Jista' l-Ministru jgħid kemm-il unit tal-arja kkundizzjonata (brand new) twaħħal u f'liema skejjel twaħħlu ġewwa Għawdex matul il-perjodu bejn Ġunju 2024 u l-20 ta' Settembru 2024?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif indikat;
GC Qala Primary - 4 units
GC Secondary - 3 units
Sir MA Refalo Sixth form - 2 units
GC Sannat Primary - 17 units
GC Victoria Primary - 54 units
Għawdex u Kemmuna — Stabbilimenti li jqiegħdu siġġijiet u mwejjed fuq art pubblika - Permessi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi biex stabbilimenti jqiegħdu siġġijiet u mwejjed fuq art pubblika f’Għawdex u Kemmuna, f’dawn l-aħħar għaxar snin, maqsuma xahar b’xahar? Għal kull permess, jista’ jindika t-triq fejn inħareġ il-permess u l-ammont ta’ mwejjed u siġġijiet li jistgħu jitqiegħdu bil-permess, jew l-ispazju f’metri kwadri li huma permessi jkunu okkupati?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
In-Nadur — Triq David Cocco Palmeri - Bini tat-triq
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li se tinbena mill-ġdid parti mit-Triq David Cocco Palmeri li tmiss ma' Triq l-Imġarr fin-Nadur, peress li tinsab fi stat ħażin ħafna? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx pjanijiet li din tinbeda matul din is-sena? Jekk le, jista' jgħid jekk sarux rapporti dwar l-istat ta' din it-triq u jekk iva, min għamilhom u jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li it-toroq isiru skont il-prijoritajiet li jkunu qed jinbidlu minn żmien għal żmien.
CFT014-4112/24 (CPSU2458/24) 'Procurement of Property — Tender for the Leasing of Premises to Provide Warehouse Space for the Gozo General Hospital Stores within the Ministry for Health and Active Ageing'
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex inħasset il-ħtieġa f’dawn l-aħħar ġranet li toħroġ is-sejħa - CFT014-4112/24 (CPSU2458/24) 'Procurement of Property - Tender for the Leasing of Premises to Provide Warehouse Space for the Gozo General Hospital Stores within the Ministry for Health and Active Ageing' u għal xiex se tintuża din il-Warehouse?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa CFT014-4112/24 (CPSU2458/24) 'Procurement of Property - Tender for the Leasing of Premises to Provide Warehouse Space for the Gozo General Hospital Stores within the Ministry for Health and Active Ageing' inħarġet bħala parti minn numru ta’ xogħlijiet neċessarji biex jiġi rrilaxxat l-ispazju meħtieġ ġewwa l-kampus tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex biex b’hekk jkun jista’ jinbena l-Isptar il-ġdid u l-bini anċellari tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid liema toroq oħra ser isir ix-xogħol fihom waqt it-twettiq tal-proġett imħabbar li ser isir fuq Triq it-Tiġrija, fin-Nadur? Jista' jgħid ukoll meta hu mistenni jibda u fiex ser ikun jikkonsisti x-xogħol maġġuri fuq dawn it-toroq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser isiru t-toroq li minn fejn tal-‘bexxiexa’ n-Nadur sal-pjazza tal-Qala inkluz parti minn triq San Blas n-Nadur.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22336, jista’ l-Prim Ministru jelabora fiex jikkonsisti x-xogħol preparattiv li jsemmi fit-tweġiba tiegħu? B’referenza għall-istess tweġiba, jista’ l-Prim Ministru jgħid ukoll għalfejn b’mod immedjat ma għandux jitwettaq il-bdil neċessarju fil-liġijiet ordinarji u dan peress li kważi kull darba li awtoritajiet pubbliċi bħal Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) jimponu penali qawwija, dawn kważi dejjem ġew ikkontestati b’suċċess quddiem il-qrati prima stanza sede kostituzzjonali, bil-konsegwenza li min irid jikser in-normi applikabbli li allura jattiraw penalitajiet qawwija jaf li probabbli jista’ jagħmel dan b’suċċess tenut kont tal-mod kostanti ta’ kif qed jiġi interpretat l-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-awtoritajiet Maltin qed jagħmlu evalwazzjoni tal-proċessi eżistenti relatati mas-superviżjoni u l-infurzar. Dan qed isir biex jiġi pjanat it-tibdil neċessarju f’każ li s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tikkonferma d-deċiżjoni tal-Qorti Ċivili Prim Awla (Sede Kostituzzjonali). Barra minn hekk, saru diskussjonijiet ma’ awtoritajiet barranin li huma wkoll għandhom funzjoni ta’ infurzar amministrattiv kif ukoll riċerka dwar l-introduzzjoni ta’ proċess ta’ ftehim barra l-qrati.
Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret dwar l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva tal-UE numru 2022/255 (l’hekk imsejħa ‘Direttiva NIS 2’) li kellha tiġi adottata minn kull pajjiż membru tal-UE sas-17 ta’ Ottubru 2024?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-fażi ta’ konsultazzjoni pubblika rigward il-liġi in-kwistjoni ġiet konkluża u li issa qed isiru l-aħħar preparamenti sabiex din il-liġi tidħol fis-seħħ. Barra minn hekk, matul dawn l-aħħar xhur saru diskussjonijiet fi ħdan entitajiet governattivi sabiex iwitti t-triq għall-implimentazzjoni amministrattiva ta’ din il-liġi.
Xagħra, Għawdex — Triq ta’ Karkar - Sejħa għal xogħlijiet
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17270 li ngħatat fis-27 ta' Marzu 2024, u tal-mistoqsija parlamentari 21563 dwar li 'l-Kunsill Lokali tax-Xagħra ħareġ tender TXLC/04/2023 Works – Resurfacing of Triq Mannar/Għejjun Junction with Hot rolled Asphalt and resurfacing of small stretch of Triq Karkar, Xagħra (up to base course only) in a resource efficient manner.' peress li f'dawn l-aħħar disa' snin sar ħafna bini fi Triq ta' Karkar u hi bla wiċċ u tinsab fi stat ħażin ħafna, fejn ġie mwieġeb li l-Kunsill Lokali tax-Xagħra għaddej bid-diskussjonijiet mal-Ministeru għal Għawdex, jista’ jgħid fiex jikkonsistu dawn id-diskussjonijiet u għaliex qed isiru d-diskussjonijiet jekk diġà ħarġet is-sejħa? Jista’ jgħid ukoll meta hu maħsub li jingħalqu dawn id-diskussjonijiet u jinbeda x-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjonijiet għaddejjin u mistennija jingħalqu fil-ġimgħat li ġejjin.
'TD-T-3749-2023 (7167) — TRENCHING AND CABLE LAYING WORKS FOR RINGING OF XAGHRA SEGOND HOTEL SS TO SPRING SS IN AN ENVIRONMENTALLY FRIENDLY MANNER - Xogħlijiet
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17825 li ngħatat fil-15 ta' April 2024, dwar meta se jibda x-xogħol relatat mas-sejħa 'TD-T-3749-2023 (7167) - TRENCHING AND CABLE LAYING WORKS FOR RINGING OF XAGHRA SEGOND HOTEL SS TO SPRING SS IN AN ENVIRONMENTALLY FRIENDLY MANNER', fejn ġie mwieġeb li 'ix-xogħol ser jibda ladarba jinħarġu l-permessi neċessarji minn Transport Malta għall-iskavar', tista’ l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet għaliex għaddew iktar minn seba’ xhur u għadu ma nbeda ebda xogħol relatat ma’ din is-sejħa? Tista’ tgħid meta ser jinbeda (xahar u sena) u jitlesta dan ix-xogħol? Tista’ tgħid ukoll għal kemm flus kienet ġiet awarded għal din is-sejħa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Infurmata li l-permess minn Transport Malta biex ikun jista’ jinbeda dan ix-xogħol wasal fi stadju finali u mistenni jkun konkluż fil-ġranet li ġejjin. Għaldaqstant, qed ikun ippjanat li x-xogħol jibda sa tmiem is-sena.
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex għadhom ma nbdewx ix-xogħlijiet relatati mas-sejħa li ġiet awarded fil-21 ta' Marzu 2024 ' SPD3/2024/008 - TENDER FOR THE TRENCHING WORKS AND LAYING OF NEW UTILITIES AT TRIQ DUMINKU MINTOFF, VICTORIA, GOZO '? Tista’ tgħid ukoll meta ħa jibdew, kemm hu stmat li ser jiġi jiswa x-xogħol kollu relatat ma’ din is-sejħa u meta hu stmat li jitlesta x-xogħol relatat ma’ din is-sejħa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema xahar u sena huwa ppjanat li l-playing field ġewwa Triq ta' Ġokk fix-Xewkija, Għawdex li taqa’ taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Kunsill Lokali, hux ser tiġi rranġata u meta ser issir il-manutenzjoni meħtieġa peress li din il-playing field u open space jinsabu fi stat ħażin għal min jiffrekwentahom? Jista’ jgħid jekk hemmx ħsieb jew possibiltà li dan l-ispazju jitkabbar? Jista’ jgħid ukoll jekk tħejjewx is-sejħiet għal offerti u jekk ġewx ippubblikati?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xewkija li ser jerġgħu jiġu evalwati l-pjanijiet li kien hemm għall-imsemmi proġett mill-Kunsill preċedenti. F’dan l-istadju għadhom ma ttiħdux id-deċiżjonijiet relatati.
