Xagħra, Għawdex – triq li twassal ir-Ramla l-Ħamra – xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema miżuri ta' sigurtà qed jittieħdu biex jiġi assigurat li jitneħħa l-periklu li hemm matul it-triq li twassal mir-Ramla l-Ħamra sax-Xagħra, Għawdex? Jista’ jgħid ukoll meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol marbut mas-sigurtà f'din it-triq, fosthom ix-xogħol relatat mal-bini taċ-ċint?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar diġà ġibed l-attenzjoni lill-kuntrattur sabiex dan ix-xogħol isir.
Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – Xiri ta’ apparat mediku ġdid
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'apparat mediku ġdid hemm ippjanat li jinxtara għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex matul is-sena 2024, kemm hi stmata li ser tkun l-ispiża u kemm min din l-ispiża ser tkun iffinanzjata minn fondi tal-Unjoni Ewropea?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà ħabbart, matul l-2024 ser tinxtara 3.T MRI Machine għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. 60% tal-ispiża titħallas minn fondi tal-unjoni Ewropea.
Ninsab infurmat li hemm numru ta’ Tenders għall-evalwazzjoni mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Malli l-proċess ta’ evalwazzjoni jkun komplut, it-Tenders joħorġu fil-pubbliku.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9144 dwar parti minn Triq Mons Ġużeppi De Piro fiż-Żebbuġ, Għawdex li madwar sena ilu bdiet iċċedi u tisfronda u fejn kien imwieġeb li ‘l-Perit imqabbad mill-Ministeru mar fuq il-post, u qegħdin isiru l-istudji meħtieġa sabiex din it-triq terġa' tinfetaħ lura għall-pubbliku’, peress li f'dawn l-aħħar xhur ingħalqet kompletament bil-barriers u fid-dawl li l-Ministeru tiegħu huwa responsabbli għat-toroq ta' Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid x’beħsiebu jagħmel fil-futur qarib? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta' dawn l-istudji, kif ukoll ir-rapport li ħejja l-perit? Jista’ jgħid jekk fil-preżent hemmx periklu għar-residenti li għandhom id-djar fil-parti msemmija tat-triq? Meta hu ppjanat (xahar u sena) li jibda x-xogħol fuq din il-parti tat-triq, fiex ser ikun jikkonsisti u kemm hu stmat li ser jiġi jiswa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Perit ħejja d-disinn għall-bini mil-ġdid tat-triq u bħalissa qed isiru l-konsultazzjonijiet neċessarji mal-entitajiet qabel ma jiġi ffinalizzat id-disinn.
Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – Outpatients — Stennija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-average waiting time fl-Outpatients tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri ttieħdu jew qed jittieħdu biex il-waiting time jonqos?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu u ser jiġu meħuda regolarment mill-Ministeru fil-konfront tas-siġar taż-żebbuġ ġewwa Għawdex u x’inizjattivi qed jittieħdu f’dan ir-rigward?
Fid-dawl li t-toroq kollha ġewwa Għawdex jaqgħu taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-valur tal-kuntratti ta’ bini ta’ toroq li kellhom l-offerta milqugħa fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023 u kemm minnhom saru u kemm minnhom għadhom ma sarux?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar laqa' 7 offerti għall-bini ta’ toroq bejn is-snin 2020 u 2023. Il-valur tagħhom kien ta’ Euro 4,206,753.40 (VAT eskluż). Minn dawn ix-xogħlijiet, tlestew fuq 3 offerti, filwaqt li hemm ix-xogħlijiet għaddejjin fuq 2 offerti, u fuq 2 offerti x-xogħlijiet għadhom ma bdewx.
Fid-dawl illi Triq tal-Gidi fix-Xewkija taqa’ taħt ir-responsabilità diretta tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u peress li f'dawn l-aħħar disa' snin sar ħafna bini fiha, hi bla wiċċ u tinsab fi stat ħażin ħafna, jista’ l-Ministru jindika bejn wieħed u ieħor meta ser jibda x-xogħol ta' bini u rikostruzzjoni ta’ din it-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fi Triq tal-Gidi mistenni jsir fix-xhur li ġejjin.
