Legislature:
Category:
Reset
Active:

Studenti tal-Kinder u Primarja / Għalliema / LSEs / KGAs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti tal-Kinder u tal-primarja, maqsuma separatament, għal kull skola, kemm dawk tal-Gvern, tal-Knisja kif ukoll dawk Indipendenti, fl-aħħar ta' April 2024 u kemm minn dawn kienu ta' nazzjonalità barranija? Jista' jgħid ukoll kemm kien in-numru ta' għalliema f'kull skola primarja kif ukoll in-numru ta' LSEs u KGAs f'kull skola?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

SPD3/2024/045 — 'TENDER FOR FINISHING, MECHANICAL AND ELECTRICAL WORKS USING ENVIRONMENTALLY FRIENDLY PRODUCTS AT THE NEW GOZO CHANNEL (OPERATIONS) LTD PREMISES AT MGARR, GOZO'

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu maħsub li ser idum ix-xogħol relatat mas-sejħa: SPD3/2024/045 - 'TENDER FOR FINISHING, MECHANICAL AND ELECTRICAL WORKS USING ENVIRONMENTALLY FRIENDLY PRODUCTS AT THE NEW GOZO CHANNEL (OPERATIONS) LTD PREMISES AT MGARR, GOZO' u jgħid kemm hi stmata din is-sejħa meta ħarġet fis-suq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari tinsab f’paġna 4 tal-imsemmi dokument tat-tender. It-tender hi stmata €735,000 u x-xogħol huwa maħsub li jdum 6 xhur.

Żebbuġ Għawdex — Triq is-Sagħtrija - xogħlijiet

Question

B'referenza għal xogħlijiet li saru mid-Diviżjoni tal-Istrateġija u s-Sapport tal-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2022, sabiex saret it-trinka biex ikun jista’ jiġi mgħoddi cable tal-elettriku fil-parti tat-telgħa ta' Triq is-Sagħtrija fiż-Żebbuġ, Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-downlighters f'din l-imsemmija triq bdewx jinxtegħlu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol għadu għaddej.

Għawdex u Kemmuna – Proprjetajiet mogħtija b’encroachments

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' proprjetajiet li ngħataw b'encroachments ġewwa Għawdex u Kemmuna mill-1 ta' Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż lil min ingħataw, f’liema raħal ingħataw, għal liema skop u kemm ġew mitluba jħallsu?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7816.

In-Nadur — Triq tal-Ħanaq - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol ta' resurfacing u tingħata t-tieni kisja asfalt fi Triq tal-Ħanaq fin-Nadur, liema xogħol ilu li beda aktar minn tmien snin u nofs iżda għadu ma tlestiex? Jista’ jgħid ukoll jekk it-tieni kisja asfalt ta' din l-imsemmija triq hux ser tingħata qabel jibda s-sajf 2024 u jekk le meta ser tingħata t-tieni kisja asfalt?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed jimxi skont programm ta’ prijoritajiet għall-Infrastruttura f’Għawdex.

Sptar Mater Dei — Ħatra ta’ individwu

Question

B’referenza għall-ħatra tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fl-Isptar Mater Dei, jista’ l-Ministru jgħid xi proċess ġie segwit biex intgħażlet din il-persuna?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Kariga ta’ Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni)

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk ġietx appuntata persuna fil-kariga ta’ Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni), dan tenut kont li din il-kariga saret vakanti f’Ottubru 2023?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

San Lawrenz — Triq id-Dwejra - Skular ta’ ilma maħmuġ jew drenaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex tissolva l-problema ta’ skular ta’ ilma maħmuġ jew drenaġġ li ilha ħierġa minn katusa li tinsab fil-ġenb tat-triq, fi Triq id-Dwejra, ftit ’l isfel miċ-ċimiterju ta' San Lawrenz, f’Għawdex għal dawn l-aħħar xhur?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li kull darba li qed ikun hemm ilment dwar skular ta’ ilma dejjem ġie iċċekkjat imma qatt ma rrizulta li hu drenaġġ.

Għawdex — Trasport pubbliku - Studju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju speċifiku dwar it-trasport pubbliku ġewwa Għawdex biex jiġu stabbiliti rotot u frekwenza aħjar tat-trasport pubbliku sabiex ikun aktar effiċjenti? Jekk iva, jista’ jqiegħed dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid kemm mir-rakkomandazzjonijiet li saru, twettqu s’issa u fiex kienu jikkonsistu? Jista jgħid ukoll x’rakkomandazzjonijiet oħra hemm ippjanati li jiġu imwettqa minn issa sal-aħħar tas-sena 2024 u fiex se jkunu jikkonsistu?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Intepellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13417.

Marsalforn – Parti minn triq ix-Xagħra — Bini ta’ triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li tinbena mill-ġdid parti minn triq ix-Xagħra (minn ħdejn il-Ġnien tat-Tliet Għoljiet sa ħdejn il-Knisja ta' Marsalforn) peress li tinsab fi stat ħażin ħafna? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx pjanijiet li din issir fis-sena 2024? Jekk le, jista' jgħid jekk sarux rapporti dwar l-istat ta' din it-triq u jekk iva, min għamilhom u jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet f’din it-triq huma fil-pjan tal-Ministeru.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex — 'Emergency Ambulance Responder Trainee / Emergency Ambulance Responder 1 at the Gozo General Hospital' - Applikanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-interviews għas-sejħa li ħarġet fix-xhur li għaddew biex jiddaħħlu persuni fil-grad ta' 'Emergency Ambulance Responder Trainee / Emergency Ambulance Responder 1 at the Gozo General Hospital' sarux u meta ħareġ ir-riżultat? Kemm kien hemm applikanti u kemm minnhom għaddew mill-interview? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ippjanati li jiddaħħlu ħaddiema f'dan il-grad skont il-Capacity Building fil-ġimgħat li ġejjin?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-interviews għal Emergency Ambulance Responder Trainee / Emergency Ambulance Responder 1 għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex saru u r-riżultat inħareġ fil-5 ta’ Marzu 2024. Kien hemm 101 applikant li minnhom 55 għaddew dan il-proċess ta’ selezzjoni. Ir-riżultat huwa validu għal-sena u jiġu appuntati kandidati skont l-eżiġenzi tas-Servizz tul din-is-sena.

Benefiċċju ta’ Diżabilità Severa — Applikanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ applikazzjonijiet li saru minn applikanti Għawdxin u li minnhom ġew milqugħa mill-Bord Mediku għall-Benefiċċju ta’ Diżabilità Severa bejn l-2013 u l-2024 maqsuma sena b'sena, kif ukoll ir-raħal jew belt skont fejn huma rreġistrati l-applikanti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif qed jinġabar.

Għajnsielem – Berġa tas-Saħħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta (xahar u sena) ser tkun qed terġa’ topera mill-ġdid il-Berġa tas-Saħħa ġewwa Għajnsielem f’Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li ċ-ċwievet tas-sit li fih li kien hemm il-Berġa ta’ Għajnsielem kienu ġew mogħtija lura lill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem f’Diċembru 2021.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati (kemm tal-Gvern, skema, kuntrattur jew b'kuntratt) fil-preżent fl-uffiċini tal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali ġewwa Għawdex u f’liema grad huma?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-uffi`ini f’Għawdex fi ħdan il-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli hemm 46 ħaddiem (Gvern, Skema u Kuntrattur). Dawn il-ħaddiema huma fi gradi ta’ Clerk, Assistant Clerk, Fisheries Protection Officer, Assistant Fisheries Officer, Manager I, Security Officer, Receptionist, Cleaners, Senior Manager, Environmental Officer, Executive officer, Senior Operative u Manager II.

