Jista' l-Ministru jgħid kemm għad baqa' każijiet miftuħa dwar artijiet li ġew esproprijati ġewwa Għawdex bejn l-1990 u l-2023? Jista’ jelenka wkoll lista li turi kemm hemm minn dawn il-każijiet lokalità b’lokalita ġewwa Għawdex?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il skema għall-kunsilli lokali Għawdxin ħarġet matul is-snin 2020, 2021, 2022 u 2023 mill-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll:
a. Kemm kien l-ammont allokat għal kull skema?
b. Kemm applikaw kunsilli lokali għal kull skema?
ċ. Liema kienu l-kunsilli lokali li ħadu għajnuna minn kull skema u liema kienu dawk il-kunsilli li applikaw u ma ħadux għajnuna f’kull skema?
d. Kemm kien l-ammont totali li ngħata lil kull kunsill lokali f’kull skema u għal liema proġetti jew inizjattivi?
e. Kemm hu l-ammont li sal-lum tħallas lil kull kunsill lokali f’kull każ u f’kull skema?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mid-Direttorat EkoGhawdex mill-2020 sal-2023 ġew imnedija żewġ skemi – skema għar-restawr ta’ niċeċ u/jew monumenti u/jew binijiet ta’ valur storiku jew artistiku u skema oħra għal installazzjoni ta’ Open Gym Equipment.
L-iskema tar-restawr kellha allokata s-somma ta’ €80,000.00 u applikaw tmien (8) kunsilli lokali, filwaqt li l-iskema tal-Open Gym kellha allokata s-somma ta’ €70,000.00 u applikaw disa’ (9) kunsilli lokali. Il-bqija tal-informazzjoni mitluba tinsab fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 16658 Kunsilli lokali Għawdxin Skemi.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-perit/kumpanija ta' periti inkarigati mill-proġett ta’ rinnovar u xogħol ieħor ta' Dar Fatima ġewwa l-lokalità tal-Pietà? Kif intgħażel dan il-perit/kumpanija u min ta l-awtorizzazzjoni biex jintgħażel/tintgħażel dan il-perit/kumpanija u kemm-il siegħa xogħol għamel/għamlet s’issa u x’tip ta’ xogħol fuq dan il-proġett u kemm tħallas/tħallset s’issa? Min ta l-awtorizzazzjoni biex jitħallas/titħallas? Kemm hu ppjanat li jitħallas/titħallas globalment dan l-individwu/kumpanija fuq il-proġett ta’ rinnovar u xogħol ieħor ta' ġewwa Dar Fatima ġewwa l-lokalità tal-Pietà?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Perit Frank Muscat (Doric Studio) huwa nkarigat mill-proġett ta’ Dar Fatima fil-lokalità tal-Pietà. Il-Perit intgħażel permezz ta’ Negotiated Procedure mibnija fuq espressjoni ta’ interess li kienet maħruġa aktar kmieni. L-ammont ta’ ħlas li sar huwa €32,200. Il-Perit qed jikkordina dan il-proġett fejn għamel is-surveys, pjanti, applikazzjonijiet għall-permessi meħtieġa u anke d-dokumenti tal-offerti għax-xogħlijiet kollha meħtieġa fosthom xogħlijiet strutturali u ċivili, xogħlijiet mekkaniċi u elettriċi, xiri u installazzjoni ta’ għamara u apparat u xogħlijiet ta’ rfinituri (finishes).
