Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima — CEO

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk saritx sejħa pubblika għal kariga ta’ CEO tal-Awtorità responsabbli għall-azzjoni dwar il-klima? Jekk saret, meta saret u kemm applikaw persuni għal din il-kariga?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħatra ta’ Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima saret skont il-provvedimenti tal-Artiklu 12(2) tal-Att fuq Azzjoni dwar il-Klima (Kap. 643), hekk kif maqbul miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Qorti ġdida ta’ Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20395 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar u jgħid x’inhuma l-aħħar żviluppi dwar il-bini ta' qorti ġdida ġewwa Għawdex?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15367.

Kuntratt tat-tliet sptarijiet — Side letters ma’ żewġ kumpaniji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20325 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid kemm saru side letters mal-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, fir-rigward tal-kuntratt li kien sar mat-tliet sptarijiet? Jista' jgħid ukoll kemm tħallsu flus mill-Ministeru għall-Finanzi ai termini ta' dawn is-side letters minn meta bdew jitħallsu dawn iż-żewg kumpaniji u kemm kien it-total ta' flus li ngħataw dawn il-kumpaniji jew sussidjarji tagħhom bis-saħħa ta' dawn is-side letters?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat b’kollox saru 9 side letters. Dawn is-side letters kienu tibdil fuq il-kuntratt oriġinali. Għaldaqstant il-ħlasijiet li ħarġu ma kinux biss jirrigwardjaw is-side letters iżda anke l-kuntratt oriġinali u ma tistax taqasamhom f’pagamenti seperati.

Waiting lists

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni fuq il-lista ta' stennija fl-aħħar ta' Settembru 2024 jistennew: i) biex isirilhom MRI; ii) knee replacement; iii) hip replacement; iv) katarretti; v) hernias?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirrferi għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20432. Għar-rgward tal-lista ta’ persuni li qed jistennew li jagħmlu l-operazzjoni tal-hernia, ninsab infurmat li hawn 366 persuna li ilhom aktar mill-perjodu stipulat fiċ-Charter tal-Pazjent. Ikun hemm bosta raġunijiet għala dan il-perjodu jinqabeż, imma nassigura lill-Onor. Interpellant li f’każijiet urġenti, l-operazzjoni ssir fl-iqsar żmien possibbli.

IDPC — Penalitajiet Amministrattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew imposti penalitajiet amministrattivi (irrispettivament tal-mod kif deskritti) da parti tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data (IDPC) mill-bidu tal-2022 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet il-penali f’kull każ, jekk ġietx ikkontesta quddiem it-Tribunal tal-Appelli dwar l-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data u jekk kienx hemm xi kontestazzjoni quddiem il-Qorti Kostituzzjonali minħabba allegat ksur tal-kostituzzjoni?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li mis-sena 2022 sal-21 t’Ottubru 2024 ġew imposti disa` (9) multi amministrattivi u erbgħa (4) minnhom ġew appellati mill-kontrollur quddiem it-Tribunal għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data. Ma kien hemm l-ebda kontestazzjoni quddiem il-Qorti Kostituzzjonali minħabba allegat ksur tal-kostituzzjoni fir-rigward ta’ dawn id-deċiżjonijiet li kienu jinvolvu l-multi amministrattivi. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-ammont tal-multi amministrattivi imposti fil-perjodu msemmi.

Trabi mwielda fl-2023 u fl-2024

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm twieldu trabi fis-snin 2023 u 2024 skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO)? Jista’ jgħid ukoll: a. kemm minnhom huma minn ġenituri Maltin; b. kemm minnhom huma minn ġenituri barranin; ċ. kemm minnhom huma minn ġenitur Malti u l-ieħor barrani; d. kemm minnhom huma minn ġenitur single parent Malti; u e. kemm minnhom huma minn ġenitur single parent barrani?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-aħħar statistika disponibbli relatata ma’ twelid ħaj ta’ residenti hija għas-sena ta’ referenza 2023. Fl-2023 kien hemm 4,462 twelid ħaj ta’ residenti. Iċ-ċittadinanza tal-ġenituri hija mqassma kif ġej: · Iz-zewġ ġenituri kienu Maltin – 2,688 · Iz-zewġ ġenituri kienu barranin – 1,220 · Ġenitur wieħed kien Malti u ġenitur wieħed barrani – 427 · Ġenitur li welldet kienet Maltija u ġenitur l-ieħor ma ġiex iddikjarat waqt ir-reġistrazzjoni – 64 · Ġenitur li welldet kienet barranija u ġenitur l-ieħor ma ġiex iddikjarat waqt ir-reġistrazzjoni – 27 Is-36 twelid li jifdal ġew estratti minn rekords mizmuma mill-awtoritajiet tas-saħħa. Dan is-sors jiġbor biss informazzjoni dwar il-ġenitur li weldet u għalhekk dawn it-twelid ma jistgħux jiġu kklassifikati kif deskritt hawn fuq.