Framework Contract For The Collection And Transportation Of Fruit And Vegetables From Gozo To Pitkalija, Malta For The Malta Food Agency
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti s-sejħa SPD8/2024/107 - Framework Contract For The Collection And Transportation Of Fruit And Vegetables From Gozo To Pitkalija, Malta For The Malta Food Agency u minn fejn ħa jiġi offrut dan is-servizz ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid ukoll min f'dawn l-aħħar ġranet u xhur kien qed joffri dan is-servizz u minn fejn kien qed jiġi offrut dan is-servizz ġewwa Għawdex u kemm kien ilu jiġi offrut dan is-servizz u għaliex issa nħasset il-ħtieġa li toħroġ is-sejħa?
Response (REFALO, ANTON)
Il-Malta Food Agency nediet servizz ta’ transport b’xejn tal-frott u l-ħaxix minn Għawdex għall-Pitkalija Malta. Dan is-servizz inbeda b’sejħa għall-kwotazzjonijiet liema informazjoni ġiet ppubblikata fuq il-Gazzetta tal-Gvern skont il-Public Procurement Regulations. Ninsab infurmat li f’dan il-perjodu l-MFA ħejjiet u ħarġet tender għal dan is-servizz fuq perjodu ta’ sentejn. Infurmat ukoll li dan it-tender qiegħed fl-aħħar fażi tal-evalwazzjoni.
Ta' Ċenċ — Żewġ ġibjuni prinċipali tal-WSC - Xogħlijiet
Question
B'referenza għax-xogħlijiet li nbdew iktar minn sena ilu mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fit-triq li twassal għall-ġibjuni tal-WSC ġewwa Ta' Ċenċ, Għawdex biex jintegra ż-żewġ ġibjuni prinċipali tal-WSC ġewwa Ta' Ċenċ, Għawdex, tista’ l-Ministru tgħid għaliex f'dawn l-aħħar ġranet ix-xogħol reġa’ waqaf kompletament? Tista’ tgħid ukoll għaliex għaddew aktar minn sena minn meta nbdew ix-xogħlijiet b'rabta ma’ dan il-proġett u x-xogħlijiet għadhom ma tlestewx? Tista’ tagħti time frames ta' meta ħa jitlestew kollha dawn ix-xogħlijiet inkluż ix-xogħol tal-asfalt?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li mhux il-każ li x-xogħlijiet li qed issir referenza għalihom huma weqfin, imma bħalissa għaddej il-proċess ta’ pressure testing, xogħol li ma jidhirx. Ta’ min jenfasizza li dan il-proġett, li huwa ta’ natura daqstant sensittiva u importanti għax jinvolvi s-sistema tal-ilma tax-xorb t’Għawdex kollu, qed isir b’reqqa u b’galbu kbir u għalhekk il-proċess jeħtieġ li jieħu l-ħin tiegħu. Minħabba l-fatt li hemm xogħlijiet oħrajn ippjanati li jsiru fl-istess żona qed issir il-kordinazzjoni meħtieġa biex il-kisi tat-triq jingħata wara li dawn ix-xogħlijiet jitlestew.
