Att dwar il-Karta tal-Identità u Dokumenti oħra tal-Identità — Uffiċjali awtorizzati
Question
Jista’ l-Ministru jipprovdi lista tal-persuni li mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kienu jew huma uffiċjali awtorizzati a tenur tal-Kap. 258?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li t-twettiq tal-funzjonijiet u dmirijiet tal-amministrazzjoni pubblika fil-materja ta’ proċessar u ħruġ ta’ karti tal-identità u dokumenti oħra tal-identità, huma bis-saħħa ta’ dak provdut fil-Liġi Sussidjarja 595.07 tal-Liġijiet ta’ Malta fdati lill-Aġenzija Identità, liema Aġenzija hija immexxija minn Kap Eżekuttiv u li huwa responsabbli mill-funzjonijiet u d-dmirijiet tal-Aġenzija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu ħaddiema mill-Iskema tal-Ħaddiema fil-Komunità (CWS) assenjati miegħu kull Kunsill Lokali f’ Malta u Għawdex? Jista’ jgħid ukoll x’inhu x-xogħol li qed jiġi assenjat kull wieħed minn dawn il-ħaddiema?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba u mgħoddija lili mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali li ngħataw special leave? Jista’ jgħid ukoll f’kull każ x’kienet ir-raġuni li għaliha ngħata dan l-ispecial leave u għal kemm żmien kien dan il-leave?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li matul is-sena kurrenti impjegat wieħed mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali ingħata leave għal perjodu ta’ sena għal xogħol ma’ organizzazzjoni volontarja.
Jista’ l-Ministru jgħid x’safar kienu involuti fih uffiċjali tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali (DLG) mill-bidu tas-sena 2000 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kif u minn min kienet iffurmata kull delegazzjoni u mil-liema vot ittieħdu l-fondi? X’kien il-benefiċċju għad-Dipartiment u l-Kunsilli Lokali li ħareġ minn kull safra?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant li biex tinġabar din l-informazzjoni mitluba tinqabeż l-advisory cost.
MCCAA — Kariga ta’ Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni)
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 14747, 15894, 19204 u 19891, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk saritx sejħa għall-kariga ta’ Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)? Jekk saret, jista’ jgħid:
i. meta saret;
ii. kienx hemm applikanti u jekk kien hemm, kemm kien hemm;
iii. x’inhu l-istatus attwali; u
iv. x’qed iżomm milli jinħatar id-Direttur Ġenerali tenut kont li għaddew aktar minn disa’ xhur minn meta ġiet vakanti din il-kariga ta’ ċertu importanza?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li s-sejħa għall-applikazzjonijiet fetħet fl-24 ta’ Awwissu 2023 u għalqet fis-7 ta’ Settembru 2023 u l-proċess mistenni jiġi konkluż fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk mill-2018 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, il-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) ħarġux xi deċiżjonijiet fejn imponew xi forma ta’ sanzjoni irrespettivament tal-mod kif deskritta fuq entità li hi stabbilita oltre l-ġurisdizzjoni Maltija?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-2108 sal-ġurnata tal-lum, l-FIAU ma ħarġet ebda deċizjoni fejn imponiet xi forma ta’ sanzjoni fuq entita li hi stabbilita oltre l-ġurisdizzjoni Maltija.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk mill-2018 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) ħarġux xi deċiżjonijiet fejn imponew xi forma ta’ sanzjoni irrespettivament tal-mod kif deskritta fuq entità li hi stabbilita oltre l-ġurisdizzjoni Maltija?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul il-perjodu mill-2018 sal-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija, l-MFSA ħarġet deċizjonijiet fejn ġew imposti sanzjonijiet fuq entitajiet stabbiliti barra l-ġurisdizzjoni Maltija.
Jista’ l-Ministru jgħid mill-bidu tal-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il talba saret da parti ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 9.14 - Regolamenti dwar l-Eżekuzzjoni ta’ Penali Finanzjarji fl-Unjoni Ewropea, għall-infurzar f’Malta ta’ deċiżjonijiet mogħtija minn qrati fi Stati Membri oħra fejn ġew imposti multi ossia penalitajiet finanzjarji għar-rigward ta’ persuni (inkluż persuni legali) residenti f’Malta jew li huma stabbiliti f’Malta? Jista’ f’dan il-kuntest jelenka wkoll in-numri ta’ talbiet li saru skont l-Istat Membru?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sat-18 ta’ Settembru 2024.
Ir-Rabat Għawdex – Triq ta’ Wara s-Sur – traffic calming measures u zebra crossing
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta ser isiru traffic calming measures fi Triq ta' Wara s-Sur, ir-Rabat Għawdex u jekk hemmx il-ħsieb li jsiru zebra crossings fl-istess triq peress li hemm periklu serju għall-pedestrians u r-residenti?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din it-triq; partikolarment qrib il-junction ma’ Triq l-Imgħallem hemm limitu ta’ veloċità ta’ 40km fis-siegħa. Ser issir zebra crossing fit-trejqa l-ġdida ta’ Triq ta' Wara s-Sur li nifdet għal ma Triq l-Imgħallem.