Identità – Impjegati professjonisti u konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati professjonisti mal-Identità? F’kull każ, x’inhi l-professjoni u kemm ilu impjegat? Jista’ jgħid kemm attwalment hemm konsulenti esterni mal-Identità u fir-rigward ta’ xiex ġew inkarigati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li fl-Aġenzija Identità hemm total ta’ 15-il impjegat li huma professjonisti bil-warrant, imqassmin kif ġej: WarrantData tal-Ingaġġ Warrant ta’ Accountant18/07/2022 Warrant ta’ Accountant29/10/2018 Warrant ta’ Accountant30/06/2016 Warrant Legali01/05/2024 Warrant Legali07/02/2022 Warrant Legali01/01/2015 Warrant Legali10/10/2023 Warrant Legali01/01/2021 Warrant Legali27/02/2023 Warrant Legali01/04/2024 Warrant Legali13/04/2015 Warrant Legali13/02/2018 Warrant Legali03/10/2022 Warrant Legali14/10/2019 Warrant ta’ Għalliem11/03/2024 Jirriżulta wkoll li fil-preżent hemm żewġ konsulenti esterni li jipprovdu konsulenza dwar policies u inizjattivi oħra marbuta mal-affarijiet dwar l-immigrazzjoni, u dwar materji ta’ riżorsi umani.

Ta’ Sannat — Kalkara tal-Ġir - Xogħlijiet ta’ restawr

Question

B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19279 li ngħatat fil-11 ta' Ġunju 2024, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar ix-xogħlijiet ta' restawr li saru f'dawn l-aħħar erba’ xhur fil-Kalkara tal-Ġir li hemm maġenb l-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Sannat? Jista’ jgħid ukoll liema xogħol tlesta s’issa, x'fadal isir u meta hu maħsub li jkun lest ix-xogħol kollu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Sannat li peress is-saff tal-ġebel fil-barriera meħtieġ biex titħaffer il-franka ma kienx faċilment disponibbli, il-proċess ħa ftit taż-żmien. F’dan l-istadju l-franka meħtieġa nqatgħet u ġiet spezzjonata mill-perit u ġiet ivverifikata li hi tajba biex tintuża għar-restawr tal-imsemmijja Kalkara tal-Ġir. L-istadju li jmiss huwa t-tibdil tal-ġebel tal-franka mimsus u t-tikħil. Il-proġett għandu jitlesta f’madwar sitt xhur.

Is-Sannat — Pjazza Santa Margerita - Zebra crossings

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għaliex għaddew iktar minn erba’ xhur mill-inawgurazzjoni ta' Pjazza Santa Margerita ġewwa s-Sannat, Għawdex u għadhom ma saru ebda zebra crossings f'din l-imsemmija triq u hemm periklu kbir għal kull min irid jaqsam f'din l-imsemmija pjazza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Sannat li t-tabelli u l-Belisha Beacon Lights twaħħlu waqt li l-pedestrian crossings ser jinżebgħu fil-ġimgħat li ġejjin.

Xagħra, Għawdex — Triq Karkar - Xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13618 li ngħatat fil-15 ta' Jannar 2024, jista’ l-Ministru jaġġorna l-Kamra dwar is-sejħa li ħareġ il-Kunsill Lokali tax-Xagħra iktar minn sena u nofs ilu - Tender TXLC/04/2023 Works - Resurfacing of Triq Mannar/Għejjun Junction with Hot rolled Asphalt and resurfacing of small stretch of Triq Karkar, Xagħra (up to base course only) in a resource efficient manner? Jista’ jgħid ukoll meta (f’liema xahar u sena) huma ppjanati li jibdew u jitlestew ix-xogħlijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17270.

Xagħra, Għawdex — Triq Ta’ Stellini - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitkompla x-xogħol fit-Triq Ta' Stellini fix-Xagħra, Għawdex peress li f'dawn l-aħħar xhur ma tkompla l-ebda xogħol? Jista’ jgħid ukoll kemm ilu li nbeda x-xogħol f'din it-triq u jgħid ukoll għaliex ma tkompla ebda xogħol f'din l-imsemmija triq f'dawn l-aħħar xhur? Jista’ jgħid ukoll meta ser titlesta minn kollox din it-triq u kemm huma stmati li se jiġu jiswew ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. li x-xogħolijiet mistennija jkomplu fil-ġranet li ġejjin.

