Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex - Berths - Lista ta’ stennija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27215, jista’ l-Ministru jaġġorna l-Kamra u jgħid kemm hu l-ammont ta’ talbiet li hemm fuq il-lista ta’ stennija għal berth fil-Marina ta’ Għawdex? Jista’ jgħid ukoll fil-konkret x’hemm ippjanat li jsir biex jiżdiedu l-berths f’Għawdex matul din il-leġiżlatura?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa hemm 359 bastiment fuq il-lista ta’ stennija għal berth fil-Marina t’Għawdex.  Fir-rigward tal-pjanijiet sabiex jiżdiedu l-irmiġġi f’Għawdex, bħalissa għaddejjin diskussjonijiet u eżerċizzji preliminari dwar l-estensjoni tal-Port tal-Imġarr.

Xewkija, Għawdex - Triq Ta’ Ġokk - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29519, dwar il-manutenzjoni tal-playing field (inkluż il-ġnien) fi Triq Ta’ Ġokk fix-Xewkija, Għawdex li taqa’ taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Kunsill Lokali, fejn ġie mwieġeb li ‘ix-xogħol ta’ manutenzjoni u rinnovar huwa ppjanat li jibda fil-bidu tas-sena 2026. Kif diġà indikat, il-proċess għat-tħejjija tas-sejħa għall-offerti jinsab fi stadju avvanzat u bħalissa qed jitħejjew il-BoQs.”,  u peress li din il-playing field u open space jinsabu fi stat ħażin għal min jiffrekwentahom, jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat (xahar u sena) li jinbeda x-xogħol u jiġi rranġat u ssir il-manutenzjoni meħtieġa? Jista’ jgħid ukoll jekk preżentement din il-playing field hijiex sigura u jekk hijiex iċċertifikata li hija sigura?  Jista’ jgħid ukoll jekk tħejjewx is-sejħiet għal offerti u jekk ġewx ippubblikati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ix-Xewkija li l-proġett relatat mal-manutenzjoni u r-rinnovar tal-playing field u l-open space fi Triq Ta’ Ġokk, fix-Xewkija, jinsab fi stadju avvanzat ta’ preparazzjoni. Sadanitant, għaddejjin ukoll it-tħejjijiet tas-sejħiet għall-offerti.  Infurmat ukoll li fir-rigward tas-sigurtà tal-post, il-Kunsill Lokali ħa l-miżuri neċessarji sabiex jitnaqqas kull riskju possibbli. B’mod partikolari, l-apparat tat-tfal, inklużi l-bandli, tneħħew sabiex jiġi evitat kull periklu għall-utenti. Il-Kunsill Lokali jibqa’ impenjat li jimplimenta l-proġett kemm jista’ jkun malajr, sabiex dan l-ispazju jiġi rranġat u jerġa’ jservi lill-komunità b’mod sigur u adegwat.

Negotiated Procedure for the outsourcing of bed services for Karin Grech Rehabilitation Centre and MDH CPSU 10309/25’

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti d-Direct Order permezz tas-sejħa: ‘Negotiated Procedure for the outsourcing of bed services for Karin Grech Rehabilitation Centre and MDH CPSU 10309/25’, kemm hu l-valur ta’ din is-sejħa, għal kemm perjodu ta’ żmien ħarġet din is-sejħa u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika? Jista’ jgħid ukoll meta kien l-aħħar li ħarġet sejħa pubblika biex jiġi pprovdut dan is-servizz?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-iskop ta’ din in-negotiated procedure huwa li jagħti servizzi ta’ kura għal pazjenti bi bżonnijiet mediċi kumplessi. Din tikkonsisti f’ total ta’ 40 sodda għal sena.  Il-valur jista jiġi aċċessat minn fuq il-portal li hu aċċessibli għall-pubbliku etenders.gov.mt.