Servizz fis-settur turistiku — Xogħol ta’ spettorat
Question
Fir-rigward ta’ kull entità pubblika li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, jista’ l-Ministru jelenka, skont kull entità, kemm hemm persuni li jagħmlu xogħol ta’ spettorat (irrispettivament tal-mod kif desrkitt) fir-rigward ta’ kull min joffri xi servizz fis-settur turistiku? Jista’ jelenka wkoll separatament in-numri ta’ persuni li jagħmlu din it-tip ta’ ħidma f’Għawdex?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu għandha total ta’ 25 persuna li jagħmlu xogħol ta’ spettorat – 19-il persuna f’Malta u 6 oħra f’Għawdex.
Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali — Implimentazzjoni effettiva
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18748 li ngħatat fis-seduta tat-8 ta’ Mejju 2024 fejn intqal li appena jiġi ppublikat ir-Regolament tal-UE dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, l-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta (MDIA) kienet se tieħu ‘l-passi neċessarji biex tassigura li Malta tibqa’ fuq quddiem fejn tidħol ir-regolamentazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali (IA)’, issa li ġie ippubblikat ir-Regolament tal-UE nru 2024/1689 (‘l-Att dwar l-Intelligenza Artifiċjali’) da parti tal-UE, jista’ l-Ministru jelabora fuq il-passi li qegħdin jittieħdu jew se jittieħdu fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva tal-imsemmi Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, tenut kont tal-komplessità ta’ dawn il-miżuri leġislattivi?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta qed tieħu l-passi neċessarji sabiex timplimenta l-Att dwar l-Intelligenza Artificjali.
F’Ġunju li għadda ġie aġġornat l-Att dwar l-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta (MDIA) sabiex sussegwentament jiġi ppubblikat l-Avviż Legali li jimplimenta l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.
· Twaqqaf Unit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Istrateġija, il-Politika u l-Governanza tal-istess Awtorità iffukat fuq is-superviżjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali.
· Ġew identifikati numru t’ Awtoritajiet dwar id-Drittijiet Fundamentali u dawn se jkunu ikkomunikati skont il-providimenti tal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.
· Ġew identifikati l-Awtoritajiet tan-Notifika u dawn se jkunu nominati skont il-providimenti tal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.
· Qegħdin f’diskussjonijiet avvanzati sabiex jiġi ffinalizzat l-identifikazzjoni tal-Awtoritajiet dwar is-Sorveljanza tas-Suq biex il-proċess ta’ nominazzjoni jsir skont il-providimenti tal-Att dwar l-AI. Ta’ min isemmi li numru ta’ pajjizi qegħdin fil-proċess li jwaqqfu Awtorità kompetenti ġdida imma dan mhux previst li jsir f’Malta minħabba li hu wieħed mill-ftit pajjiżi li diġa għandu Awtorità kompetenti dwar it-Teknoloġija Innovattiva. Hu previst li din il-funzjoni ssir mill-MDIA u f’każijiet partikolari, l-Awtorità kompetenti tkun l-IDPC.
· Komplew diskussjonijet tekniċi ma’ operaturi ekonomiċi minħabba li numru ta’ rekwiżiti jidħlu fis-seħħ f’Awwissu 2026.
· L-MDIA kompliet isaħħaħ is-sistemi tagħha permezz taċ-ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ISO 9001.
· L-Awtorità kompliet bl-outreach tagħha permezz ta’ inizjattivi ta’ kommunikazzjoni u l-allinjament mill-ġdid tal-istrateġija u l-viżjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il laqgħa saret da parti tal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur mill-bidu tas-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u d-dati meta saru dawn il-laqgħat? Jista’ jgħid ukoll jekk matul dan iż-żmien il-Kunsill ġiex mitlub a tenur tal-artikolu 5 tal-Att dwar il-Konsumatur, Kap. 378 biex jagħmel xi studju jew riċerka u jekk iva, x’ kien is-suġġett?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur għamel għoxrin laqgħa mill-bidu tas-sena 2023 sal-ġurnata li qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari.
Id-dati ta’ meta saru dawn il-laqgħat huma:
18.01.2023; 15.03.2023; 19.04.2023; 24.05.2023; 14.06.2023; 26.07.2023; 25.08.2023; 15.09.2023; 13.10.2023; 10.11.2023; 07.12.2023; 19.01.2024; 16.02.2024; 22.03.2024; 19.04.2024; 17.05.2024; 21.06.2024; 25.07.2024; 20.08.2024; 05.09.2024.