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-proġett ta’ Dar Fatima ġewwa l-lokalità tal-Pieta? Meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol kollu fuq din il-binja biex tibda tintuża u għal liema skop ħa tintuża? Kemm kienu l-fondi allokati għal din il-binja fil-baġit għal kull waħda mis-snin 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023, kemm intefqu minnhom u kemm hemm fondi allokati għas-sena 2024? Jista’ jgħid ukoll kemm hi stmata li se tkun l-ispiża globali fuq din il-binja biex tibda tintuża u jekk din il-binja hijiex proprjetà tal-Gvern jew mikrija u jekk hija mikrija jgħid kemm tħallset kera fis-sena u lil min, fl-aħħar ħames snin?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett ta’ Dar Fatima huwa proġett ieħor ta’ akkomodazzjoni għall-istudenti residenti f’Għawdex li jkomplu l-istudji tagħhom f’Malta. Il-proġett mistenni li jibda matul din is-sena u mistenni jitlesta sat-tielet kwart tas-sena 2025. Il-binja hija parti mill-Kunvent tad-Dumnikani ta’ Gwardamanġia. L-informazzjoni dwar il-kera li tħallset tinsab fit-tabella annessa. L-ispiża globali biex il-binja tkun tista’ tibda tintuża mistennija tkun ta’ €600,000. L-informazzjoni dwar fondi allokati u kemm intefqu mis-sena 2019 sas-sena 2024 hi fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Qorti ta' Għawdex — Skular ta' ilma tax-xita mis-soqfa
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-Qorti ta' Għawdex hemmx periklu għall-ġudikanti, ħaddiema, avukati u persuni li jużaw il-Qorti per konsegwenza ta' ilma tax-xita li daħal fis-soqfa qodma bix-xorok u travi tal-injam tal-awli u kmamar oħra? Jista' jgħid meta saret l-aħħar spezzjoni, minn min saret u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti li saru dwar dan l-iskular ta' ilma tax-xita mis-soqfa? Jista' jgħid ukoll jekk ittieħdux xi passi u x'kienu dawn il-passi?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fir-rigward tas-soqfa tal-bini tal-Qorti ta’ Għawdex, ftit tax-xhur ilu ġie mibdul il-membrane fuq il-bjut tal-istess soqfa kif ukoll saru xi tiswijiet fejn kien meħtieġ biex ma jipperkolax ilma tax-xita fuq ġewwa tal-istess binja. Saret spezzjoni dan ix-xahar minn perit mibgħut mill-Ministeru ta’ Għawdex li ma kkonstata ebda perikolu imminenti fis-soqfa tal-binja. Sabiex tkompli tiġi imħarsa s-saħħa u sigurta’ tal-persuni kollha illi jagħmlu użu mill-Qrati ta’ Għawdex, fil-ġranet li ġejjin ser isiru testijiet fuq kull travu eżistenti fil-binja.
Ministeru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur – Imjegati
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur jgħid għal kull awtorità jew entità pubblika li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu kemm hemm:
1. impjegati li qed jaħdmu fuq bażi part-time, u f’kull każ x’inhu r-rwol ta’ kull impjegat?
2. impjegati li qed jaħdmu fuq bażi ta’ reduced hours u f’kull każ x’inhu r-rwol ta’ kull impjegat?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ impjegati ta’ l-awtoritajiet u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Fondi Ewropej, Ugwaljanza, ir-Riformi u d-Djalogu Soċjali li qed jaħdmu fuq bażi part-time u dawk li qed jaħdmu fuq bażi ta’ reduced hours kif mitluba minnu.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — Impjegati
Question
Għal kull awtorità jew entità pubblika li taqa' taħt id-dekasteru tagħha, tista' l-Ministru tgħid, kemm hemm:
1. impjegati li qed jaħdmu fuq bażi part-time, u f’kull każ x’inhu r-rwol ta’ kull impjegat?
2. impjegati li qed jaħdmu fuq bażi ta’ reduced hours u f’kull każ x’inhu r-rwol ta’ kull impjegat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
L-Imsida – Sejħa IMT020/2023 ‘Works tender for Upgrading of Msida Creek Junction in a resource efficient manner which considers wider environmental impacts’, including Operation and Maintenance of the Project
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar is-sejħa IMT020/2023 ‘Works tender for Upgrading of Msida Creek Junction in a resource efficient manner which considers wider environmental impacts’, including Operation and Maintenance of the Project’ u jgħid fiex wasal il-proċess ta' aġġudikazzjoni u meta hu maħsub li jingħalaq u b’hekk ikun jista’ jibda x-xogħol?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta’ aġġudikazzjoni tal-proġett imsemmi għadu għaddej.