Għawdex u Kemmuna - WSC / Enemalta - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema huma t-toroq f’Għawdex u Kemmuna li fihom ser ikunu qegħdin isiru jew huwa ppjanat li jsiru xogħlijiet li jinkludu tħaffir ta’ trinek fit-toroq jew fuq il-bankini mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) jew mill-Enemalta matul il-perjodu ta’ bejn Frar 2026 u Diċembru 2026?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq Ta’ Xħajma, Xewkija/Nadur, Triq Bordin, Għajnsielem, parti minn Triq Ta’ Seguna/parti minn Triq ta' Bebunaq/parti minn Triq It-Tempju Ta’ L-Imramma/Triq Dun Luqa, Sannat u Triq San Duminku, Rabat.  Għandha wkoll ippjanat li sa tmiem is-sena jsiru xogħlijiet fi Triq San Ġwann Bosco/parti minn Triq Dun Pawl Micallef/ Triq Il-Wied, Rabat, Triq Karlu Galea/parti minn Triq Ġorġ Borg Olivier/ Triq Viani, Rabat, Triq il-Qbajjar, Marsalforn, Triq San Franġisk/Triq Is-Simar, Qala, Triq Il-Viżitazzjoni/Triq Karmni Grima/Triq L-Arċipriet Gamri Camilleri/Triq Kanonku Franġisk Mangion, Għarb. Infurmata wkoll li min-naħa tal-Enemalta bħalissa għaddejjin xogħlijiet fi Triq il-Qbajjar/Triq ix-Xwejni, Marsalforn u Triq ta’ Ħamet/Triq ta' Xħajma/Triq Bordin, Nadur, filwaqt li qed ikun ippjanat li b’rabta mat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku matul din is-sena jsiru wkoll xogħlijiet fl-Għarb, ix-Xagħra, San Lawrenz u r-Rabat.

Servizz Pubbliku - Trainee Tradespersons - Sejħiet ta’ ingaġġ

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li applikaw għall-aħħar sejħa ta’ ingaġġ ta’ Trainee Tradesperson li jwassal fil-gradi ta’ Trainee Tradesperson Stream fis-servizz pubbliku? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma Għawdxin u kemm minnhom huma Maltin?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li r-rizultat tat-Trainee Tradesperson wasal fl’aħħar fażi u minn kien eliġibbli u għadda se jiġi appuntat.

Ir-Rabat, Għawdex – Triq San Duminku - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31037 li ngħatat fit-13 ta’ Ottubru 2025, tista’ l-Ministru tgħid jekk tlestewx ix-xogħlijiet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fi Triq San Duminku fir-Rabat, Għawdex, peress li fl-istess tweġiba kien ingħad li ‘x-xogħlijiet fit-triq indikata għandhom jitlestew sal-aħħar ta’ din is-sena (2025) kif stipulat fil-kuntratt iffirmat?’

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet relatati mal-ilma potabbli huma finalizzati.  Preżentament għaddejjin ukoll xogħlijiet fl-istess żona mill-Ministeru għal Għawdex u għaldaqstant biex jiġi kkawżat inkonvenjent mill-inqas, ix-xogħlijiet taż-żewġ Ministeri ingħaqdu u x-xogħol pendenti relatat mad-drenaġġ, flimkien mal-asfaltar tal-imsemmija triq, se jkunu finalizzati fil-ġimgħat li ġejjin.

TD-T-3847-2024 (11065) - ‘TRENCHING AND CABLE LAYING WORKS FOR PROPOSED HT FOR ENERGIZING TRIQ PALAZZO PALINA SS - SANNAT IN AN ENVIRONMENTALLY FRIENDLY MANNER’

Question

Tista’ l-Ministru taġġorna l-Kamra dwar is-sejħa TD-T-3847-2024 (11065) - ‘TRENCHING AND CABLE LAYING WORKS FOR PROPOSED HT FOR ENERGIZING TRIQ PALAZZO PALINA SS - SANNAT IN AN ENVIRONMENTALLY FRIENDLY MANNER’ u tgħid jekk ix-xogħol kollu mitlub min din is-sejħa sarx? Jekk le, għaliex ma sarx u meta hu maħsub (xahar u sena) li jsir ix-xogħol kollu mitlub minn din is-sejħa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett hija lesta u Triq Palazzo Palina diġá ngħatat l-asfalt. It-tieni fażi fiż-żona ta’ Triq Dun Luqa se ssir fiż-żmien li ġej wara li hemm ukoll saru xogħlijiet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Tribunali Amministrattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn l-Ewwel Skeda tal-Att dwar il-Ġustizzja Amministrattiva Kap. 490 li telenka dawk it-Tribunali Amministrattivi li għandhom jimxu skont il-prinċipju ta’ mġieba amministrattiva tajba, jidher li tkopri biss tribunali li saru sal-Kap. 487 u għaldaqstant ma tinkludix tribunali bħat-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (Kap. 551)?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.

Servizz Pubbliku - Apprentistati

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jagħmlu xogħol ta’ apprentistat fi ħdan is-servizz pubbliku preżentement?  Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma residenti Għawdex u kemm minnhom huma residenti Malta?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Kemmuna - PA 00738/26

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna l-Kamra dwar il-PA00738/26 li saret mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) rigward Kemmuna u jgħid jekk din l-applikazzjoni hijiex outline development application jew full development application? Jista’ wkoll jagħti t-target date ta’ din l-applikazzjoni?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni PA0738/26 hija tat-tip Full Development Application li taqa’ taħt Skeda 1 tal-L.S.552.13, għaldaqstant din l-istess applikazzjoni qegħdha fi stadju ta' screening. Eventwalment din l-applikazzjoni tkompli ssegwi it-termini stabbiliti fir-Regolamenti Dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp f’dik li hija 'target date' wara li tkun għaddiet mill-istadju tal-Validation.

Port tal-Imġarr, Għawdex - Tqegħid ta’ containers/strutturi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33722, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar u jgħid għaliex f’dawn l-aħħar ġimgħat tpoġġew ammont ta’ containers/strutturi fuq xulxin maġenb l-uffiċini tal-Gozo Channel (Channel House) fil-port tal-Imġarr? Jista’ jgħid ukoll għal xiex qed jintużaw dawn il-containers/strutturi u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi kollha meħtieġa tal-awtoritajiet kollha konċernati sabiex taw l-approvazzjoni tagħhom għal dawn il-containers/strutturi fuq xulxin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li fl-aħħar snin, il-Forzi Armati ta' Malta żiedet ir-riżorsi f' Għawdex sabiex tindirizza ż-żieda fl-operat tagħha f'din iż-żona, partikolarment matul ix-xhur tas-sajf u l-perjodi ta’ vaganzi, meta l-attività marittima tiżdied b’mod sostanzjali. Konsegwentement, saru diskussjonijiet bejn l-entitajiet konċernati sabiex jiġi identifikat sit aktar adatt għall-allokazzjoni permanenti tal-unità tal-FAM stazzjonat fl-Imġarr Għawdex. Sakemm jiġi identifikat sit permanenti u sabiex tiġi indirizzata din il-ħtieġa urġenti, ġie deċiż li jitqiegħdu strutturi temporanji f’żona maġenb il-bini tal-uffiċini tal-Gozo Channel fil-port tal-Imġarr, u dan wara numru ta' diskussjonijiet mal-entitajiet konċernati. L-istrutturi temporanji tqiegħdu sabiex jintużaw bħala faċilitajiet għas-suldati Għawdxin stazzjonati fil-port ta' l-Imġarr, biex b'hekk jittejbu l-kundizzjonijiet ta' dawn l-istess suldati, partikolarment sabiex jiġu salvagwardati s-sigurtà u l-benesseri tagħhom, kif ukoll sabiex b'dawn il- faċilitajiet il-FAM tkun f' pożizzjoni aħjar biex taqdi l-funzjoni tagħha fit-tramuntana tal-Gżejjer Maltin. Dan b'żieda mal-kundizzjonijiet wara l-ftehim settorjali li ġie maqbul ftit xhur ilu li tejjeb il-kundizzjonijiet u d-drittjiet. Fit-2 ta’ Ġunju 2025, l-Awtorità tal-Ippjanar ġiet formalment notifikata dwar dawn ix-xogħlijiet temporanji skont il-proċeduri applikabbli taħt LN 211 tal-2016.