Dawn il-laqgħat isiru skont kif jipprovdi Artiklu 6 (2) ta’ Kap 378.
Il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur ma ġiex mitlub biex jagħmel studju jew riċerka.
Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur — Regoli ta’ prattika
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk s’issa sarux xi regoli ta’ prattika da parti tal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur għal Għaqdiet ta’ Konsumaturi reġistrati mal-istess Kunsill? Jista’ jgħid ukoll x’ħidma qed issir mill-istess Kunsill biex jissorvelja u jgħin l-Għaqdiet tal-Konsumaturi reġistrati mal-istess Kunsill?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-Association for Consumer Rights hija l-unika Għaqda tal-Konsumaturi Il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur jivverifika illi l-għaqda tissodisfa r-rekwiżiti elenkati f’artiklu 28 ta’ Kap 378.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex is-soft areas tal-Bus Terminus fir-Rabat Għawdex fl-aħħar xhur tħallew jiddeġeneraw b'tali mod li ma fadal xejn fihom meta għal snin twal din l-area ċentrali fir-Rabat kienet miżmuma tant sew bil-pjanti, fjuri u turf?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żona reġgħet ġiet riġenerata bil-pjanti u l-fjuri.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji li l-Gvern attwalment qed isegwi biex jiddeċiedi jekk għandhiex issir konsultazzjoni pubblika dwar xi abbozz ta’ liġi qabel ma l-istess abbozz jitressaq quddiem il-Kamra tar-Rappreżentanti?
Response (ABELA, ROBERT)
Sakemm il-bżonn li ssir konsultazzjoni pubblika ma tkunx mandatorja bil-liġi, il-Gvern jeżerċita l-prerogattiva tiegħu dwar materji li jinħarġu għall-konsultazzjoni pubblika. Dan ma japplikax biss għal abbozzi ta’ liġi iżda jgħodd ukoll f’każ ta’ politiki u strateġiji nazzjonali, fost oħrajn. Meta abbozz ta’ liġi jitressaq quddiem il-Kamra tar-Rappreżentanti jerġa’ jkun hemm konsultazzjoni dwaru fil-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġi. Il-programm elettorali tal-Gvern jinkludi miżuri favur it-tisħiħ tal-konsultazzjoni pubblika.
Triq li twassal mir-Rabat sa Ta' Sannat — Xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fuq il-parti li fadal fit-triq li twassal mir-Rabat sa Ta' Sannat u dan peress li aktar minn tliet snin ilu fi tweġiba kien intqal li dan mistenni jsir fi żmien qasir?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid attwalment liema huma s-sezzjonijiet tat-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva a tenur tal-Att dwar il-Ġustizzja Amministrattiva, Kap. 490 tal-Liġijiet ta’ Malta? Fir-rigward ta’ kull sezzjoni tat-Tribunal, jista' jagħti l-elenku tal-assistenti maħtura għal kull sezzjoni, u f’kull każ jgħid meta kull assistent ġie maħtur u meta tiġi fi tmiemha l-ħatra tiegħu?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba kienet ġiet ppublikata fil-Gazzetta tal-Gvern datata 4 ta’ Ġunju 2024 u kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:Pubblication tal-elenki tat-tribunal ta' revizjoni amministrattiva.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-ħruġ ta’ liċenzja biex wieħed isuq jew iżomm karozzin, hemmx ir-rekwiżit li s-sewwieq irid ikun liebes uniformi?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sewwieq ta’ karozzin li għandu liċenzja maħruġa lilu mill-Awtorità mhux meħtieġ illi jilbes uniformi waqt li jkun qed isuq il-karozzin, iżda huwa għandu jżomm dehra nadifa u jilbes f’post li tidher sew it-tag maħruġa lilu mill-Awtorità.
L.S. 35.01 — Regolamenti dwar id-drittijiet li jitħallsu fid-dipartimenti tal-Gvern
Question
B’referenza għal Leġislazzjoni Sussidjarja 35.01 intitolata ‘Regolamenti dwar id-drittijiet li jitħallsu fid-dipartimenti tal-Gvern’, jista’ l-Ministru jispjega:
i. għalfejn nomenklatura ta’ din il-Liġi tagħmel biss referenza għad-drittijiet li jitħallsu fid-dipartimenti tal-Gvern, meta f’xi stanzi d-drittijiet jitħallsu lill-awtoritajiet pubbliċi u mhux lil xi dipartiment tal-Gvern;
ii. għalfejn uħud mid-drittijiet dovuti huma elenkati taħt Ministeri li wħud minnhom jew lanqas għadhom jeżistu jew inbidlet in-nomenklatura tagħhom ... pereżempju ‘Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali’?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inħarsu lejn dawn ir-regolamenti sabiex eventwalment din il-leġiżlazzjoni tiġi aġġornata.