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Direttur Ġenerali (Major Projects)
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Direttur Ġenerali (Major Projects) il-ġdid/a fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar hux ser tkun responsabbli wkoll mill-proġetti ta' bini mill-ġdid ta' toroq preżenti u futuri kif ukoll tal-manutenzjoni u xogħol ieħor relatat?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttur Ġenerali (Major Projects) ser ikun responsabbli għall-proġetti kapitali f’Għawdex li jinkludu t-toroq.
In-Nadur Għawdex — Triq David Cocco Palmieri - Xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li tinbena mill-ġdid parti mit-Triq David Cocco Palmeri li tmiss ma' Triq l-Imġarr fin-Nadur peress li tinsab fi' stat ħażin ħafna? Jista' jgħid jekk hemmx pjanijiet li din issir fis-sena 2024? Jekk le, jista' jgħid jekk sarux rapporti dwar l-istat ta' din it-triq u jekk iva, min għamilhom u jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa ma għandniex data meta se issir l-imsemmija triq.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm u fejn inbidlu mains ta’ drenaġġ u ilma ġewwa Għawdex minn Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari maqsuma raħal b'raħal u tgħid liema minnhom kienu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea u minn liema programm kienu ffinanzjati? Tista’ tgħid ukoll kemm kienet l-ispiża globali lokalità b’lokalità u triq b’triq, u x’pjanijiet hemm għall-bdil ta’ mains tad-drenaġġ u tal-ilma raħal b’raħal u triq b’triq ġewwa Għawdex sal-aħħar tas-sena 2024? U liema minnhom ser jkunu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea u minn liema programm ser ikunu ffinanzjati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba dwar ix-xogħlijiet li saru fil-perjodu indikat, ninsab infurmata li matul din is-sena qed ikun ippjanat biex jinbdew xogħlijiet simili fi Triq Xandriku u Triq Pisani fin-Nadur, Triq Mannar u Triq Karkar fix-Xagħra, Triq San Domeniku fir-Rabat (Victoria) u Triq Wied Sara fl-Għasri u dawn ukoll se jkunu finanzjati mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
CT2029/2024 Tender for the Services of Park Cleaners using Low emission equipment for PROJECT GREEN
Question
Tista’ l-Ministru tgħid għala nħasset il-ħtieġa li tinħareġ is-sejħa: CT2029/2024 Tender for the Services of Park Cleaners using Low emission equipment for PROJECT GREEN? Kemm hi stmata din is-sejħa u kemm hu l-perjodu ta' żmien ta’ din is-sejħa? Tista’ tindika l-postijiet li ser jiġu mnaddfa permezz ta' din is-sejħa kif ukoll tgħid min f'dawn l-aħħar xhur u snin u fil-preżent kien qed jagħmel dan ix-xogħol? Tista’ tgħid ukoll kif intgħażel u kemm kien jitħallas u qed jitħallas?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta twaqqfet f’Jannar 2023, Project Green inkorporat fi ħdanha l-operat ta’ Parks Malta u b’hekk baqgħu jintużaw is-servizzi marbuta mat-tindif li kienu jaħdmu fil-perjodu preċedenti. Matul dawn ix-xhur kien żmien tranżitorju biex jibda l-operat ta’ Project Green. Kif aktar Parks qed jiġu taħt il-ħarsien ta’ Project Green, inħasset il-ħtieġa li tinħareġ is-sejħa li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant biex tkopri l-esiġenzi.
