Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Belt Valletta — Triq il-Merkanti - Stabbilimenti tal-ikel awtorizzati biex ikollhom imwejjed u/jew siġġijiet fit-triq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18473 u jgħid kemm hemm stabbilimenti tal-ikel, irrispettivament mill-mod kif deskritti, fi Triq il-Merkanti, fil-Belt Valletta, li huma awtorizzati mill-Awtorità tal-Artijiet biex ikollhom imwejjed u/jew siġġijiet fit-triq?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fi Triq il-Merkanti l-Belt Valletta hemm 31 encroachment għall-użu ta’ mwejjed u siġġiiet fit-triq.

Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima — CEO

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk ġiex magħżul is-CEO tal-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima? Jekk iva, tista’ tgħid xi proċedura ntużat biex jintgħażel is-CEO?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Att XVI tal-2024 fuq Azzjoni dwar il-Klima għad irid jidħol fis-seħħ. Ladarba jseħħ dan u tkun twaqqfet ukoll l-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima, il-kariga ta’ Uffiċjal Kap Eżekuttiv timtela skont kif jipprovdi l-Artiklu 12(2).

Direttiva (UE) 2024/1203

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri ttieħdu jew huma maħsuba li jittieħdu fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva (UE) 2024/1203 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali u li tissostitwixxi d-Direttivi 2008/99/KE u 2009/123/K?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Għajnsielem – Triq Ġużeppi Cauchi

Question

It-triq fejn Triq Kemmuna tingħaqad ma’ Triq Ġużeppi Cauchi f’Għajnsielem waslet f’punt inaċċettabbli kemm għar-residenti tal-qrib kif ukoll għal kull min jużaha, wara li ilha snin tiddegrada, u b’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 16498 u 18688 fejn intqal li ‘sa issa ma hemmx proċess ta’ esproprjazzjoni’, jista’ l-Ministru jgħid: i. Għaliex hemm sinjali ta’ Dead End maż-żewġ naħat tat-triq, iżda t-traffiku xorta qed jgħaddi ’l fuq u ’l isfel? ii. Għaliex m’hemm l-ebda sinjal ta’ No Entry? iii. Għaliex parti sinifikanti ta’ din it-triq hija mħarbta ħafna, magħmula biss minn torba u żrar - saħansitra f’ċerti partijiet b’gandott fond min-naħa sal-oħra tat-triq b’konsegwenzi gravi għat-traffiku li jgħaddi minnha - kif ukoll bi problemi persistenti ta’ iġjene u drenaġġ a skapitu tar-residenti? iv. Għaliex fit-triq hemm kaxxa tad-dawl li tista’ tintlaħaq minn min jgħaddi minnha, b’meter temporanju u b’wires ikkomunikati magħha li għaddejjin mal-art u li qed jgħaddu l-vetturi minn fuqhom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi huwa minnhu li hemm it-tabelli ta ‘Dead End’ li jfissru li t-triq tagħlaq, madankollu dawn ma jimpedux milli dak li jkun jidħol bil-vettura għar-residenza tiegħu. Barra minn hekk ma hemmx lok għal sinjali ‘No Entry’. Dan għar-raġuni li jekk isiru ma jibqax aċċess għar-residenti. Għar-Rigward tal-Punti l-oħra nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Sptarijiet tal-Istat — Sodod

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm sodod fl-isptarijiet tal-Istat kemm f'Malta u kemm f'Għawdex għal kull mitt elf (100,000) abitant li għandna f'pajjiżna?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-isptarijiet tal-Istat għandna 415.2 sodda għal kull mitt elf abitant f’pajjiżna.

Sptar Mater Dei u Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – Pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-pazjenti li għamlu użu mill-Isptar Mater Dei jew mill-Isptar Ġenerali ta' Għawdex fl-2023 kienu ta' nazzjonalità barranija u kemm minnhom kienu Maltin? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn għamlu operazzjonijiet, kemm għamlu użu mill-outpatients u kemm għamlu użu mis-servizz tal-emerġenza?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Hip replacement u knee replacement – Operazzjonijiet fuq pazjenti barranin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet tal-hip replacement u knee replacement fuq pazjenti ta' nazzjonalità barranija fis-snin 2022 u 2023?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ftehim dwar proprjetà immobbli

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13423 li ngħatat fil-4 ta' Diċembru 2023, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati u għala qed isiru bejn il-Gvern u s-Santa Sede dwar ftehim ġdid li jirregola l-proprjetà immobbli li l-Knisja Kattolika għaddiet lill-Istat Malti fl-1991?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-negozjati bejn il-Gvern u s-Santa Sede dwar Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim tal-1991 bejn iż-żewġ partijiet dwar propjetà immobbli li l-Knisja Kattolika għaddiet lill-Istat Malti għadhom għaddejjin sabiex jintlaħaq ftehim testwali bejn iż-żewġ naħat.

Gozo Channel (Operations) Ltd — Audited accounts

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-audited accounts għas-sena 2022 tal-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-audited accounts għas-sena 2022 tal-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd. qed jigu ffinalizzati. Malli jkunu lesti dawn se jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex u Kemmuna — TCNs b’permess għal negozju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom permess għal negozju ġewwa Għawdex u Kemmuna u x’tip ta’ negozju?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex ikun aktar speċifiku għal liema tip ta’ permess qed jirreferi.