Is-Servizz Pubbliku - Sejħa għal Administration Officers

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li applikaw għas-sejħa ta’ Administration Officer fis-servizz pubbliku? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma Għawdxin u kemm minnhom huma Maltin?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-applikazzjonijiet tas-Sejħa tal-Administration Officer ma jirriflettux in-numri ta’ dawk li huma eliġibbli u ma ssirx distinzzjoni bejn applikanti Maltin u Għawdxin fil-proċess tal-għażla.

Is-Servizz Pubbliku - Sejħa għal Junior Clerks

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid ir-raġunijiet għaliex is-sejħa ta’ Junior Clerk fis-servizz pubbliku tat-23 ta’ Jannar 2026 ħadet post is-sejħa ta’ Junior Clerk fis-servizz pubbliku tad-9 ta’ Jannar 2026 u jekk inbidlux xi rekwiżiti? Jista’ jgħid ukoll kemm persuni applikaw għal din is-sejħa u kemm minnhom huma Għawdxin u kemm minnhom huma Maltin?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-pożizzjoni tal-Junior Clerks tifforma parti mill-Ftehim tal-General Service Grades li huwa ftehim maqbul bejn iż-Żewġ Unjins Ġenerali u l-Amministrazzjoni.  Kull tibdil li jinħass neċessarju minħabba eżigenzi tas-Servizz jkun maqbul bħal dejjem bejn il-partijiet u approvat mil-Kummissjoni għas-Servizzi Pubbliċi.  L-applikazzjonijiet ma jirriflettux in-numri ta’ dawk li huma eliġibbli u ma ssirx distinzzjoni bejn applikanti Maltin u Għawdxin fil-proċess tal-għażla

‘SPD3/2025/068 - FRAMEWORK CONTRACT FOR THE PROVISION OF COMMERCIAL BOAT WITH SKIPPER FOR WASTE TRANSFER FROM COMINO TO GOZO AND THE LEASING OF A LOW-EMISSION WASTE COLLECTION PICKUP TRUCK WITH DRIVER’

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti s-sejħa ‘SPD3/2025/068 - FRAMEWORK CONTRACT FOR THE PROVISION OF COMMERCIAL BOAT WITH SKIPPER FOR WASTE TRANSFER FROM COMINO TO GOZO AND THE LEASING OF A LOW-EMISSION WASTE COLLECTION PICKUP TRUCK WITH DRIVER’? Kemm hu l-valur ta’ din is-sejħa, għal kemm perjodu ta’ żmien ħarġet, u meta ħarġet l-aħħar din is-sejħa pubblika sabiex jiġi pprovdut dan is-servizz? Jista’ jgħid ukoll min kien qed jipprovdi dan is-servizz f’dawn l-aħħar ġimgħat u xhur?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sejħa SPD3/2025/068 – Framework Contract for the Provision of Commercial Boat with Skipper for Waste Transfer from Comino to Gozo and the Leasing of a Low-Emission Waste Collection Pickup Truck with Driver tikkonsisti fil-ħatra ta’ operatur sabiex: ·   tiġi provduta dgħajsa kummerċjali b’kaptan għall-ġarr tal-iskart minn Kemmuna lejn Għawdex; u ·   jiġi pprovdut servizz ta’ kiri ta’ vettura pickup għall-ġbir tal-iskart b’emissjonijiet baxxi, flimkien ma’ xufier, sabiex jiġi assigurat trasport effiċjenti u regolari tal-iskart. Din is-sejħa nħarġet bħala framework contract biex il-Ministeru jkun jista’ jsejjaħ is-servizzi meħtieġa skont il-ħtiġijiet operattivi matul il-perjodu stipulat. Il-valur stmat tas-sejħa huwa ta’ €286,230 (VAT eskluża). Is-sejħa nħarġet fit-23 ta’ Novembru 2025 u għalqet fis-7 ta’ Jannar 2026, u nħarġet għal perjodu ta’ sentejn.

‘Methodology for determining the penalty amount: Guidelines of the Office for Competition’

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema pajjiżi oħra Ewropej ttieħed kont tal-guidelines li tagħhom, kif imsemmi f’paragrafu 2 a fol. 2, tad-dokument intitolat ‘Methodology for determining the penalty amount: Guidelines of the Office for Competition’, datat is-6 ta’ Frar 2026?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat illi kif hemm spjegat fid-dokument ‘Methodology for determining the penalty amount: Guidelines of the Office for Competition’, datat is-6 ta’ Frar 2026, il-linja gwida maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea servew bħala r-referenza prinċipali meta l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fassal il-linji gwida tiegħu.

Penalitajiet finanzjarji

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid f’kemm każijiet ġew imposti penalitajiet finanzjarji minħabba allegat ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, mill-2015 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet il-penali imposta f’kull każ u jekk ġietx imħallsa jew ikkontestata?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat illi l-penaltijiet finanzjarji li ġew imposti minħabba allegat ksur tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, mill-2015 sal-ġurnata tal-lum, huma biss dawk imniżżla fir-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari nru  27947 li ingħatat fit-12-il leġiżlatura. Kif hemm imniżżel f’dik ir-risposta l-intrapriżi kkonċernati ħallsu l-penali imposti.

‘Methodology for determining the penalty amount: Guidelines of the Office for Competition’

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema linji gwida ġew segwiti mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fir-rigward tal-iffissar ta’ penalitajiet finanzjarji qabel il-ħruġ tad-dokument intitolat ‘Methodology for determining the penalty amount: Guidelines of the Office for Competition’, datat is-6 ta’ Frar 2026?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat illi l-linji gwida li ġew segwiti mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fir-rigward tal-iffissar ta’ penalitajiet finanzjarji qabel il-ħruġ tad-dokument intitolat ‘Methodology for determining the penalty amount: Guidelines of the Office for Competition’, datat is-6 ta’ Frar 2026 huma l-linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-metodu ta’ kif jiġu stabbiliti l-multi intitolat ‘European Commission Guidelines on the method of setting fines imposed pursuant to Articles 23(2)(a) of Regulation No 1/2003’.

L.S. 499.37 - Ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux xi ħlasijiet a tenur tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 499.37 - Regolamenti Dwar Ħlasijiet Għad-Dritt Ta’ Mogħdija Għal Utilitajiet u Servizzi, matul is-sena 2025? Jekk iva, minn min u kemm kien l-ammont ta’ ħlas?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, skont l-informazzjoni disponibbli, l-Awtorità għat-Trasport f’Malta ma rċeviet ebda ħlasijiet matul is-sena 2025 a tenur tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 499.37.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Impjegati

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33446, dwar it-12-il impjegat fil-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar li baqgħu jaħdmu wara l-età tal-irtirar, jista’ l-Ministru jgħid liem grad għandha kull waħda minn dawn il-persuni li ngħatat tali permess u f’kull każ għaliex inħasset il-ħtieġa li dawn il-persuni jibqgħu jaħdmu wara li għalqu l-età tal-irtirar ta’ 65 sena?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tali permess jingħata skont l-esigenzi tas-servizz.

Court Attorneys

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li l-irwol ta’ Court Attorney, li issa ilu ’l fuq minn għaxar snin li ġie introdott fis-sistema ġudizzjarja tagħna u m’għadux aktar esperiment: i. jiddaħħal u jiġi stabbilit b’mod konkret fil-liġi biex b’hekk jiġu regolarizzati fil-liġi tagħna l-funzjonijiet, il-ħatra u t-tneħħija mill-kariga tal-Court Attorneys u jekk iva, meta; u ii. li l-Court Attorneys jingħataw kuntratt ta’ servizz għal żmien indefinit wara li jkunu għamlu erba’ snin fl-impjieg tagħhom, hekk kif kien ġie propost fil-Miżura 56 tar-Rapport tal-Kummissjoni għal Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja (Novembru 2013), minflok il-kuntratt ta’ servizz definit għal tliet snin b’raġuni oġġettiva, illi qegħdin jingħataw bħalissa u jekk iva, meta?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.