Xagħra, Għawdex — Ċentru Ċiviku – Proġett tal-bini mill-ġdid
Question
Jista' l-Ministru jipprovdi informazzjoni rigward il-proġett tal-bini mill-ġdid taċ-Ċentru Ċiviku ġewwa x-Xagħra, Għawdex, liema proġett kien tħabbar iktar minn sena ilu? Jista' jgħid ukoll meta hu mistenni li dan il-proġett ikun lest?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mis-Sovrintendenza tal-Patromonju Kulturali li x-xogħlijiet twaqqfu minħabba li l-kuntrattur radam bil-konkos dagħbien li sab fuq is-sit. L-aħħar informazzjoni li għandi hi li s-Sovrintendenza tal-Patromonju Kulturali qed jistennew spjega ta’ x’ġara eżatt mill-perit.
Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm anzjani rġiel u nisa li jixtiequ jidħlu f'xi dar tal-anzjani ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm hi l-waiting list (f’tul ta' żmien) biex l-anzjani f'Għawdex ikollhom dan is-servizz mill-Gvern?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm sitta u ħamsin (56) applikazzjoni li jridu jiġu pproċessati. It-tabib ġerjatriku bħalissa għaddej bl-assessjar meħtieġ sabiex l-anzjani jkunu jistgħu jiġu ammessi fid-djar tal-anzjani.
Jista' l-Ministru jgħid meta saret l-aħħar spezzjoni fi triq ġewwa Pjazza Salvatore Busuttil ġewwa Kerċem, peress li madwar sena ilu parti minn din it-triq bdiet tinfetaħ? Jista' jgħid ukoll jekk min għamel din l-ispezzjoni, ikkonfermax li ma hemm l-ebda periklu? Jekk iva, jista' jqiegħed kopja tar-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lil Onor. Interpellant li saret spezzjoni mill-Perit tal-Gvern u qed isiru d-diskuzzjonijiet meħtieġa sabiex issir ix-xogħol
Direct Order 'Negotiated Procedure for Project Management and Technical Supervisory Services for the Paola Primary Health Care Southern Regional Hub' CT5000/2023
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti d-Direct Order 'Negotiated Procedure for Project Management and Technical Supervisory Services for the Paola Primary Health Care Southern Regional Hub' CT5000/2023 ta’ valur ta' kważi miljun euro li ngħatat fil-11 ta' Jannar 2024 u għalfejn inħasset il-ħtieġa li tingħata minkejja li l-proġett taċ-Ċentru Vincent Moran Paola huwa kważi lest minn kollox u qed jingħad li kellu jinfetaħ jew imminenti li se jinfetaħ?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-Negotiated Procedure kienet meħtieġa minħabba li twalu x-xogħlijiet tal-kuntratt ewlieni tad-Design and Build, għaldaqstant kien neċessarju li s-servizz tal-Project Management ukoll jibqgħu fis-seħħ mhux biss waqt li għaddejjin ix-xogħlijiet fuq il-binja iżda anke għall-perjodu sussegwenti ta’ commissioning u handing over.
Jista’ l-Ministru jgħid mit-tenders li nħarġu u ġew awarded fis-sena 2017 ġewwa Għawdex biex toroq jinbnew mill-ġdid jew jiġi rranġat l-asfaltar u/jew is-servizzi tat-triq, f’kemm minn dawn it-tenders inqabeż id-deadline stipulat sakemm tlestew u ġew iffinalizzati x-xogħlijiet, u f’kull każ jgħid b’kemm inqabeż?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar.
