Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kumpaniji Privati – Fondi Ewropej

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, l-Ugwaljanza, ir-Riforma u Djalogu Soċjali jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 9397 u 12689 u jgħid x’applikazzjonijiet saru minn kumpaniji privati għall-fondi tal-Unjoni Ewropea mill-Baġit 2014-2020? Jista' jgħid taħt liema programmi saru dawn l-applikazzjonijiet u f'kull każ għal xiex kellhom jintużaw il-fondi Ewropej? Jista’ jgħid f’liema stadju waslu l-applikazzjonijiet minn dawn il-kumpaniji privati u ċjoè jekk ġewx approvati jew le? Jista' jgħid dawk li ġew approvati, liema kienu u x'inhu l-persentaġġ li joħorġu mill-fondi tal-Unjoni Ewropea u mill-Gvern Malti u jelenka f’kull każ l-isem tal-kumpanija benifiċjarja? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm applikazzjonijiet pendenti fil-preżent u meta ser jagħlaq dan il-programm?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba rigward Grant Agreements ma’ kumpaniji privati għall-fondi tal-Unjoni Ewropea mill-Baġit 2014-2020 tinsab fit-tabella hawn taħt mehmuża. Fil-preżent ma hemm ebda applikazzjoni pendenti. Fond Rata ta’ Ko-finanzjament mill-Unijoni Ewropea % Għeluq tal-Programm SMEi 100 31.12.2023 ERDF (EERE) 80 31.12.2023 ERDF 80 31.12.2023 EAFRD 75 31.12.2025 EMFF 75 31.12.2023 INTERREG Italja-Malta 85 31.12.2023 INTERREG MED 85 31.12.2023 ENI CBC MED 90 31.12.2023 Erasmus+ 100 31.12.2024

Sejħa għal Kiri tar-Raba’ Vapur għall-Gozo Channel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex tinħareġ sejħa mill-Ministeru għal Għawdex 'for the hire of one ropax vessel under a time charter agreement (bimco ropaxtime)' biex jerġa’ jinkera r-raba’ vapur għall-Gozo Channel? Jista jgħid f’liema xahar u sena hu ppjanat li toħroġ din is-sejħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Gozo Channel qed tagħmel diskussjonijiet interni mad-dipartimenti kkonċernati dwar dan is-suġġett. Ladarba dawn id-diskussjonijiet ikunu ġew konklużi, jista’ jibda l-proċess biex tinbeda sejħa ġdida għall-offerti.

Local Plans ta’ Malta u Għawdex

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 6083 (tat-Tlettax-il Leġislatura li ġiet imwieġba fit-13 ta' Ġunju 2018) u 8737 dwar fiex wasal il-proċess biex jiġu riveduti l-Local Plans ta’ Malta u Għawdex, fejn dakinhar kien ġie mwieġeb li "x-xogħol fuq ir-reviżjoni komprensiva tal-Pjanijiet Lokali kollha għal Malta u Għawdex kompla għaddej u issa qed ikun hemm focus fuq numru ta’ issues li huma ta’ natura aktar strateġika u li jinħtieġ ġbir ta’ aktar informazzjoni u evalwazzjoni ta’ options differenti u li l-Awtorità tal-Ippjanar għaddejja bi studji varji, meħtieġa għal reviżjoni tal-Local Plans", jista’ l-Ministru jgħid x'sar f'dawn is-snin u x'inhu jsir fil-preżent u jekk il-Local Plans ta' Malta u ta' Għawdex humiex se jiġu riveduti matul is-sena 2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interperllant li x-xogħol fuq ir-reviżjoni komprensiva tal-Pjanijiet Lokali kollha għal Malta u Għawdex għadu għaddej.

Ir-Rabat u l-Għasri (Għawdex) – Triq Wied Sara – Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew u jkunu finalizzati x-xogħlijiet kollha fi Triq Wied Sara, bejn ir-Rabat u l-Għasri, peress li tinsab fi stat ħażin ħafna u ta' periklu għas-sewwieqa li jgħaddu minn din it-triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tar-Rabat li dan ix-xogħol hu pjanat li jsir mill-Ministeru għal Għawdex.

Kerċem (Għawdex) – Ta’ Klula – bini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jinbnew mill-ġdid toroq ġewwa ta' Klula f'Ta' Kerċem permezz ta' fondi tal-Unjoni Ewropea mill-programmi ta' fondi ta’ bejn is-snin 2014-2020 li ngħataw lill-Ministeru għal Għawdex ? Jista’ jgħid ukoll f’liema xahar u sena hu ppjanat li jinbeda u jitlesta x-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti għal dawn ix-xogħlijiet qiegħda tinħadem.

Djar tal-Anzjani f’Għawdex – waiting list għas-servizz ta’ physiotherapy

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-waiting list (f'tul ta' żmien) biex jingħata servizz ta' physiotherapy mill-Gvern fid-djar tal-anzjani f'Għawdex fil-preżent?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistqosija parlamentari lill-Ministeru kkonċerant.

Għawdex – servizz ta’ rijabilitazzjoni għall-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'servizzi ta' rijabilitazzjoni għall-anzjani hemm f'Għawdex bħalma jingħata fl-Isptar Karin Grech, f'Malta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li d-dipartiment tal-fiżjoterapija fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex joffri servizz kemm inpatient kif outpatient.

Ix-Xewkija (Għawdex) – Triq il-Pitkalija — asfalt

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10780 li ngħatat fil-11 ta' Lulju 2023, dwar x'inhuma r-raġunijiet li Triq il-Pitkalija, fix-Xewkija Għawdex, ilha għal aktar minn tliet snin b'kisja waħda ta' asfalt u meta hi ppjanata li tingħata l-aħħar kisja sabiex din tkun lesta u fid-dawl li t-tweġiba kienet “tlabt lid-dipartiment ikkonċernat sabiex tali kisja tingħata”, jista’ l-Ministru jgħid għaliex għaddew iktar min tliet xhur u din it-triq għadha b' kisja waħda asfalt u jgħid ukoll meta ser tingħata t-tieni kisja?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ix-xogħol se jsir fiż-żmien li ġej.

Għawdex — Bini ta’ Fire Station

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul din il-Leġiżlatura hemmx ħsieb li jinstab post ġdid u tinbena fire station skont Standards Ewropej għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġewwa Għawdex, sabiex ilaħħaq mal-ħtiġijiet u bżonnijiet preżenti u futuri tal-gżira Għawdxija?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Proġett ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq — proċess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jinbnew mill-ġdid Triq Għajn Abdul u Triq Wied Juno li tgħaqqad ir-raħal ta’ Santa Luċija mar-raħal ta’ San Lawrenz, permezz ta' fondi tal-Unjoni Ewropea, mill-programmi ta' fondi ta’ bejn is-snin 2014-2020 li ngħataw lill-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid ukoll f’liema xahar u sena hu ppjanat li jinbeda u jitlesta x-xogħol f'dawn l-imsemmija toroq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qiegħda tinħadem is-sejħa għall-offerti għal dawn ix-xogħlijiet.

Ministeru għal Għawdex – Proġetti f’Għawdex taħt il-Programm The Connecting Europe Facility 2021-2027

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti f’Għawdex li l-Ministeru għal Għawdex applika sa issa jew hemm ħsieb li japplika għalihom sabiex isiru mill-programm ‘The Connecting Europe Facility 2021-2027’ u jgħid liema minnhom ġew aċċettati, liema ma ġewx aċċettati, kemm ingħataw flus s’issa u kemm se jingħataw flus lill-Ministeru għal Għawdex minn dan il-fond għal dawn il-proġetti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar huwa dejjem attent għall-applikazzjonijiet u opportunitajiet ta’ fondi Ewropej, inkluż il-Programm Connecting Europe Facility, u jekk jidentifika xi sejħa li hija ta’ benefiċċju għal Għawdex u li taqa’ taħt il-mandat tiegħu jissottometti l-applikazzjoni meħtieġa.

Għajnsielem – Triq Ġużeppi Cauchi — Aċċess

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16498, jista’ l-Ministru jgħid għaliex Triq Ġużeppi Cauchi f'Għajnsielem li nfetħet ftit taż-żmien ilu għadha bis-sinjali tad-dead end f'kull tarf tagħha meta issa suppost li hija triq passaġġa u li tinfed min-naħa għall-oħra? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx xi raġuni għaliex din it-triq pubblika qed tiġi ostakolata mil-liberu aċċess għall-pubbliku? Jista' jgħid ukoll x'qed iżomm biex f'din it-triq jiġu mgħoddija s-servizzi irrispettivament mill-proċess ta' esproprjazzjoni?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa ma hemmx proċess ta’ espropjazzjoni.

In-Nadur (Għawdex) — Triq it-Tiġrija u Triq il-Qala - Xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13127, fejn ġie mwieġeb li ' Il-Ministeru talab lill-periti nkarigati sabiex sal-aħħar ta’ din is-sena jippreżentaw il-pjanti preliminari ħalli wara l-analiżi nkunu nistgħu noħorġu t-tender għax-xogħlijiet tat-tali triq', jista' l-Ministru jgħid jekk dawn il-pjanti preliminari ġewx ippreżentati u saritx l-analiżi? Jista’ jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq Triq it-Tiġrija u Triq il-Qala, fin-Nadur? Jista' jgħid jekk ħarġux xi tenders oħra u liema minnhom ġew awarded? Jista' jgħid ukoll kemm hu l-vot għax-xogħol fuq dawn it-toroq għas-sena 2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar.

Għawdex – Tindif ta’ Widien

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5760, peress li f’din it-tweġiba jingħad “li matul dawn is-snin tħejjew il-permessi neċessarji biex isir it-tindif tal-widien. Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena se jkunu qed jinħarġu s-sejħiet għall-offerti għat-tindif ta’ 12-il wied madwar Għawdex. It-tindif ta’ dawn il-widien għandhom allokat kofinanzjament tas-somma ta’ €2,316,736.00, li minnhom 80% huma ffinanzjati minn fondi Ewropej filwaqt li l-20% l-oħra huma ffinanzjati minn fondi nazzjonali”, jista’ l-Ministru jgħid jekk inħarġux is-sejħiet għall-offerti fl-ewwel kwart tas-sena 2022? Jekk iva, jista’ jgħid meta ħarġu u meta ġew awarded kif ukoll meta nbeda u tlesta x-xogħol kollu mitlub mis-sejħiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba s-sensittivita’ tar-rijabilitazzjoni ta’ ċertu widien, din is-sejħa għadha qed tinħadem.

Air Malta – Diretturi fil-bord

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm diretturi fil-bord tal-Air Malta kull sena mis-sena 2014 sal-aħħar ta' Marzu 2024, maqsuma sena b’sena u x’kienet ir-remunerazzjoni ta’ kull wieħed?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ix-Xewkija (Għawdex) – Ġnien Ulysses Grove — xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22727 tat-13-il Leġiżlatura, li ngħatat fis-16 ta’ Novembru 2021, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fil-Ġnien Ulysses Grove fix-Xewkija, Għawdex, peress li dan issemma f’diversi baġits ta’ dan il-Gvern iżda issa jidher li x-xogħol fuqu waqaf u ma reġax issemma? Jista’ jgħid ukoll jekk ix-xogħol tkompliex f’dawn l-aħħar sena u nofs, x’tip ta’ xogħol sar u meta hu maħsub li jkun lest (xahar u sena) u jibda jitgawda mill-pubbliku?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qiegħda tinħadem is-sejħa għall-offerti sabiex dan il-ġnien jinbidel f’park għall-familja.

Persuni impjegati mal-Gvern, mal-kumpaniji parastatali u aġenziji tal-Gvern permezz tal-kumpaniji privati

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12537 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm persuni ġew impjegati mal-Gvern, mal-kumpaniji parastatali u aġenziji tal-Gvern permezz tal-kumpaniji privati mis-sena 2013 sas-sena 2017, mis-sena 2017 sal-2022, u mill-aħħar elezzjoni sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13353.

Pensjoni tal-invalidità – Tobba assenjati lill-bord

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12533 u jgħid kemm kien hemm tobba assenjati lill-bord biex jiċċertifikaw nies li japplikaw għall-pensjoni tal-invalidità mis-sena 2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll min kienu dawn it-tobba u għal kemm żmien servew?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif qed tkun preżentata fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pensjoni tal-invalidità – Persuni ċertifikati bħala ‘invalidi’

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12534 u jgħid kemm ġew ċertifikati persuni bħala ‘invalidi’ u ħadu l-pensjoni tal-invalidità mis-sena 2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif qed jinġabar.

Għawdex — Qorti - Persuni responsabbli mis-sistemi tal-IT u video conferencing

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fil-Qorti ta' Għawdex m’hemmx persuna responsabbli mis-sistemi tal-IT u video conferencing tant li kull darba li qed ikun hemm problema l-Qorti jkollha tieqaf jew tipposponi? Jista’ jgħid ukoll meta se jara li jkun hemm persuna kwalifikata u responsabbli minn dan?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sitwazzjoni li jkun hemm xi ħadd appositu dedikat fuq is-sit ta’Għawdex ħa tkun risolta fil-futur qarib.