Din is-sejħa hi stmata €1,718,024.88 u tinsab aċċessibli fis-suq sal-21 ta’ Marzu 2024. Il-postijiet li ser jiġu mnaddfa permezz ta' din is-sejħa huma Petting Farm Ta’ Qali , Buġibba WaterPark (xhur tas-sajf), Romeo Romano, Ġnien Calvagna, Ġnien Ħamrun, Sant’Antnin Family Park, Ġnien ir-Rinella fil-Kalkara, Ġnien Kottoner, San Klement Family Park u l-Park ta’ Bengħajsa. Il-kumplament tal-informazzjoni mitluba tinsab fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Roundabout tal-Armier, sat-terminal taċ-Ċirkewwa — Miżuri ta’ traffic calming
Question
B’referenza għax-xogħlijiet li nbdew f'dawn l-aħħar ġranet biex tiżdied korsija oħra mir-roundabout tal-Armier, sat-terminal taċ-Ċirkewwa, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet u d-disinni tax-xogħlijiet li ser isiru bħala miżuri ta’ traffic calming biex ma jkunx hemm sewqan eċċessiv jew abbużiv f’din it-triq u b’hekk jiġu evitati inċidenti?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja b’ħidma fuq proġett infrastrutturali bil-għan li tiffaċilità u torganizza b’mod ahjar it-traffiku madwar it-Terminal taċ-Ċirkewwa. Dan ser isir b’korsija kontinwa ddedikata għall-karozzi li sejrin lejn Għawdex mir-roundabout tal-Armier fid-direzzjoni lejn it-Terminal taċ-Ċirkewwa. Dan l-investiment ser isir biex jiġi ffaċilitat it-traġitt għal persuni li jridu jaqsmu l-fliegu mingħajr ma jingħalaq l-aċċess għal partijiet ta’ madwar it-Terminal għal ħaddiema, trasport pubbliku u traffiku li ma jkunx sejjer Ghawdex.
Dan il-proġett qed isir biex jindirrizza numru rekord ta’ traġitti li qed jigi rreġistrat lejn u minn Għawdex. Dawn ix-xogħlijiet ser jużaw spazji eżistenti, imma b’mod għaqli u iżjed effiċjenti se jkun possibli nwasslu dan it-titjib.
Il-proġett, li ser isir fuq firxa ta’ żewġ kilometri u nofs, ser jinqasam f’fażijiet differenti, bil-ħidma l-ewwel tkun iffukata mir-roundabout tal-Marfa fid-direzzjoni lejn l-Għassa tal-Pulizija/Terminal taċ-Ċirkewwa. L-istrutturi tal-ħadid li jifirdu l-karreġġjati ser jinbidlu u minflokhom ser isiru strutturi tal-konkrit li huma ċeritifikati li joffru l-aqwa sigurtà possibbli. Il-bidla ta’ dawn l-istrutturi, li Infrastructure Malta introduċiet għall-ewwel darba fl-2019, ser tagħmilha possibbli biex jintrebaħ iżjed spazju li jista’ jintuża b’mod iktar effettiv.
Dan il-proġett ser jaħseb għal żieda fil-miżuri ta’ sigurta’ u traffic calming. Dawn jinkludu, realignment tal-korsiji; rumble strips, tabelli ġodda li jinkludu limiti ta’ veloċita’, pedestrian crossings, junction ikkontrollata bil-lights; u containment levels adekwati.
Tista’ l-Ministru tgħid f’liema xahar tas-sena hu maħsub li jibda x-xogħol mix-Xlendi substation sa Xlendi Ulysses substation ġewwa x-Xlendi? Tista’ tgħid ukoll kemm hu stmat li ser jiġi jiswa x-xogħol kollu, minn min ser isir ix-xogħol, meta ħarġet is-sejħa, meta ġie awarded ix-xogħol u kemm hu mistenni li jieħu żmien biex jitlesta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14974, inżid ninfurmah li s-sejħa nħarġet fil-31 ta’ Mejju 2023 u dan ix-xogħol intrebaħ minn Gatt Tarmac Ltd. fit-30 t’Awwissu 2023.
