Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għajnsielem – Triq Ġużeppi Cauchi

Question

Fid-dawl li parti minn Triq Ġużeppi Cauchi f'Għajnsielem (qabel parti minn Triq Kemmuna), liema parti hija triq skedata u li nfetħet reċentement minħabba diversi żviluppi li saru fiha u għalhekk din l-istess triq (Triq Ġużeppi Cauchi) issa ġiet tingħaqad ma’ Triq Kemmuna, jista’ l-Ministru jgħid għaliex din it-triq għadha bis-sinjali tad-dead end f'kull tarf tagħha u x’inhi r-raġuni li din it-triq qed tkun ostakolata mill-aċċess liberu għall-pubbliku? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx proċess ta' esproprjazzjoni u jekk iva, f'liema stadju wasal dan il-proċess biex din it-triq tiġi miftuħa u tkun tista' tiġi surfaced?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li infurmat li s'issa m'hemmx proċess ta' esproprjazzjoni.

Żwiġijiet Ċivili u Żwiġijiet bil-Knisja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid skont l-istatistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) kemm kien hemm żwiġijiet permezz ta’ Unjoni Ċivili fis-sena 2023? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm żwiġijiet permezz tal-Knisja fis-sena 2023?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din l-informazzjoni se tkun disponibbli għand l-NSO iktar tard matul din is-sena.

Djar tal-Anzjani — spiża għal pazjenti rikoverati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10877 li saret fil-5 ta’ Lulju 2023 u jgħid kemm hi l-medja tal-ispiża għal kull pazjent rikoverat fir-Residenza San Vinċenz de Paul jew fi djar oħrajn tal-anzjani tal-istat? Kemm qed jiswa lill-Gvern kull pazjent li qed jintbagħat fi djar tal-anzjani privati?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-ispiża medja għal kull pazjent rikoverat fir-Residenza San Vinċenz de Paul hija ta’ €155 kuljum.

Sptar Mater Dei u Sptar Ġenerali — pazjenti li qed jistennew biex jiġu trasferiti fi djar tal-anzjani

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10878, jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-medja tal-ispiża rikorrenti fuq kull pazjent rikoverat fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u fl-Isptar Mater Dei, liema pazjenti qegħdin jistennew biex jiġu trasferiti f’xi dar tal-anzjani jew f'San Vinċenz De Paul?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-medja tal-ispiża rikorrenti fuq kull pazjent rikoverat fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li qegħdin jistennew biex jiġu trasferiti f’xi dar tal-anzjani hija ta’ €256.23 kuljum. L-ispiża medja ta’ sodda ġerjatrika fl-isptar Mater Dei hija ta’ €180 kuljum iżda dan l-amont jiżdied skont it-trattament li pazjent ikun qed jirċievi.

Persuni li ngħataw in-Nazzjonalità Maltija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il individwu ngħata n-Nazzjonalità Maltija kull sena mill-2013 sal-2023 maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll minn liema pajjiżi kienu dawn l-individwi?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Marsalforn – Cables tad-dawl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn it-tender biex cables tad-dawl li baqgħu mwaħħlin mal-faċċati tad-djar u bini ieħor, jitgħaddew minn ġo culvert taħt l-art li kien sar meta saret il-promenade ta' Marsalforn, għada ma ħarġitx u jekk ħarġet, jista’ jgħid meta ħarġet is-sejħa u meta ser jibdew ix-xogħlijiet? Jista’ jgħid ukoll jekk din it-tender hix ser toħroġ matul is-sena 2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender SPD3/2023/011 – Tender to provide cable management systems and laying of Enemalta cable ħarġet f'Mejju 2023, għalqet fis-6 ta’ Ġunju 2023. Il-Ministeru ma rċieva l-ebda sottomissjoni għal din it-tender. Bħalissa qed tiġi abbozzata tender oħra sabiex jiġi inkluż il-promenade ta’ Marsalforn.