Ix-Xewkija — Triq it-Tabib Anton Tabone - Bozoz pubbliċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitranġaw il-bozoz pubbliċi fi Triq it-Tabib Anton Tabone, magħruf bħala l-Qasam, il-parti li tagħmel mal-Kunsill tax-Xewkija, fid-dawl li dawn ilhom mitfija għal diversi ġimgħat u hemm periklu kbir kemm għas-sewwieqa kif ukoll għall-persuni li jużaw din l-imsemmija triq?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xewkija li l-kuntrattur inkarigat qed jistenna li jaslulu xi parts biex ikunu jistgħu isiru t-tiswijiet fuq il-bozoz li hemm irrappurtati bil-ħsara madwar ix-Xewkija fosthom tat-Triq it-Tabib Anton Tabone.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19272, jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-eżitu tal-konsultazzjonijiet li għalihom għamel referenza, u xi progress sar fit-twettiq tal-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) 2024/1309?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-konsultazzjonijiet li diġa saru hu evidenti li ser ikun hemm bzonn ta’ tibdil kemm leġislativ kif ukoll amministrativ. Bħal issa qed jiġi analizat kif l-aħjar issir dan il-proċess, sabiex jiġi stabbilit pjan ta’ xogħol li jkun jista’ jwassalna għall-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti ta’ dan ir-Regolament qabel it-terminu ta’ Novembru tas-sena dieħla.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid min kienet il-persuna li ġiet appuntata biex taġixxi ta’ Aġent Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) sa kemm tintgħażel persuna bħala Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni)?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li d-Direttur li jmexxi d-Direttorat dwar is-Swieq tal-Komunikazzjoni, Enerġija, Trasport u Servizzi Finanzjarji, li jiffoka fuq tħassib dwar il-kompetizzjoni, ksur ta’ liġi, u konċentrazzjonijiet fi swieq regolati, kif ukoll, id-Direttur li jmexxi d-Direttorat dwar is-Swieq Primarji, Industrijali u bl-Imnut, li jiffoka fuq prattiċi ristrettivi u konċentrazzjonijiet f’setturi oħra tal-ekonomija, ġew delegati l-poteri neċessarji sabiex ikunu jistgħu jaġixxu ta’ Aġent Direttur Ġenerali in kwantu ta’ approvazzjoni ta’ konċentrazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilitajiet rispettivi tagħhom skont il-liġi. Dan stante l-fatt, li skont ir-Regolament dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet, deċiżjonijiet fuq konċentrazzjonijiet ikunu jridu jittieħdu fit-termini stipulati, u fin-nuqqas, konċentrazzjonijiet jitqiesu leġittimi b’mod awtomatiku. Mill-banda l-oħra, ma ġie appuntat l-ebda Aġent Direttur Ġenerali sabiex jassumi l-poteri kollha tad-Direttur Ġenerali - dawn se jkun qed jassumihom il-persuna appuntata bħala Direttur Ġenerali għal terminu ta’ tlett snin skont il-liġi.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed iqis x’miżuri jistgħu jittieħdu biex tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar l-impożizzjoni ta’ penalitajiet amministrattivi da parti tar-regolaturi Maltin tenut kont tad-diversità tal-proċeduri segwiti skont il-liġi ordinarja u tas-sentenzi tal-qrati kostituzzjonali fejn b’mod kostanti ġie ritenut li l-poteri ta’ diversi regolaturi li jimponu tali penalitajiet fejn dawn huma sostanzjali huma bi ksur Kostituzzjonali?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ġurisprudenza tal-Qrati dwar din il-kwistjoni għadha qed tiżviluppa.Għaldaqstant, il-Gvern qiegħed isegwi kull żvilupp u qed jieħu kont tad-deċiżjonijiet finali tal-Qorti Kostituzzjonali.Sadattant inbeda xogħol preparattiv sabiex fl-eventwalita li jkun hemm bżonn isiru bidliet, dawn ikunu jistgħu jsiru mingħajr dewmien.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20944, jista’ l-Ministru jgħid f’kull istanza x’kienet is-sanzjoni li imponiet l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA)? Fil-każ fejn din kienet tikkonsisti f’xi penali amministrattiva, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet u jekk ġietx imħallsa?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Din l-informazzjoni hija disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit tal-MFSA.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20943, jista’ l-Ministru jgħid f’kull istanza x’kienet is-sanzjoni li imponiet il-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU)? Fil-każ fejn din kienet tikkonsisti f’xi penali amministrattiva, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet u jekk ġietx imħallsa?
Response (CARUANA, CLYDE)
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20943, wieħed irid jiċċara li l-FIAU ma’ għandux ġurisdizzjoni sabiex jimponi sanzjonijiet fuq entitatijiet legalment stabbiliti oltre l-ġurisdizzjoni Maltija u għalhekk it-tweġiba hija li le, l-FIAU ma’ ħa u ma jista jieħu l-ebda azzjoni.
Pero jekk entita qegħda tiġi interpretata bħala ‘entita suġġetta ġewwa Malta’ imma legalment inkorporata barra minn Malta, l-FIAU iva imponiet (4) sanzjonijiet fuq entatijiet suġġetti Maltin li huma legalment inkorporati oltre l-ġurisdizzjoni Maltija kif indikat hawn:
· Multa amminsitrattiva pekunarja ta €8,000, illi ġiet imħallsa
· Multa Amminsitrattiva pekunarja ta €4,000, illi ġiet imħallsa
· Multa Amminsitrattiva pekunarja ta €6,080, illi ġiet imħallsa
· Multa Amminsitrattiva pekunarja ta €11,750, illi ġiet imħallsa
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21121, jista' l-Ministru jagħti x’safar kienu involuti fih uffiċjali tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali (DLG) mill-bidu tas-sena 2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kif u minn min kienet iffurmata kull delegazzjoni u mil-liema vot ittieħdu l-fondi? X’kien il-benefiċċju għad-Dipartiment u l-Kunsilli Lokali li ħareġ minn kull safra?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba u mgħoddija lili mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali.