Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex — Sistema ta’ Maġistrati li jaħdmu biss fuq l-Inkjesti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex is-sistema ta' Maġistrati li jaħdmu biss fuq l-Inkjesti ma tapplikax għall-Inkjesti f'Għawdex u l-Maġistrati li jaħdmu f'Għawdex qed ikollhom jagħmlu dawn l-Inkjesti minkejja li huma mgħobbija b’xogħol ieħor?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dmirijiet tal-Ġudikanti u l-assenjazzjonijiet tal-kawżi hija prerogattiva tal-Prim Imħallef. Sadanittant, ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li fiż-żmien li ġej ser tkun qed titnieda konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma fis-settur tal-inkjesti.

Il-Belt Valletta — Triq il-Merkanti - Stabbilimenti tal-ikel awtorizzati biex ikollhom imwejjed u/jew siġġijiet fit-triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm stabbilimenti tal-ikel, irrispettivament mill-mod kif deskritti, fi Triq il-Merkanti, fil-Belt Valletta, li huma awtorizzati mill-Awtorità tal-Artijiet biex ikollhom imwejjed u/jew siġġijiet fit-triq?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Risposta tingħata f’seduta oħra.

MCCAA — Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) - rikorsi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17808, jista’d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, Ugwaljanza, ir-Riformi u Djalogu Soċjali jagħti r-referenza tal-kawża, inklużi l-ismijiet tal-partijiet involuti? Jista’ jwieġeb ukoll it-tieni parti tal-mistoqsija u jgħid x’kienet in-natura tat-talba da parti tad-Direttur Ġenerali u b’mod partikolari x’tip ta’ sanzjoni u/jew penali qed tintalab mill-Qorti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kawża ppreżentata fil-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Kummerċ) hija Rikors Numru 82/2023 ISB . F’dan ir-rikors id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) talbet id-dikjarazzjoni tal-ksur tal-artikoli relevanti fit-Taqsima VII u fit-Taqsima VIII tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap. 378 tal-Liġijiet ta’ Malta) u tar-regolamenti rilevanti tal-Leġiżlazzjonijiet Sussidjarji 378.12 u 378.17. Is-sanzjonijiet u/jew penali li qed jintalbu mill-Qorti jinkludu l-ħruġ ta’ ordnijiet ta’ tħaris skont l-artikolu 12G tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur u li s-soċjetà konvenuta.

Xlendi — Servizzi meħtieġa

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-konsultazzjonijiet mal-entitajiet ikkonċernati biex jiġu definiti s-servizzi meħtieġa fix-Xlendi, li jkunu jirriflettu d-domanda li dejjem qed tiżdied? Jista’ jgħid ukoll meta hu maħsub li dawn jingħalqu u xi jkun imiss wara?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-laqgħat mal-entitajiet ghadhom għaddejjin. Meta jitlestew il-laqgħat se jiġu ffinalizati l-pjanti u jiġu sottomessi l-Awtorità tal-Ippjanar.

Għawdex u Kemmuna — proprjetajiet mogħtija b’encroachment

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 9542 u 12412 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7816 dwar il-lista ta' proprjetajiet li ngħataw b'encroachment mit-8 ta' Marzu 2013 sal-lum, inkluż lil min ingħataw, għal liema skop u kemm ġew mitlubin iħallsu ġewwa Għawdex u Kemmuna, jista’ l-Ministru jżid mal-lista tal-mistoqsija parlamentari 7816 wkoll, kull proprjetà li ngħatat b'encroachment mit-8 ta' Marzu 2013 sal-lum u jsemmi r-raħal, triq jew l-area ġewwa Għawdex u Kemmuna? Jista’ jgħid jekk hux kulħadd ħallas b'mod regolari r-rati applikabbli?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Risposta tingħata f’seduta oħra.

Għoti ta’ kuntratti għall-provvista ta’ servizzi, ħwejjeġ u xogħlijiet lis-Servizz Pubbliku u lis-Settur Pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 9545 u 12413 u jgħid kemm-il kuntratt ingħata taħt il-proċedura negozjata għall-provvista ta’ servizzi, ħwejjeġ (goods) u xogħlijiet lis-Servizz Pubbliku u lis-Settur Pubbliku separatament kull sena minn Jannar 2019 ’il hawn? X’kienu s-servizzi, xogħlijiet eċċ. provduti f’kull każ? Kemm kien il-valur ta’ kull kuntratt? Jista’, jekk jogħġbu, iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-avviż (kuntratt taħt il-proċedura negozjata) ippubblikat?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din l-informazzjoni tiġi ppubblikata fuq is-sit tal-Kummissjoni Ewropea, u hija aċċessibbli liberament għall-pubbliku. L-aħħar rapport ippubblikat ikopri il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2020. Ir-rapport li jmiss li jkopri bejn l-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2023, ser jiġi sottomess lill-Kummissjoni Ewropea fil-ġimgħat li ġejjin, u jiġi ppubblikat iktar tard.