Il-Qala Għawdex – Żona tal-Kunċizzjoni – Provvista tad-dawl
Question
Peress li f'dawn l-aħħar tliet snin kien hemm problema ta' dawl li ġej u sejjer ġewwa l-akkwati tal-Kunċizzjoni ġewwa l-Qala Għawdex u l-madwar, tista’ l-Ministru tgħid x'sar fil-konkret f'dawn l-aħħar tliet snin biex ikun hemm provvista tad-dawl kif suppost u b’hekk ma jkunx hemm problemi għan-nies li jgħixu f'dawn l-akkwati? Tista’ tgħid ukoll x' hemm maħsub li jsir fil-ġranet u ġimgħat li ġejjin biex din il-problema tissolva darba għal-dejjem?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fl-aħħar sentejn inbidlu l-arbli kollha li jagħtu għaż-żona indikata, kif ukoll inbidlu u ġew rinfurzati l-linji fiż-żona tal-Knisja tal-Kunċizzjoni. Fix-xhur li ġejjin, ser jiġu installati low voltage regualators biex tkompli tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku u għaddejjin tħejjijiet biex ikun identifikat sit fejn l-aħjar li tinbena substation ġdida f’din iż-żona.
Fl-2023 inbidlu wkoll madwar 650 metri ta’ cables fuq livell ta’ vultaġġ medju ta’ 11-il kilovolt, kif ukoll sar xogħol fuq ħames feeders ġodda f’din il-lokalità waqt li substation eżistenti ġiet mgħammra bi switchgear ġdid.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm irziezet tan-nagħaġ u/jew mogħoż reġistrati f'Għawdex? Jista' jagħti kemm hemm minn dawn l-irziezet f'kull lokalità f'Għawdex? Jista' jgħid kemm huwa n-numru ta' nagħaġ u/jew mogħoż li kull wieħed minn dawn l-irziezet qed iżomm u kemm hu l-massimu li jista' jżomm?
Response (REFALO, ANTON)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella segwenti, ngħarrfu li d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja m’għandux informazzjoni dwar in-numru massimu li kull razzett jista’ jżomm.
LOKALITÀ
IRZIEZET TAL-MOGĦOŻ
IRZIEZET TAN-NAGĦAĠ
NU
MRU TA' MOGĦOŻ
NUMRU TA' NAGĦAĠ
FONTANA
9
8
24
128
GĦAJNSIELEM
11
26
190
557
GĦARB
10
26
24
290
GĦASRI
6
9
37
88
KERĊEM
14
26
98
385
MARSALFORN
2
0
8
0
MUNXAR
10
9
31
99
NADUR
38
67
136
713
QALA
15
23
103
185
SAN LAWRENZ
4
7
32
60
SANNAT
19
28
116
236
VICTORIA
24
36
178
533
XAGĦRA
28
54
182
431
XEWKIJA
47
60
413
530
ŻEBBUĠ
4
13
10
162
Total
241
392
1,582
4,397
Tista’ l-Ministru tgħid xi proġetti saru minn Project Green ġewwa Għawdex u Kemmuna sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u kemm intefqu flus fuq kull proġett? Tista’ tgħid ukoll xi proġetti hemm ippjanati li jsiru ġewwa Għawdex u Kemmuna minn Project Green u kemm hi stmata li ser tkun l-ispiża fuq kull proġett?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13140, inżid li Ambjent Malta wkoll għadha qed issostni numru ta’ interventi oħrajn f’Għawdex u Kemmuna. Dawn jinkludu interventi protettivi għall-għaram tar-ramel fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra u l-installazzjoni ta’ tabelli informattivi ġodda fis-sit tad-Dwejra. Min-naħa l-oħra, l-interventi f’Kemmuna huma aktar intensivi hekk kif diġà twettaq ħafna xogħol ta’ restawr ambjentali l-aktar fil-campsite l-antika ta’ Santa Marija