Skema "Vjal Kulħadd" – Kunsilli lokali Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-iskema "Vjal Kulħadd" li għandha baġit ta' €10 miljun għall-kunsilli lokali u li tħabbret fl-ewwel ġranet ta' Settembru, tgħoddx ukoll għall-kunsilli lokali Għawdxin u jekk iva, jistgħux japplikaw għal din l-iskema?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-dawl li t-toroq ta’ Ghawdex ma jaqghux taħt ir-responsabiltà’ ta’ l-entità li nhediet din l-iskema, imma jaqgħu direttament taħt il-Ministeru t’Għawdex, għaldaqstant din l-iskema hi miftuħa għall-Kunsilli Lokali ta’ rħula u bliet f’Malta.

Kunsill Lokali Raħal Ġdid – Kuntratt ma’ kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li l-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid għandu mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra id-dokument mitlub u mgħoddi lili mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid.

Dipartiment għall-Gvern Lokali — Kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-kuntratti li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali għandu preżentement u f’kull każ jgħid min huma s-suppliers jew dawk li qed jagħtu servizz kif ukoll kemm jiswa kull kuntratt?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba kif mgħoddija lili mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali.

Dipartiment għall-Gvern Lokali — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fit-Taqsima tal-Monitoraġġ u Appoġġ tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali (DLG) u f’kull każ jgħid x’inhu l-grad ta’ kull ħaddiem f’din it-taqsima u x’inhu x-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ħaddiema fit-Taqsima tal-Konformità tal-istess Dipartiment u f’kull każ x'inhu l-grad ta’ kull ħaddiem u x’inhu x-xogħol tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba u kif mgħoddija lili mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali (DLG).

Kunsilli Lokali – Ħaddiema Klerikali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema klerikali ma’ kull Kunsill Lokali f’Malta u Għawdex? Jista’ jgħid ukoll f’kull każ dawn il-ħaddiema humiex ħaddiema diretti tal-Kunsill jew inkella humiex magħżula wara tender jew quote?

Response (BONNICI, OWEN)

Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li m’hemmx ħaddiema klerikali fil-kunsilli li huma magħżula b’tender jew quote, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba u mgħoddija lili mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali (DLG).

Kunsilli Lokali u d-Dipartiment għall-Gvern Lokali – Remote Working

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li qed jaħdmu ħamest ijiem fil-ġimgħa bir-remote working fil-Kunsilli Lokali kollha u fid-Dipartiment għall-Gvern Lokali (DLG) u f’liema Kunsill Lokali jew f’liema sezzjoni tad-Dipartiment huma dawn il-ħaddiema?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li hemm persuna waħda mill-kunsilli lokali li taħdem ħamest ijiem fil-ġimgħa fuq bażi ta’ remote working. Dan l-arranġament huwa wieħed temporanju.

Kunsilli Lokali — Fondi

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul l-aħħar ħames snin kemm kien hemm Kunsilli Lokali li ngħataw fondi extra mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali jew xi entità oħra governattiva sabiex jagħmlu tajjeb għad-defiċit li akkumulaw matul is-snin? Jista' f'kull każ jgħid kemm kien l-ammont li ngħata kull sena kunsill b'kunsill?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li kien hemm każ wieħed ta’ Kunsill li ingħata fondi addizzjonali biex jagħmlu tajjeb għal defiċit akkumulat. Dan kien il-Kunsill Lokali tal-Kalkara li matul is-sena 2024 kien allokat l-ammont ta’ €189,362.45.

Att dwar il-Karta tal-Identità u Dokumenti oħra tal-Identità — Talbiet a tenur tal-artikolu 6(1)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba saret mill-bidu tal-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar, a tenur tal-artikolu 6(1) tal-Kap. 258 u ċjoè għaliex persuna ħassitha aggravata għax allegatament intużat jew ġiet ipproċessata informazzjoni bijometrika tagħha b’mod illegali u konsegwentement talbet rimedju?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li r-risposta hija fin-Negattiv.

Att dwar il-Karta tal-Identità u Dokumenti oħra tal-Identità — Proċeduri a tenur tal-artikolu 24(2)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ proċeduri li ttieħdu minħabba allegat ksur tal-artikolu 24(2) tal-Kap. 258, mill-bidu tal-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-proċeduri kienu fil-konfront ta’ uffiċjali jew eks uffiċjali ta’ Identità (preċedentement Identity Malta)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-Pulizija ħadet proċeduri fi tlett istanzi f’Settembru ta’ din is-sena, minħabba allegat ksur, speċifikament tal-artikolu 24(2) tal-Kap. 258, mill-bidu tas-sena 2022 sa l-aħħar ta’ Settembru 2024. Dawn ma kienux fil-konfront ta’ uffiċjali jew eks uffiċjali ta’ Identità (preċedentement Identity Malta).