Il-Fontana, Għawdex – Triq tal-Għajn — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li tinbena mill-ġdid Triq tal-Għajn fil-Fontana bejn Pjazza Santu Wistin u l-Knisja Parrokkjali peress li tinsab fi stat ħażin ħafna? Jista' jgħid jekk hemmx pjanijiet li din issir fis-sena 2024? Jekk le, jista' jgħid jekk sarux rapporti dwar l-istat ta' din it-triq? Jekk iva, min għamilhom dawn ir-rapporti u jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fix-xhur li ġejjin se tiġi abbozzata t-tender.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — proġett ta' retro fitting

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi informazzjoni dwar il-proġett ta' retro fitting li qed isir fil-bini tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u jgħid taħt liema direttorat/diviżjoni jaqa’ dan il-proġett? Jista’ jgħid ukoll meta nbeda x-xogħol fuq dan il-proġett, x'sar sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jagħti break down dettaljat tal-ispejjeż li saru fuq dan il-proġett s’issa? Jista’ jgħid ukoll x’fadal isir u f’liema xahar u sena hu ppjanat li dan il-proġett jitlesta kompletament?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpallent li bħalma ċert li jaf sew hu wkoll, il-bini minn fejn jopera il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar hu magħmul minn numru ta’ binjiet antiki, li nbnew f’epoki differenti u li servew għal skopijiet diversi. Bil-ftuħ tal-Isptar Craig fl-1975, l-isptar il-qadim ma kienx baqalu użu u minn dak iż-żmien ’l hawn beda iservi ta’ Ċentru Amministrattiv u aktar riċenti l-Ministeru għal Għawdex. F’dawn l-aħħar ħamsin sena kienu diversi l-interventi li saru fuq dan il-bini, kollha bil-għan li jakkomodaw il-platea ta’ servizzi li jiġu offruti mill-Ministeru lill-pubbliku in ġenerali. Bħalissa għaddej proġett estensiv biex l-ambjent fiżiku ta’ dan il-bini antik jitjieb, il-post minn fejn eluf ta’ membri tal-pubbliku jinqdew isir aċċessibli, mgħammar bl-aħħar teknoloġija tal-informatika bħal wifi, u anke bil-pannelli solari. Dan kollu qed isir waqt li jiġi rispettat l-istat storiku tal-bini. Naturalment proġett bħal dan għandu ħafna sfidi, sfidi li jiżdiedu meta wieħed iqies fejn jinsab dan il-Ministeru jiġifieri f’żona ta’ importanza arkaeoloġika kbira u b’aċċess limitat minn Pjazza San Franġisk. Biżżejjed insemmu is-sejba ftit xhur ilu ta’ oqbra puniċi f’waħda mill-btieħi tal-istess binja. Kull sejba ta’ importanza arkaeoloġika hija aħbar sabiħa, imma naturalment toħloq sfidi kemm għaż-żmien li jinħtieġ sabiex isiru l-investigazzjonijiet neċessarji kif ukoll għal bidliet fil-pjanijiet li sejbiet bħal dawn iġibu magħhom. Madanakollu, ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proġett miexi b’ritmu tajjeb. Il-proġett ta’ retro fitting jaqa’ taħt id-Diviżjoni tal-Operat. Ix-xogħol fuq dan il-proġett beda fl-aħħar kwart tas-sena 2021. Matul is-sena 2023 beda wkoll ix-xogħol fuq ir-restawr tal-faċċati tal-btieħi filwaqt li matul din is-sena se jibda x-xogħol ta’ pavimentar mill-ġdid tal-istess btieħi. Tajjeb li nsemmu li sakemm qed ikun għaddej ix-xogħol, l-uffiċċji qed jiġu rilokati biex is-servizzi kollha li noffru baqgħu jingħataw bla ebda interruzzjoni. Dan huwa ta’ sfida kbira u għalhekk il-proġett qed isir f’fażijiet differenti. Is-sular ta’ fuq ta’ madwar il-bitħa prinċipali tlesta u laqa’ lura fih impjegati li issa qed jaħdmu f’ambjent ferm isbaħ u attrezzat kif meħtieġ. Ix-xogħol fuq l-installazzjoni ta’ tlett liftijiet mistenni li jibda fil-ġimgħat li ġejjien. Kif diġa semmejt permezz ta’ dan il-proġett, iċ-Ċentru Amministrattiv se jsir aċċessibbli għal kulħadd, sigur u attrezzat għaż-żminijiet tal-lum, u bl-aħħar teknoloġija tal-informatika. Dettalji dwar l-ispejjeż li saru fuq il-proġett jinsabu fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-proġett mistenni li jitlesta sal-aħħar tas-sena 2026.