Għawdex – Annimali li ttieħdu mingħand sidhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' klieb, qtates u annimali oħrajn (f'dak il-każ jispeċifika x' annimali kienu) li ttieħdu mingħand sidhom ġewwa Għawdex mill-Animal Welfare (AW) minn Jannar 2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-annimali ngħataw lura lil sidhom u x'kienet ir-raġuni li ngħataw lura?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tingabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.

Kiri ta’ umbrelel u/jew deckchairs ħdejn il-bajjiet — Liċenzji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12417 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10038, rigward operaturi li għandhom liċenzja biex jikru umbrelel u/jew deckchairs ħdejn il-bajjiet kollha, jista’ l-Ministru jgħid kemm hi u kif jinħarġu dawn il-liċenzji, kull meta jiġu mħallsa u kif jiġi determinat l-ammont dovut għal din il-liċenzja?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess tal-permess jibda b’applikazzjoni apposta għal dan it-tip ta’ operat li jista’ japplika għaliha biss stabbiliment li diġa’ huwa liċenzjat mal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu. Dan il-permess jiġi mħallas kull sena mal-kont tal-liċenzja tal-istabbiliment u l-ammont huwa determinat skont il-leġislazzjoni sussidjarja.

Ix-Xlendi – Proġett ta’ Riġenerazzjoni tal-Parkeġġ

Question

B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12419 dwar il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi, tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu l-preparamenti dwar il-pumping station adekwata u jinbidlu wkoll il-pajpijiet li jwasslu għas-sentina? Tista’ tgħid ukoll meta (xahar u sena) hu ppjanat li jinbeda u jitlesta x-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li min-naħa tagħha, l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlet il-preparamenti kollha relatati mal-bini tal-pumping station. Il-Korporazzjoni, li mhix responsabbli mill-proġett fit-totalità tiegħu, qed tistenna l-pjanti finali tal-parkeġġ biex tkun tista’ tgħaddi għall-fażi li jmiss fejn jidħlu x-xogħlijiet li jridu jsiru minnha.

SmartCity – Sejħa pubblika għall-bini ta’ ITS

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex toħroġ is-sejħa pubblika għall-bini ta’ ITS Campus ġdid ġewwa SmartCity? Jista’ jgħid ukoll meta bejn wieħed u ieħor hu ppjanat li jibda x-xogħol ta’ kostruzzjoni u li jitlesta dan il-proġett biex ikun jista’ jilqa’ fih l-ewwel studenti? Jista’ jgħid ukoll jekk dan il-proġett huwiex se jkun iffinanzjat minn xi programm tal-Unjoni Ewropea u jekk iva, minn liema programm u minn liema baġit?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proċess li jwassal għas-sejħa pubblika għall-bini tal-ITS Campus ġewwa Smart City għadu għaddej.

MSPP/02/2022

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar is-sejħa MSPP/02/2022 li għalqet fit-28 ta’ April 2023 ‘Concession for the regeneration and design, management, operation, maintenance and transfer back of the Evans building (Valletta) site as a superior quality tourism accommodation establishment’ u jgħid fiex wasal il-proċess ta’ aġġudikazzjoni ta’ din l-istess sejħa u meta hu maħsub li jingħalaq?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-proċess ta’ aġġudikazzjoni għas-sejħa MSPP/02/2022 huwa magħluq.

Marsalforn – Torri tal-Qbajjar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għamlet fl-aħħar sena l-Awtorità tal-Artijiet dwar it-Torri tal-Qbajjar f'Marsalforn, Għawdex, liema fortifikazzjoni storika tinsab fi stat ħażin ħafna u fil-periklu imminenti li tiġġarraf? X'beħsiebha tagħmel l-Awtorità biex tassigura li dan is-sit ma jiġġarrafx u jispiċċa darba għal dejjem? Jista’ jgħid ukoll għaliex l-Awtorità qed tkaxkar saqajha fuq dan is-sit storiku u ma tgħaddix dan is-sit lil Din l-Art Ħelwa, hekk kif kien il-ħsieb li jsir?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17567.

Għawdex — Second class water għall-bdiewa

Question

Tista’ l-Ministru taġġorna lill-Kamra dwar il-proġett tas-second class water għall-bdiewa ġewwa Għawdex u tgħid meta hu ppjanat (xahar u sena) li jibda jintuża mill-bdiewa ta' diversi nħawi differenti f'Għawdex?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-installazzjoni tal-pedestalli u smart dispensers f’Għawdex hi ppjanata li tkun kompluta fil-ġimgħat li ġejjin. Bħalissa qed isir ukoll it-tqegħid tal-fibre optic cable taħt l-art li jifforma parti integrali minn dan il-proġett. Huwa mmirat li s-sistema l-ġdida tan-new water f’Għawdex għandha tibda tiġi ttestjata u kummissjonata fit-tielet kwart ta’ din is-sena.

CT2361/2022

Question

B'referenza għas-sejħa CT2361/2022 - Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry for Gozo, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet stmata din is-sejħa meta ħarġet fis-suq? Jista’ jgħid liema xogħlijiet saru u kemm ġew jiswew sa issa permezz ta' din is-sejħa? Jista jgħid ukoll liema xogħlijiet hemm ippjanati li jsiru permezz ta' din is-sejħa fil-ġimgħat li ġejjin u kemm huma stmati li se jiġu jiswew?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Framework Agreement kien stmat għas-somma t’ Euro 2,268,903.00 (excl VAT).

Marsalforn — Triq Santa Marija u Triq il-Qbajjar

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 8382 u 12407 li ngħataw fil-15 ta' Mejju 2023 u fit-30 ta' Ottubru 2023 rispettivament, dwar xogħol ta' bini mill-ġdid fi Triq Santa Marija u Triq il-Qbajjar, f'Marsalforn, Għawdex, fejn kien ġie imwieġeb “li l-Ministeru bħalissa qed jaħdem fuq tender (DPS) ibbażat fuq kunċett li tinħoloq pjattaforma li twassal sabiex ikun hemm pool ta’ kuntratturi li wara mini-competitions jaqdu l-esiġenzi tal-Ministru għal Għawdex fejn tidħol l-infrastruttura. Dan il-pass qed isir sabiex tkompli tiżdied l-effiċjenza u l-ispeditezza tax-xogħlijiet li jkun hemm bżonn isiru”, jista’ l-Ministru jgħid: i. jekk dan it-tender (DPS) tlestiex; ii. jekk ħariġx u kemm hu l-valur tiegħu u għal kemm-il sena ser ikun; iii. meta ħa jibdew ix-xogħlijiet marbuta ma’ dan it-tender (DPS); u iv. liema toroq hemm ippjanati li jsiru permezz ta’ dan it-tender (DPS)?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għadu qed jaħdem fuq id-DPS.

Preliminary Market Consultation – L-aħħar żviluppi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-aħħar żviluppi dwar il-Preliminary Market Consultation (PMC) li ħarġet l-Aġenzija tal-Qrati ‘Proposal for Available Property or Land for Outright Acquisition in Victoria (Rabat) Gozo or in the Vicinity of Victoria (Rabat) Gozo to be Converted into Gozo Court’ li għalqet fis-6 ta’ Jannar 2023? Jista’ jgħid ukoll jekk il-proposti mitfugħa ġewx evalwati u jekk tħejjiex rapport fuq dawn il-proposti u jekk iva, iqiegħed ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11475.

Marsalforn — Ġnien it-Tliet Għoljiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema xahar u sena huwa ppjanat li Ġnien it-Tliet Għoljiet f’Marsalforn, Għawdex, li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, se jiġi rranġat u meta se ssir il-manutenzjoni meħtieġa peress li l-playing field tinsab fi stat ħażin ħafna u hija ta' periklu kbir għal min jiffrekwentaha? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ħaddiema jaħdmu f'dan il-ġnien preżentement?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ftit tal-jiem ilu ħaddiema tal-Ministeru wettqu xogħol ta’ manutenzjoni fuq ħajt li kien fi stat ħażin f’dan l-istess ġnien. Sadanittant kompla għaddej il-proċess sabiex toħroġ is-sejħa għall-offerti sabiex jinbidel it-tagħmir u jsir skont l-istandards.

Għawdex — Vetturi reġistrati bil-'Y' plate

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura bil-'Y' plate huma reġistrati f'Għawdex, ċjoè fuq persuni jew garages li għandhom ir-residenza tagħhom f'Għawdex? Jista' jgħid ukoll kemm kienu l-vetturi tal-istess għamla reġistrati f'Għawdex ħames snin ilu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sal-aħħar ta’ Marzu 2024 kien hemm 456 vettura żgħira rreġistrati ġewwa Għawdex għall-ġarr ta’ passiġġieri (Y Plates). Fis-sena 2019, ġewwa Għawdex kien hemm 199 vettura bil-pjanċa Y.

Għawdex – Toroq li sar l-asfalt fihom

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10458 u 11479 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tat-toroq ġewwa Għawdex, maqsuma skont il-lokalità, li saru mill-ġdid taħt il-wegħda tal-Gvern li jsir l-asfaltar tat-toroq kollha f’seba’ snin u flimkien mal-isem tat-triq rispettiva, iniżżel id-data ta’ meta tlesta x-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tender għall-provvediment ta’ oġġetti użati minn anzjani u persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender ‘Framework agreement for the provision of incontinence diapers, pull-ups, pads and inco-sheet for senior citizens and persons with special needs for the Ministry for Gozo’ CfT ID: SPD3/2022/045 li ġiet ippubblikata fis-7 ta’ Lulju 2022 fejn kien ġie mwieġeb li “dwar dan it-tender qiegħda tinstema’ kawża ta’ Appell quddiem il-Qorti”, u b’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10571 li ngħatat fis-6 ta’ Lulju 2023 fejn kien ġie mwieġeb li “t-tender għalqet nhar is-17 ta’ Marzu 2023 u ġiet awarded fil-5 ta’ Ġunju 2023. Madankollu, ġiet sottomessa oġġezzjoni oħra u għaldaqstant il-proċess reġa’ ġie sospiż”, jista’ l-Ministru jinforma bl-aħħar żviluppi dwar din is-sejħa u jekk din is-sejħa ġietx awarded?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għadu fi stadju ta’ appell.