Għawdex — Ħaddiema li jaħdmu fuq it-tindif tat-toroq u pjazez

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema (kemm tal-Gvern, skema, kuntrattur jew b'kuntratt) li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, li jaħdmu fuq it-tindif tat-toroq u pjazez ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-grad ta’ dawn il-persuni u kif inhuma mqassmin f’kull raħal u belt li hemm f’Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għal Għawdex – entitajiet li applikaw għall-Fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk l-entitajiet, dipartimenti jew awtoritajiet fid-dekasteru tiegħu li applikaw għal xi forma ta' fondi mill-Unjoni Ewropea matul is-sena 2024? Jista’ jgħid ukoll għal liema fondi applikaw u x’kien l-eżitu, kemm ingħataw fondi kull direttorat u entità għal kull applikazzjoni u għal xiex ingħataw?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2024 id-Direttorat EkoGħawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ingħata fondi li jammontaw għal €141,549.60 mill-Interreg Euro-Med Programme għal progett ReMED. Matul l-2024, il-Ministeru applika wkoll għal numru ta’ proġetti oħrajn. L-eżitu ta’ dawn l-applikazzjonijiet għadu jrid jiġi deċiż.

Dħul mill-Income Tax ta’ Persuni u kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid matul is-sena 2023 sal-ġuranta li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm għamel dħul il-Gvern mill-Income Tax ta’: a. persuni individwali; u b. kumpaniji?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant li dħul tal-Gvern mill-Income Tax mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Marzu 2024 kien kif muri hawn taħt: Persuni Individwali Kumpaniji Total € € € Dħul Gross 1,981,498,058.64 1,336,507,237.09 3,318,005,295.73 Rifuzjonijiet 80,062,217.00 88,124,808.31 168,187,025.31 Dħul Nett 1,901,435,841.64 1,248,382,428.78 3,149,818,270.42

Kunsill Lokali Qala — tender

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm kienet ġiet awarded it-tender 'Tender for culvert and asphalt road works at Triq il-Kunċizzjoni, Qala, Gozo' QLLC/04/2019 mill-Kunsill Lokali Qala? Jista’ jgħid ukoll meta tlestew ix-xogħlijiet relatati ma’ din is-sejħa u kemm kienu jammontaw il-varjazzjonijiet fuq din is-sejħa u min approvahom? Jista’ jgħid ukoll jekk fadalx kontijiet pendenti fuq din it-tender u jekk iva meta u kif ħa jitħallsu?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

MDIA — Regolamentazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed tieħu l-Malta Digital Innovation Authority (MDIA) fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-użu tal-Artifical Intelligence f’Malta?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li Malta se tkun qed timplimenta l-Att dwar l-Intelligenza Artificjali hekk kif jiġi fis-seħħ ir-Regolament tal-UE. L-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta qed tieħu l-passi neċessarji biex tassigura li Malta tibqa’ fuq quddiem fejn tidħol ir-regolamentazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali (IA), u dan qed tagħmlu bl-aġġornar tal-qafas leġiżlattiv liema abbozz jinsab fi stadju tal-Ewwel Qari fil-Parlament. Dan il-qafas sussegwentament jippermetti li tiġi ppublikata l-leġiżlazzjoni sussidjarja dwar ir-regolamentazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali kif tkun delinejata mir-Regolament tal-UE. Barraminnhekk, l-Awtorita’ diġa’ bdiet il-ħidma f’dan ir-rigward permezz tat-tisħiħ fil-kapaċitajiet, taħdidiet ma’ entitajiet kompetenti oħra sabiex jiġu delinjati r-responsabbilitajiet, diskussjonijiet tekniċi mal-operaturi ekonomiċi u mal-Kummissjoni Ewropeja, l-aġġornar tas-sistemi u informazzjoni lill-pubbliku inġenerali. L-Awtorità qiegħda tmexxi wkoll riallinjament tal-istrateġija u l-viżjoni ta’ Malta dwar l-IA fil-kuntest tal-avvanzi regolatorji fost l-oħrajn.

Ir-Rabat (Għawdex) Triq Ġuże Ellul Mercer — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul din il-Leġiżlatura hux ser titkompla Triq Ġużè Ellul Mercer, fir-Rabat Għawdex, peress li tinsab fi stat ħażin ħafna u fl-aħħar xhur saret biss parti minnha u mhux it-triq kollha kemm hi? Jista’ jgħid għala saret parti biss minn din it-triq u ma saritx it-triq kollha kemm hi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ix-xogħol se jsir fiż-żmien li ġej.