Pensjoni tal-invalidità — Persuni ċertifikati bħala ‘invalidi’

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ċertifikati persuni bħala ‘invalidi’ u ħadu l-pensjoni tal-invalidità mill-1 ta' Novembru 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif qed tkun preżentata fi tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex — Servizz ta’ physiotherapy fid-djar lill-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-waiting list (f'tul ta' żmien) biex jingħata servizz ta' physiotherapy mill-Gvern fid-djar tal-anzjani f'Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm sitta u għoxrin persuna jistennew biex jieħdu s-servizz tal-fiżjoterapija fid-dar. Il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar kommess li jindirizza d-domanda li kull ma jmur qed tiżdied.

Ministeru għal Għawdex — Ħaddiema seconded jew on loan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm kien hemm u kemm hemm ħaddiema seconded jew on loan mal-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid ukoll x'tip ta’ xogħol qed jagħmlu mal-Ministeru għal Għawdex u x’kien ix-xogħol tagħhom (il-grad jew job description) u ma’ liema Ministeru, entità, awtorità, korporazzjoni, aġenzija jew kumpanija tal-Gvern kienu jaħdmu qabel ġew seconded jew ġew on loan mal-Ministeru għal Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għal Għawdex — Proġetti kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea taħt il-programm LIFE Integrated Project tal-baġit il-ġdid tal-Unjoni Ewropea 2021-2027 li applika għalihom il-Ministeru għal Għawdex u fejn jinsabu f’Għawdex, liema ġew aċċettati u se jibbenefika minnhom u liema ma ġewx aċċettati sa issa? Jista’ jgħid ukoll kemm se jingħata flus il-Ministeru għal Għawdex minn dan il-fond fuq kull proġett u jekk hux se jingħata aktar flus u jekk iva, kemm se jingħata minn dan il-fond u għal liema proġetti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s'issa m'hemmx proġetti ffinanzjani mill-programm LIFE f'dan il-perjodu.

Xagħra, Għawdex — Għar ta' Calypso

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Għar ta' Calypso fix-Xagħra Għawdex, liema għar ilu magħluq għall-pubbliku għal diversi snin peress li kienet ċediet parti minnu u fid-dawl tal-fatt li ż-żewġ Ministri ta' qablu ddikjaraw kemm-il darba li x-xogħol kien wasal biex jibda u li dalwaqt jerġa’ jinfetaħ? Jista’ jgħid ukoll xi progress sar f'dawn l-aħħar seba’ xhur u meta hu maħsub li bejn wieħed u ieħor, ikunu jistgħu jinkisbu l-permessi meħtieġa biex eventwalment ikun jista’ jibda x-xogħol meħtieġ?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-15 ta’ Marzu 2024 inkisbu l-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Kunsilli Lokali – Allokazzjoni għas-sena 2024

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13502 u jgħid kemm ser tkun l-allokazzjoni għal kull kunsill lokali għas-sena 2024 u jekk iż-żieda li ser jieħu kull kunsill hux ser tkun biżżejjed biex tkopri ż-żieda tal-għoli tal-ħajja kif ukoll l-għoli fil-prezzijiet tas-servizzi u materjal? Jista' jgħid ukoll matul dawn l-aħħar għaxar snin kemm kienet l-allokazzjoni ta' kull kunsill lokali maqsuma sena b'sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni miġbura u mgħoddija lili.

Kap. 635 — Att dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi tal-Konsumaturi

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 11101, 11847 u 12795 u b’referenza għall-artikolu 6(1) tal-Att dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi tal-Konsumaturi, Kap. 635, jista’ l-Ministru jispjega kif l-istess artikolu jirrelata mal-irwol tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) meta skont il-Kap. 635 l-awtorità kompetenti, għall-finijiet tal-artikolu 6(1), huwa l-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur fejn allura l-artikolu 6(1) jittratta biss dwar tagħrif fuq entitajiet kwalifikati li jkunu ġew imwaqqfa bil-għan li jressqu azzjonijiet rappreżentattivi transfruntiera li l-istess Kunsill għandu jagħti lill-Kummissjoni Ewropea?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Kif korrettament osservat mill-Onor. Interpellant, huwa l-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur u entitajiet kwalifikati skont l-istess Att li jistgħu jieħdu passi u/jew irressqu azzjonijiet hekk kontemplati fl-istess Att. L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu la hija l-Awtorità kompetenti u anqas ma hi entità kwalifikata skont l-Att relattiv. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Ekonomiija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet — Chairpersons u membri ta’ entitajiet pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12017 u 13492 u jgħid min huma ċ-Chairpersons u l-membri ta’ kull entità pubblika - irrispettivament mill-mod kif deskritti - li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, u f’kull każ jgħid: (a) kull persuna kemm ilha fil-ħatra, u (b) meta tiġi fit-tmiem il-ħatra attwali ta’ kull persuna?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Filwaqt li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba, nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw fil-mistoqsijiet parlamentari 16174, 16175, 16176, 16177, 16179, 16180 u 16181. Ninforma l-Onor. Interpellant li l-kumplament tal-informazzjoni se tingħata f'seduta oħra.

Żebbuġ, Għawdex — Berġa tas-Saħħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta (xahar u sena) se tkun qed terġa’ topera mill-ġdid il-Berġa tas-Saħħa ġewwa ż-Żebbuġ f’Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li ċ-ċwievet tal-Berġa taż-Żebbuġ ngħataw lura lill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ f’Settembru 2022. Illum, permezz taċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid fil-Belt Victoria, u t-tliet Kliniċi tal-Komunità fix-Xewkija, fl-Għarb u fil-Qala, li kollha joffru numru ta’ servizzi multidixxiplinarji, il-popolazzjoni Għawdxija hija moqdija kompletament bis-servizz tal-kura primarja fil-komunità.