Tas-Sliema – Sejħa għal żvilupp tax-Chalet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti informazzjoni dwar is-sejħa MSPP/02/2022 li għalqet fil-15 ta’ Marzu 2023 ‘Concession for the regeneration and design, management, operation, maintenance and transfer back of the Ex-Chalet site, Sliema as a Superior Quality Catering and Entertainment Establishment’ u jgħid fiex wasal il-proċess ta’ aġġudikazzjoni ta’ din l-istess sejħa u meta hu maħsub li jingħalaq u jinbeda x-xogħol mitlub?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Gozo Channel — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a. kemm hu n-numru ta' ħaddiema li huma impjegati direttament mal-kumpanija Gozo Channel u f'liema grad huma impjegati u kemm ilhom impjegati; b. kemm hu n-numru ta' ħaddiema li jaħdmu mal-kumpanija tramite kuntratti/direct orders mogħtija lill-kumpaniji privati biex jipprovdu servizz ta' ħaddiema u f'liema oqsma jaħdmu dawn il-ħaddiema; u ċ. liema huma l-kumpaniji li għandhom kuntratt/direct order biex joffru s-servizz ta' ħaddiema, kif ingħataw dan il-kuntratt/direct order u kemm tħallset kull kumpanija matul is-snin 2021, 2022 u 2023?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa il-kumpanija għanda 182 -il ħaddiem impjegat direttament mal-kumpanija, filwaqt li ħaddiema li jaħdmu mal-kumpanija tramite kuntratti/direct orders hemm 131. Fir-rigward tal-aħħar parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Interpellant jirreferi għat-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-aħħar li ġew impjegati ħaddiema tal-kuntrattur fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, kemm hu n-numru ta' dawn il-ħaddiema u x’tip ta' xogħol qed jagħmlu dawn il-ħaddiema? Kemm minnhom huma barranin u kemm minnhom huma ta' ċittadinanza Maltija? Jista’ jgħid ukoll mit-8 ta' Marzu 2013, kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda tal-kuntrattur biex jaħdmu ġewwa l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, maqsuma xahar b'xahar? Kemm hu n-numru totali ta' ħaddiema tal-kuntrattur li fil-preżent qed jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u x'tip ta’ xogħlijiet qed jagħmlu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Għawdex – Sptar Ġenerali ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibda jopera l-Isptar il-Ġdid f'Għawdex u dan peress li fil-Konferenza Stampa tat-18 ta' Ġunju 2016, kien intqal li dan l-Isptar il-ġdid kellu jkun fih 450 sodda, 250 acute beds u 200 geriatric beds? Jista' jgħid jekk ix-xogħol ta' kostruzzjoni ta' dan l-Isptar, issa li għadda dan iż-żmien, bediex? Jista’ jgħid ukoll jekk inħarġux il-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar u jekk iva, x'numru fih dan il-permess? Jekk għadhom ma nħarġux il-permessi, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 11789.

'Emergency Ambulance Responder Trainee / Emergency Ambulance Responder 1 at the Gozo General Hospital' – Sejħa għal ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-interviews għas-sejħa li ħarġet fix-xhur li għaddew biex jiddaħħlu persuni fil-grad ta' 'Emergency Ambulance Responder Trainee / Emergency Ambulance Responder 1 at the Gozo General Hospital' sarux iktar minn darba u jekk iva, għala saru iktar minn darba? Jista’ jgħid ukoll fil-ġimgħat li ġejjin kemm hemm ippjanati li jiddaħħlu ħaddiema f'dan il-grad skont il-Capacity Building?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa tal-EARs għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex kienet ippubblikata fil-21 ta’ Lulju 2023. Fis-27 ta’ Ottubru 2023 reġgħet ħarġet sejħa riveduta minħabba l-ħtieġa li tiġi inkorporata klawsola fl-applikazzjonijiet għall-postijiet vakanti f’Għawdex skont il-Manual on Resourcing Policies and Procedures. L-applikanti kollha li kienu applikaw fis-sejħa preċedenti ġew awtomatikament trasferiti għas-sejħa l-ġdida.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – Master Plan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-master plan (PA07491/16) għall-area tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex? Jista' jgħid ukoll f'liema xahar tas-sena 2024 hu ppjanat li jiġi approvat?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddej ix-xogħol fuq il-Master Plan, imma jista’ jkun hemm xi tibdil.

Belt Valletta – sejħa għal żvilupp ta’ Evans Building

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti informazzjoni dwar is-sejħa MSPP/02/2022 li għalqet fit-28 ta’ April 2023 ‘Concession for the regeneration and design, management, operation, maintenance and transfer back of the Evans building (Valletta) site as a superior quality tourism accommodation establishment’ u jgħid fiex wasal il-proċess ta’ aġġudikazzjoni ta’ din l-istess sejħa u meta hu maħsub li jingħalaq u jinbeda x-xogħol mitlub?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Proġetti ambjentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti ambjentali hemm ippjanati li jsiru ġewwa Għawdex mill-Ministeru matul is-sena 2024 u fiex jikkonsistu u kemm hi stmata li se tkun l-ispiża?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li min-naħa tad-direttorat EkoGħawdex se jkunu qed jinbnew tlett toroq rurali; Triq Ta’ Spiteri, Triq ta’ Għajn Abdul ma’ Triq ta’ Wied Juno u kif ukoll Triq Klula bi spiża stimata ta’ mhux inqas minn Ewro 1,973,281.64 ko-finanzjati minn fondi Ewropej. Se jinbnew ukoll il-ħitan tas-sejjieħ fi Triq San Niklaw bi spiża stimata ta’ Ewro 196,565.04 ko-finanzjata minn fondi Ewopej.

Gozo Channel — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn Jannar 2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm ġew impjegati persuni ġodda mal-Gozo Channel jew kumpanija sussidjarji tagħha? F'liema gradi ġew impjegati dawn il-ħaddiema? Jista' jgħid jekk dawn ġewx impjegati wara sejħa pubblika u f'kull każ jista’ jqiegħed kopja tas-sejħa fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Marsalforn — Ġnien Tliet Għoljiet – Playing field

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-playing field fil-Ġnien Tliet Għoljiet f'Marsalforn, Għawdex hijiex tajba sabiex tintuża? Jista' jgħid ukoll jekk sarx awditjar ta' din il-playing field u jekk iva, jippubblika r-rapport?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed jaħdem fuq sejħa għall-offerti biex l-equipment ta’ dan il-ġnien jinbidel u jsir skont l-istandards li jirregolaw il-playing fields.

Sannat –– Playing field — Xogħol ta’ tisbiħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema xogħol ta' tisbiħ sar sabiex tiġi msebbħa l-playing field li hemm ġewwa t-Triq Ta' Marżiena fis-Sannat, Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm flejjes intefqu jew se jintefqu u jekk kienx hemm ukoll installazzjoni ta' sistemi ġodda ta' dawl u playing equipments u affarijiet oħra relatati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Sannat illi fit-triq msemmija għadu ma’ nbeda l-ebda xogħol ta’ tisbih fl-imsemmija playing field, minħabba li t-‘tendering process’ għadu mhux iffinalizzat.

Kap. 427 – Persuni li tressqu l-Qorti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, Ugwaljanza, ir-Riformi u Djalogu Soċjali jgħid kemm-il persuna tressqet il-Qorti minħabba allegat ksur tal-artikolu 12 tal-Att dwar is-Sigurezza tal-Prodotti, Kap. 427, sena b’sena mill-2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk kien hemm xi każijiet, jista’ jgħid f’kull każ, x’inhu l-istatus attwali tal-proċeduri quddiem il-Qorti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-bidu tal-2021 sal-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kien hemm kumpanija waħda li tressqet il-Qorti minħabba allegat ksur taħt l-Att dwar is-Sigurezza tal-Prodotti. Il-każ għadu għaddej quddiem il-Qorti.