flus? Jista’ jgħid ukoll x'hemm ippjanat li jsir fuq din l-estensjoni matul is-sena 2024 u kemm hu l-baġit allokat għas-sena 2024 għal din l-estensjoni?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2543.

Birkirkara — proġett ta’ Villa Lauri

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-proġett ta’ Villa Lauri ġewwa Birkirkara, li suppost kellu jiġi inawgurat matul l-ewwel xhur tas-sena 2020 biex jipprovdi akkomodazzjoni temporanja għal studenti Universitarji Għawdxin u għall-qraba ta’ pazjenti Għawdxin li jkunu għall-kura f’Malta, iżda għadu sal-lum ma ġiex inawgurat? Meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol kollu fuq din il-binja biex tibda tintuża? Kemm kienu l-fondi allokati għal din il-binja fil-Baġit għal kull waħda mis-snin 2019, 2020, 2021 2022 u 2023, kemm intefqu minnhom u kemm hemm fondi allokati għas-sena 2024? Kemm hi stmata li se tkun l-ispiża globali fuq din il-binja biex tibda tintuża mill-istudenti u qraba ta' pazjenti Għawdxin u jekk din il-binja hijiex propjetà tal-Gvern jew mikrija u jekk hija mikrija jgħid kemm tħallset kera fis-sena u lil min, fl-aħħar ħames snin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol strutturali f’Villa Lauri tlesta. Fil-bidu ta’ Jannar ġie installat il-lift. Ix-xogħol tal-M&Es waslu fil-fażi finali u mistennija jkunu lesti sa April ta’ din is-sena. Bdiet tiġi installata l-għamara u appliances (kċejjen u laundry). Fil-ġimgħat li ġejjien ser tinħareġ sejħa mill-ġdid għall-kumplament tal-għamara. Villa Lauri mistennija tilqa’ l-ewwel studenti u qraba ta’ pazjenti minn Ottubru ta’ din is-sena. L-informazzjoni dwar allokazzjoni u spejjeż hija annessa fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex — Kunsilli Lokali -Skema ta' fondi SPI/SCI/1/2024

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-14-il Kunsill Lokali tal-gżira Għawdxija ġew esklużi mill-iskema ta' fondi SPI/SCI/1/2024 - Skema dwar Restawr ta' Postijiet/Monumenti Storiċi f'Malta 2024/2025? Jista’ jgħid ukoll għaliex id-Dipartiment għall-Gvern Lokali joħroġ skema li teskludi biss lill-Kunsilli Lokali Għawdxin milli jkunu jistgħu japplikaw għal din l-iskema?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat illi l-iskema dwar Restawr ta' Postijiet/Monumenti Storiċi f'Malta li ġiet ippubblikata riċentament (Ref- SPI/SCI/1/2024) qiegħda fit-tmien edizzjoni tagħha, u l-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni dejjem baqgħu l-istess. Infurmat illi din l-iskema ma tinvolvix għotja ta’ fondi kif qed jindika l-Onor Interpellant imma l-proġetti magħżula jitwettqu minn ħaddiema tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni fl-intier tagħhom, u cioe mid-dokumentazzjoni tal-monumenti sar-restawr nnifsu. Informat li l-Ministeru responsabbli minn Għawdex u mill-Ippjanar se jniedi skema miftuħa għall-Kunsilli Lokali Għawdxin sabiex jibbenefikaw minn fondi biex jintużaw għar-restawr ta’ strutturi jew monumenti t’importanza storika jew artistika. Din l-iskema ser tkun ukoll tkopri fondi li jistgħu jintużaw ukoll biex itejjbu, jsebbħu u jħaddru sqaq(ien) fil-lokalità tagħhom.