Legislature:
Category:
Reset
Active:

Programmi ta’ fondi Ewropej — Proġetti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, Ugwaljanza, ir-Riformi u Djalogu Soċjali jgħid liema programmi ta’ fondi Ewropej hemm proġetti għaddejjin fil-preżent jew se jinbdew f’kull Ministeru minn dawn il-fondi? Jista’ jgħid ukoll kemm intefqu flus għal dawn il-proġetti sa issa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba rigward proġetti li għaddejjin fil-preżent u li se jinbdew f’kull Ministeru.

Individwi li ngħataw Nazzjonalità Maltija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il individwu ngħata n-Nazzjonalità Maltija kull sena mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll minn liema pajjiżi kienu dawn l-individwi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-mistoqisjija parlamentari 17583.

Pagamenti lil kumpanija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15889, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien it-total ta' flus mħallsa mill-Gvern jew entitajiet tiegħu f'pagamenti lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament bħala sussidju u ħlas ieħor għas-servizz ta' trasport f'Malta fis-snin 2021, 2022 u 2023?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-total ta’ flus imħallsa lill-kumpanija Malta Public Transport kien kif jidher fil-punti segwenti: · 2021 €36,325,386 · 2022 €42,788,967 · 2023 €69,376,442

MFSA – Appelli minn deċiżjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sena b’sena mit-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm saru appelli minn deċiżjonijiet tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) fejn l-MFSA imponiet penali amministrattiva (irrispettivament ta’ kif deskritta) quddiem it-Tribunal għas-Servizzi Finanzjarji? F’kull każ jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-istatus attwali, u fejn ġew deċiżi, jagħti l-isem tal-każ u d-data tad-deċiżjoni?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kumitat dwar Deċiżjonijiet tal-Infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari ġiex appuntat il-Kumitat dwar Deċiżjonijiet tal-Infurzar imwaqqaf skont l-artikolu 11 tal-Att dwar l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, Kap 330? Jekk le, jista’ jgħid għalfejn ma ġiex appuntat?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġibiet mogħtija fil-mistoqsijiet parlamentari numri 10748 u 11098.

Għajnsielem – Impjant għat-Trattament tal-Ilma f’Tal-Fessej

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11033 li ngħatat fit-3 ta' Ottubru 2023, tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu l-istudji dwar l-Impjant għat-Trattament tal-Ilma ġewwa Tal-Fessej f'Għajnsielem, Għawdex, sabiex isir investiment ieħor meħtieġ biex eventwalment jiġi modernizzat l-impjant sabiex ilaħħaq maż-żieda fid-domanda futura?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-istudji tlestew u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddiet għall-istadju li jmiss, dak tal-abbozzar tas-sejħa għall-offerti għat-twettiq ta’ dan il-proġett.

Marsalforn, Għawdex — Proġett ta' riġenerazzjoni tal-promenade u l-Menqa - twaħħil ta’ bollards

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11035, jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għaliex għaddew iktar minn sentejn u nofs mill-inawgurazzjoni tal-proġett ta' riġenerazzjoni tal-Promenade u l-Menqa ġewwa Marsalforn u għadhom ma sarux u ma ġewx imwaħħla l-bollards sabiex il-Promenade u l-Menqa jkunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku b'moħħu mistrieħ u mingħajr periklu waqt li jkun qed jimxi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ Għawdex illi hemm diskussjonijiet bejn il-Kunsill u Transport Malta biex jiġu installati il-bollards.

Rabat, Għawdex — Triq l-Arċisqof Pietru Pace - Tiswija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'għamel s'issa u x’beħsiebu jagħmel fil-futur qarib dwar parti mill-ġenb tat-triq li sfrondat madwar sena u erba xhur ilu fi Triq l-Arċisqof Pietru Pace r-Rabat, Għawdex, fejn saħansitra din il-parti tal-ġenb tat-triq ingħalqet kompletament bil-barriers? Jista’ jgħid jekk fil-preżent hemmx periklu f'din il-parti tal-imsemmija triq? Jista’ jgħid ukoll jekk marx perit tal-Gvern fuq il-post u x'ġie deċiż? Jista’ jgħid ukoll jekk sarux il-konsultazzjonijiet neċessarji mal-entitajiet konċernati?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej ix-xogħol fuq din it-triq.

Malta, Għawdex u Kemmuna — applikazzjonijiet għall-ħruġ ta’ liċenzji għall-kiri ta’ umbrellel u/jew deckchairs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, sena b'sena f dawn l-aħħar ħdax-il sena, kemm kien hemm applikazzjonijiet ġodda minn operaturi u kemm ingħataw permessi ġewwa Malta, Għawdex u Kemmuna għal-liċenzja biex jikru umbrellel u/jew deckchairs fuq jew ħdejn il-bajjiet? Jista’ jgħid kemm minn dawn ġew milqugħa jew inkella rifjutati? Jista’ jgħid ukoll fil-preżent kemm hemm talbiet pendenti? Globalment kemm hemm operaturi li għandhom il-permessi ġewwa Malta, Għawdex u Kemmuna u fejn jinsabu għal-liċenzja biex jikru umbrellel u/jew deckchairs fuq jew ħdejn il-bajjiet?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10038, ninfurmah li biex tinġabar l-informazzjoni kollha mitluba, jinqabeż l-advisory cost kif stabbilit minn rulings diġà mogħtija preċedentement.

Kemmuna – Sejħa għal Operaturi biex jikru umbrellel u deckchairs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex toħrog is-sejħa qabel is-sajf 2024 biex jintgħażlu operatur/i għal-kiri tad-deckchairs u umbrellel ġewwa Kemmuna?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara l-eżerċizzju li sar is-sena l-oħra fejn kien hemm tnaqqis ta’ deckchairs/umbrellel, kif ukoll parti minn encroachment eżistenti ġie spustat għal parti oħra, u tneħħiet encroachment oħra sabiex ġiet vakata ż-żona tal-moll, il-bajja, kif ukoll ir-rampa li tagħti għall-bajja, qed tingħata estensjoni.

Għawdex – Triq il-Papa Ġwanni Pawl II — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar is-sejħa CT3047/2023 Tender for the structural consolidation and conservation of the aqueduct in Triq Papa Ġwanni Pawlu II, Rabat, Gozo using environmentally friendly measures, u jgħid fiex wasal il-proċess ta' aġġudikazzjoni u meta hu maħsub li jingħalaq u b'hekk ikun jista’ jibda x-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumitat ta’ evalwazzjoni għadu għaddej bil-proċess li jevalwa l-imsemmija sejħa.

Air Malta – Skema Flypass

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jkun il-kumpens finanzjarju li l-Air Malta trid tagħti lil min kellu punti fuq l-iskema tal-Flypass? Jista’ jgħid ukoll min ser jagħmel dan il-ħlas u meta hu maħsub li jitħallas?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kumpens finanzjarju marbut mal-iskema tal-punti tal-Flypass li għalaq fi 29 ta’ Frar huwa stmat €1.69m. Dan l-ammont jitħallas biss jekk kemm il-darba l-membri tal-Flypass kollha jibgħatu l-informazzjoni mitluba lilhom lill-kumpanija. Il-ħlas qiegħed isir direttament mill-Air Malta u minn total ta’ 6,162 membri, 5,716 membri diġà tħallsu l’ammont ta’ €882,000.

Persuni li ma jirċevux pensjoni sħiħa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15746 u jgħid kemm hemm pensjonanti li ma jirċevux il-pensjoni sħiħa minħabba li kellhom nuqqas ta’ ħlas ta' kontribuzzjonijiet soċjali (bolol)? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif qed jinġabar.

MCCAA — Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) - rikorsi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, Ugwaljanza, ir-Riformi u Djalogu Soċjali jgħid mill-bidu ta’ 2019 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il rikors saru da parti tad-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) fi ħdan l-MCCAA a tenur tal-artikolu 12A tal-Kap 379? F’kull l-istanza, jista' jgħid x’kienet in-natura tat-talba da parti tad-Direttur Ġenerali u x’inhu l-istatus attwali tal-każ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma sar l-ebda rikors a tenur tal-artikolu 12A tal-Kap 379 minn mindu daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Lulju 2019.

Rabat Għawdex – Pjazza San Franġisk — Funtana

Question

Peress li meta sar il-proġett ta' rinnovar ta' Pjazza San Franġisk fir-Rabat Għawdex, il-funtana li kien hemm ġewwa din l-istess pjazza nqalgħet minn postha, jista’ l-Ministru jgħid fejn tinsab (post) bħalissa din il-funtana u fejn hemm il-ħsieb li titpoġġa l-istess funtana, issa li għaddew diversi snin minn meta tneħħiet minn Pjazza San Franġisk?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 14244 tat-13 il-Leġiżlatura.

Ta’ Ċenċ — Xogħlijiet mill-Water Services Corporation

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14056 rigward ix-xogħlijiet li nbdew iktar minn sitt xhur ilu mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fit-triq li twassal għall-ġibjuni tal-WSC ġewwa Ta' Ċenċ, Għawdex fejn ġie mwieġeb li 'Wara li tlestiet l-ewwel fażi tal-proġett, ix-xogħlijiet se jissuktaw wara li jinħarġu l-permessi meħtieġa, li għalihom diġà ddaħħlu l-applikazzjonijiet, għall-fażi li jmiss', tista’ l-Ministru tgħid għalfejn f'dawn l-aħħar tliet xhur ma tkompliex ix-xogħol biex jintegra ż-żewġ ġibjuni prinċipali tal-WSC ġewwa Ta' Ċenċ, Għawdex?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li minħabba l-fatt li x-xogħlijiet tat-tieni fażi jmissu ma’ toroq residenzjali dawn jirrikjedu l-ħruġ ta’ permessi minn diversi awtoratijiet. Għaldaqstant, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed timxi mal-proċedura u tistenna l-ħruġ ta’ dawn il-permessi biex ikunu jistgħu jitkomplew ix-xogħlijiet.

'TD-T-3749-2023 (7167) — TRENCHING AND CABLE LAYING WORKS FOR RINGING OF XAGHRA SEGOND HOTEL SS TO SPRING SS IN AN ENVIRONMENTALLY FRIENDLY MANNER - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’liema xahar hu maħsub li jibda x-xogħol relatat mas-sejħa 'TD-T-3749-2023 (7167) - TRENCHING AND CABLE LAYING WORKS FOR RINGING OF XAGHRA SEGOND HOTEL SS TO SPRING SS IN AN ENVIRONMENTALLY FRIENDLY MANNER'? Tista’ tgħid ukoll kemm hu stmat li ser jiġi jiswa x-xogħol kollu relatat ma’ din is-sejħa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Għawdex, għaddej b’ritmu x-xogħol ta’ rinfurzar fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fejn l-Enemalta qiegħda tkompli żżid il-konnesjonijiet biex is-sistema tkun aktar reżiljenti. Bħala parti minn dan it-tisħiħ fis-sistema se jsir tqegħid ta’ cables ġodda bejn iż-żewġ substations imsemmija fis-sejħa li qed issir referenza għaliha. Dan ix-xogħol ser jibda ladarba jinħarġu l-permessi neċessarji minn Transport Malta għall-iskavar u huwa stmat li se jammonta madwar €170,000.

MGP eQ 25/2024 QUOTATION FOR THE PROVISION OF COURIER SERVICE TO AND FROM THE MINISTRY FOR GOZO AND PLANNING

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex inħasset il-ħtieġa li tinħareġ il-kwotazzjoni: MGP eQ 25/2024 QUOTATION FOR THE PROVISION OF COURIER SERVICE TO AND FROM THE MINISTRY FOR GOZO AND PLANNING u kif ukoll jgħid min f'dawn l-aħħar xhur u snin u fil-preżent kien qed jagħmel dan ix-xogħol? Jista’ jgħid ukoll kif intgħażel, kemm kien jitħallas u kemm qed jitħallas?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kwotazzjoni MGP eQ 25/2024 QUOTATION FOR THE PROVISION OF COURIER SERVICE TO AND FROM THE MINISTRY FOR GOZO AND PLANNING inħarġet peress li l-uffiċċjal li hu mpjegat mas-servizz pubbliku, li f’dawn l-aħħar xhur u snin u fil-preżent qed jagħmel dan ix-xogħol, ser jirtira.

Bajjiet f’Għawdex — sand renourishment fil-bajjiet

Question

Jista' l-Ministu jgħid x'bajjiet ġewwa Għawdex hemm ippjanati li jsirilhom is-sand renourishment qabel jibda s-sajf 2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda bajja f’Għawdex ma hu ħa jsirilha sand renourishment. Mhux eskluż li jista’ jsir dan it-tip ta’ asand renourishment fil-futur.

Sannat – Kunsill Lokali — 'TENDER FOR ASPHALTING WORKS WITH HOT ROLLED ASPHALT IN TA' SANNAT IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER SNTLC/01/2022'

Question

B' referenza għas-sejħa li ħareġ il-Kunsill Lokali tas-Sannat f'Jannar 2022, 'TENDER FOR ASPHALTING WORKS WITH HOT ROLLED ASPHALT IN TA' SANNAT IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER SNTLC/01/2022', jista’ l-Ministru jgħid fiex kienet tikkonsisti din is-sejħa u kemm hu l-valur li biha ġiet awarded din is-sejħa? X'tip ta' xogħlijiet saru permezz ta' din is-sejħa sa issa u kemm ġew jiswew sa issa? Jista’ jgħid ukoll liema xogħlijiet oħra baqa’ jsiru permezz ta’ din is-sejħa, meta ħa jibdew u jitlestew u kemm huma stmati li ser jiġu jiswew? Jista’ jgħid ukoll jekk din is-sejħa hux ser tkun iffinanzjata kollha kemm hi mill-fondi tal-Kunsill Lokali tas-Sannat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ta’ Sannat li din is-sejħa kienet tikkonsisti f’ offerta għal xogħlijiet ta’ asfaltar b’asfalt irrumblat bis-sħana f’Ta’ Sannat b’mod effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u l-valur li biha ġiet awarded din is-sejħa kien ta’ €107,180.90 (exc. VAT). Sal-lum ma saru l-ebda xogħlijiet u ma kienx hemm infieq, lanqas hemm data speċifika minħabba li qed jiġu mistennija konfermi minn dipartimenti oħra. Ninsab infurmat ukoll li din is-sejħa mhux ser tkun iffinanzjata kollha kemm hi mill-fondi tal-Kunsill Lokali.