fejn tħawlu siġar ġodda u saret manutenzjoni u ħidma preventiva sabiex jiġu protetti l-għaram tar-ramel. F’Kemmuna ġew restawrati wkoll għadd ta’ ħitan tas-sejjieħ u tkompla x-xogħol ta’ tneħħija ta’ speċi aljeni invażivi. Dawn l-interventi, li qed jitwettqu b’kollaborazzjoni mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, se jissoktaw fix-xhur li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema xahar u sena huwa ppjanat li l-playing field ġewwa Triq ta' Ġokk fix-Xewkija Għawdex li taqa’ taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Kunsill Lokali, hux ser tiġi rranġata u meta ser issir il-manutenzjoni meħtieġa peress li din il-playing field u open space jinsabu fi stat ħażin għal min jiffrekwentahom? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx ħsieb jew possibiltà li dan l-ispazju jitkabbar? Jista’ jgħid jekk tħejjewx is-sejħiet għal offerti u jekk ġewx ippubblikati?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xewkija li rigward il-Bandli li jinsab fi Triq Ta’ Ġokk fix-Xewkija, dawn l-aħħar xhur il-Kunsill kien għaddej bi preparamenti u studji sabiex ikun jista jsir xogħol ta’ tisbiħ u tiġdid.
Infurmat ukoll li f’Settembru 2023, il-Kunsill ġie notifikat li kien inbena’ parti minnu minn terzi persuni. Minhabba li dan il-bini affettwa l-pjanti li fuqhom kien qed jinħadem dan il-proġett, il-Kunsill waqqaf il-proċess tal-proġett b’mod temporanju, sa x’ħin tiġi solvuta din il-problema, u għadaqstant is-sejħa għal offerti mhix finaliżżata u ma nħarġitx.
Jista’ l-Ministru jgħid x' tip ta’ xogħlijiet inbdew fl-aħħar ġranet ġewwa l-Kalkara tal-Ġir li hemm maġenb l-uffiċċju tal-Kunsill Lokali tas-Sannat? Jista’ jgħid minn min qed isir ix-xogħol, fiex jikkonsisti, kemm hu stmat li ser jiġi jiswa u minn liema fondi ser jitħallas? Jista’ jgħid ukoll jekk il-ħaddiema humiex kollha speċjalizzati u kwalifikati biex jagħmlu dan ix-xogħol?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ta’ Sannat li fl-aħħar ġranet inbeda xogħol ta’ restawr tal-Kalkara tal-Ġir skont Tender SNTLC 01/2023, u skont il-permessi tal-Planning Authority PA/06313/23. Infurmat mill-istess Kunsill li x-xogħol qed isir minn Gatt Tarmac Ltd.
Intant infurmat li x-xogħol hu stmat li ser jiġi jiswa € 27,679.36 (exc. VAT) u ser jitħallas mill-iskema tal-LESA ‘Proġetti fil-Komunità 2022’.
Finalment infurmat illi l-ħaddiema huma kollha speċjalizzati u kwalifikati biex jagħmlu dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid skont il-PSO li l-kumpanija Gozo Channel għandha ma' Transport Malta, kemm-il vjaġġ fil-ġimgħa suppost isir minn Għawdex lejn il-Port ta' Marsamxett jew il-Port il-Kbir u lura? Jista' jgħid ukoll jekk dawn hux qed isiru u jekk le, x'passi ser jittieħdu biex jiġi assigurat li l-Gozo Channel timxi mal-obbligi li għandha fil-kuntratt?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-PSO, il-kumpanija Gozo Channel m’għandha ebda obbligu li tagħmel vjaġġi minn Għawdex lejn il-Port ta' Marsamxett jew il-Port il-Kbir u lura.