Tista’ l-Ministru tipprovdi lista tal-appelli li saru quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva minn deċizjonijiet meħuda mir-REWS u tgħid x’inhu l-istatus attwali ta’ kull każ, maqsuma sena b’sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ċentru tal-Università — Xewkija – xogħlijiet fuq l-estensjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq l-estensjoni taċ-Ċentru tal-Università fix-Xewkija Għawdex sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u fiex intefqu? Jista’ jgħid ukoll x'hemm ippjanat li jsir fuq din l-estensjoni matul din is-sena u kemm hu l-baġit allokat għal din l-estensjoni għal-2024?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Impjegati
Question
Għal kull awtorità jew entità pubblika li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, jista' l-Ministru, jgħid kemm hemm:
1. impjegati li qed jaħdmu fuq bażi part-time, u f’kull każ x’inhu r-rwol ta’ kull impjegat?
2. impjegati li qed jaħdmu fuq bażi ta’ reduced hours u f’kull każ x’inhu r-rwol ta’ kull impjegat?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jqis li jiġi emendat l-Att dwar il-Ġustizzja Amministrattiva, Kap 490, biex tiġi introdotta proċedura uniformi fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ penalitajiet amministrattivi fir-rigward tad-diversi oqsma tas-setturi kummerċjali u tiġi ndirizzata s-sitwazzjoni attwali fejn ma hemmx proċedura uniformi dan ukoll fid-dawl tad-diversi sentenzi tal-Qrati Maltin dwar il-legalità kostituzzjonali tad-diversi normi proċedurali stabiliti taħt il-liġi ordinarja?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern jieħu kull deċiżjoni opportuna biex jassigura amministrazzjoni effiċjenti u b’konformita kostituzzjonali.
Sentenzi tal-Qorti kontra penali maħruġa mill-FIAU
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9950, fl-eventwalità li l-Qorti Kostituzzjonali tikkonferma d-diversi deċiżjonijiet tal-Qorti ta’ prima stanza (sede Kostituzzjonali) fejn fis-sustanza ripetutament il-Qrati preseduti minn Imħallfin differenti b’mod konstanti qed jgħidu li l-penalitajiet imposti mill-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) huma bi ksur tal-Kostituzzjoni, jista’ l-Ministru jispjega x’miżuri hemm maħsuba biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn l-FIAU ma tkunx f’qagħda li timponi penalitajiet jew titlob l-impożizzjoni ta’ penalitajiet sa kemm tiġi emendata l-liġi bil-periklu li għal ċertu żmien l-FIAU tkun f’qagħda li ma tistax taġixxi jekk ikun hemm ksur tal-liġijiet li hi tinforza?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif zgur huwa magħruf sew, l-Avukat tal-Istat flimkien mal-FIAU appellaw dawn d-deċizjonijiet quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, u ġià la darba hemm appell, dan ifisser li l-ebda deċizjoni ma hija waħda finali. Il-Gvern jieħu kull deċizjoni opportuna biex jassigura amministrazzjoni effiċjenti u b’konformità Kostituzzjonali
Ministeru għal Għawdex — Direttur Ġenerali (Major Projects)
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13889, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Direttur/Direttriċi Ġenerali (Major Projects) il-ġdid/ġdida fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex hux ħa jkun ukoll responsabbli mill-proġetti kollha tat-toroq ġewwa Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 13889.
B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 6388, 7411 u 8728 dwar il-parti tat-triq ta' ħdejn il-Bajja ta' Daħlet Qorrot, in-Nadur, jiġifieri l-parti minn fejn tispiċċa t-triq bil-konkos li saret xi żmien ilu sa ħdejn il-bajja, peress li din baqgħet ma saritx u qiegħda fi stat ħażin ħafna u peress li kien ġie mwieġeb li “Il-parti msemmija mill-Onor. Interpellant issir ukoll fiż-żmien opportun”, u “li idealment ma jkunx waqt il-perjodu li l-bajja tkun qed tintuża l-aktar mill-pubbliku”, jista’ l-Ministru ġentilment jgħid jekk ix-xogħol fuq din il-parti tat-triq huwiex se jibda u jitlesta qabel jibda s-sajf 2024?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol mhux mistenni jibda u jitlesta qabel is-Sajf 2024. Ta’ min infakkar li din it-triq kienet ilha snin sħaħ fi stat ħażin, u propju saret kwazi kollha mill-ġdid lejn l-aħħar tal-legislatura li għaddiet.